Qari tat-Tnejn tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Saħqu ras l-imsejkna mat-trab tal-art.

Għam 2, 6-10.13-16

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

Dan jgħid il-Mulej:

“Għal tliet dnubiet ta’ Iżrael, erbgħa anzi,

ma rreġġax lura kelmti,

għax huma biegħu l-bniedem ġust għall-fidda,

u l-fqir għal żewġt iqrieq;

saħqu ras l-imsejkna mat-trab tal-art,

u għawġu t-triq tal-umli;

għax huma jidħlu għand l-istess żagħżugħa,

sew l-iben, sew missieru,

biex iżebilħu l-isem qaddis tiegħi;

u għax ħdejn kull altar jimteddu fl-art fuq ħwejjeġ mirhunin;

u fid-dar ta’ alla tagħhom

ilegilgu l-inbid ta’ dawk li huma jimmultaw.

U safrattant kont jien li qridtilhom ġens l-Amurrin,

minn quddiemhom,

minkejja li kien għoli daqs iċ-ċedri,

u l-qawwa tiegħu qawwa tal-ballut.

U qridtlu l-frott minn fuqu u sal-għeruq minn taħtu.

Kont jien li tellajtkom mill-Eġittu,

mexxejtkom erbgħin sena fid-deżert,

biex tieħdu art ġens l-Amurrin.

Araw, se rrosskom mal-art,

kif jintrass ’l isfel karettun mgħobbi bil-qatet.

Il-ħafif ma jibqagħlux ħila biex jaħrab,

il-qawwi ma jwettaqx saħħtu;

lanqas il-qalbieni ma jsalva ħajtu;

min jaqbad l-ark ma jiqafx fuq riġlejh,

min hu riġlejh ħfief ma jsalvax,

lanqas ir-rikkieb ma jsalva ħajtu;

u mqar l-aqwa wieħed fost il-qalbiena,

ikollu jaħrab għarwien dakinhar !”

Oraklu tal-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 16bċ-17.18-19.20-21.22-23

R/. : Mulej aħfer id-dnub tal-poplu tiegħek

Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

Jekk tiltaqa’ ma’ ħalliel, tissieħeb miegħu;

sehmek taqsam maż-żienja.

Fommok ftaħt għall-ħażen,

u lsienek il-qerq jinseġ. R/.

Kontra ħuk toqgħod tpaċpaċ,

kontra bin ommok tqassas.

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek. R/.

Ifhmuha sewwa, intom li tinsew ’l Alla,

li ma naħtafkomx, u ħadd ma jeħliskom.

Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Imxi warajja.

Mt 8, 18-22

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, meta ra ruħu mdawwar b’ħafna nies, Ġesù ordna li jaqsmu għax-xatt l-ieħor.

Imbagħad resaq fuqu wieħed mill-kittieba u qallu: “Mgħallem, tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. Imma Ġesù wieġbu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.

Ieħor, wieħed mid-dixxipli, qallu: “Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Ġesù wieġbu: “Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu