Qari tat-Tlieta tat-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

Sidi l-Mulej jitkellem: min ma jħabbarx?

Għam 3, 1-8; 4, 11-12

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Għamos

Ulied Iżrael, isimgħu din il-kelma,

li l-Mulej qal kontrikom,

u kontra t-tribujiet kollha,

li jien tellajt minn art l-Eġittu.

Huwa qal: “Mir-razez kollha tal-art

ma ridt naf b’ħadd ħliefkom;

għalhekk se nikkastigakom

minħabba l-ħażen kollu tagħkom.

Forsi tnejn min-nies se jimxu flimkien

jekk ma jiftehmux?

L-iljun se jriegħed fil-foresta

jekk ma jsibx il-priża?

Il-ferħ tal-ljun se jsamma’ leħnu fl-għar tiegħu

jekk ma jkun qabad xejn?

L-għasfur se jaqa’ f’wiċċ l-art,

jekk ma jkunx hemm ix-xbiek?

Se jinqaleb il-mansab mal-art,

jekk ma jkunx hemm x’jaqbad?

Forsi tindaqq it-tromba fil-belt

u l-poplu ma jibżax?

Se tiġri xi ħsara f’belt,

jekk ma jkunx għamilha l-Mulej?

Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej,

jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu

lill-qaddejja tiegħu l-profeti.

L-iljun jgħajjat:

min ma jibżax?

Sidi l-Mulej jitkellem:

min ma jħabbarx?

Jiena qlibtkom ta’ taħt fuq,

kif Alla qaleb lil Sodoma u Gomorra;

kontu bħal ħerba meħlusa minn ħuġġieġa,

imma intom ma rġajtux għal għandi. “

Oraklu tal-Mulej.

Mela dan se nagħmillek, Iżrael;

u la darba se nagħmillek hekk,

ħejji ruħek, biex tiltaqa’ ma’ Alla tiegħek, O Iżrael.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 5, 5-6.7.8

R/. (9a): Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek

Int m’intix Alla li tħobb il-ħażen;

il-ħażin ma jsibx postu għandek.

Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk. R/.

Int tobgħod kull min jagħmel id-deni.

Int teqred min jitkellem bil-gideb.

Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej. R/.

Imma jien għat-tieba kbira tiegħek

nista’ nidħol ġewwa darek;

ninxteħet quddiem is-santwarju mqaddes tiegħek,

mimli bil-biża’ tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 129 (130), 5

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien lill-Mulej nistenna,

ruħi f’kelmtu tittama.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira.

Mt 8, 23-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh. U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed. Id-dixxipli resqu fuqu, qajmuh u qalulu: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”. U qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” Imbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu