L-Arċisqof ibierek is-soup kitchen tal-Franġiskani fil-Belt

Print Friendly, PDF & Email

L-Arċisqof Charles Scicluna żar u bierek is-Soup Kitchen immexxija mill-patrijiet Franġiskani, li tinsab fil-kunvent Ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta. Patri Marcellino Micallef OFM, id-direttur ta’ din il-kċina Franġiskana, kif ukoll il-viċi direttur Dr Alexiei Dingli, dawwru lill-Arċisqof Scicluna mal-binja u spjegaw x’tinvolvi l-ħidma biex ikunu jistgħu jitimgħu madwar 100 persuna kuljum.

L-Arċisqof Scicluna ltaqa’ wkoll mal-voluntiera u fil-ktieb tal-mistiedna ħalla dan il-messaġġ:

“Lill-persuni kollha ta’ rieda tajba li ħadmu u jaħdmu fis-‘Soup Kitchen OFM Valletta’ u jemmnu fil-motto ‘Life with Dignity’, lill-mistiedna li jpoġġu għall-mejda tal-imħabba fl-ispirtu ta’ San Franġisk, bil-qalb miksura imma bit-tama fir-ruħ, lill-benefatturi kollha ta’ dan l-att, ta’ din l-opra tal-ħniena, kull barka u kull ġid.”

Patri Marcellino Micallef OFM spjega lill-Arċisqof li ‘Soup Kitchen OFM Valletta’ hi ispirata mill-Evanġelju skont San Luqa: “Agħtuhom x’jieklu” (Lq 9:13). Dan il-post mhux biss jitma’ lil min għandu bżonn ikla kuljum imma joffri wkoll servizzi ta’ psikjatrija, counselling u direzzjoni spiritwali. Il-binja hi mgħammra wkoll bi kmamar tal-banju u kamra għall-ħasil tal-ħwejjeġ.

Il-Kċina Franġiskana tinsab fi Triq Sant’Ursula u hi miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u l-4pm. Għal aktar tagħrif ċempel 79227570.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti