Alla jieħu ħsiebna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Hemm kelma li Ġesù jgħidha b’enfasi fl-Evanġelju tal-lum: “tibżgħux”. Hi l-kelma li niltaqgħu magħha ħafna drabi fl-Iskrittura, speċjalment meta Alla jsejjaħ lil xi ħadd u jagħtih missjoni. Dejjem jgħidlu: “tibżax”. U Ġesù nnifsu użaha kemm-il darba mad-dixxipli tiegħu: “tibżgħux”.

Għalfejn Ġesù jgħid “tibżgħux” lid-dixxipli tiegħu? L-ewwel nett, għax aħna qegħdin taħt il-ħarsien ta’ Alla, li jieħu ħsiebna.  U għalhekk ma għandniex għalfejn nibżgħu: għax hemm Alla li jieħu ħsiebna. Ġesù hawnhekk jgħid: jekk jieħu ħsieb għasfur tal-bejt, mhux se jieħu ħsieb tagħkom?  Għalhekk din lilna tagħtina ħafna kuraġġ u tgħinna wkoll fil-mumenti meta naħbtu nibżgħu, biex ma ninħaħmux mill-biża’, għax nafu li hemm Alla li jieħu ħsiebna.

Imbagħad Ġesù jgħid ukoll “tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem…” Qed jgħid hawnhekk għad-dixxipli, u aktar tard bdew jaraw l-importanza ta’ din il-kelma l-ewwel Insara, meta bdew jgħaddu minn persekuzzjoni u wħud minnhom imutu martri għal Ġesù. U Ġesù jgħidilhom “tibżgħux”, għax fil-fatt hemmhekk tkunu qed tagħtu xhieda. U nafu li l-martri kienu ż-żerriegħa fil-ħajja tal-Knisja, dawk li taw ħajja ġdida lill-ħajja tal-Knisja. Nafu li martri ma kinux biss tal-ewwel żminijiet, baqgħu dejjem fl-Istorja tal-Knisja, inkluż fi żmienna – nies li huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom, xi wħud ukoll jinqatlu minħabba f’hekk.

Imma Ġesù jgħid wkoll: “Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu”. Jgħid: mhux minn Alla li jsalvana, imma ibża’ imma minn min jista’ jtellfilek ruħek  Minn dak trid tibża’. U jispjega aktar Ġesù. Jgħid: ibża’, fis-sens ta’ “oqgħod attent” minn min jista’ jidħaq bik. Għalhekk juża l-kelma “ħmira”, jiġifieri min jidħaq bik għaliex minn barra jidher mod, minn ġewwa hu mod ieħor, għalhekk jista’ jeħdok fit-triq il-ħażina. Minn dawn għandna nibżgħu. Ġesù jagħmilha ċara li jistgħu jidħqu bina, imma b’Alla ma jidħaq qatt. Għalhekk, anke jekk xi ħadd minn barra jkollu faċċata li mhijiex il-ħajja tiegħu vera ta’ ġewwa, Alla jara l-qalb u għal Alla ma hemm xejn moħbi.

Lilna jistedinna wkoll biex aħna ma nitteħdux mill-pjaga tal-omertà, meta Ġesu jsemmi hawnhekk dal-ħabi. Il-pjaga tal-omertà tfisser li inti taħbi biex qisha ħaġa ħażina ma saritx, jew taħseb li se ssolvi billi taħbiha. Ġesù jgħid: ma hemm xejn moħbi li ma jinkixifx, u ma hemm xejn mistur li ma għadx jinġieb għad-dawl. Imma anke jekk ma jinkixifx quddiem għajnejna, quddiem Alla hu mikxuf. Ma hemm xejn moħbi. Għalhekk dan hu importanti għall-ħajja tagħna, speċjalment biex aħna jkollna s-sinċerità tal-qalb; u naħdmu u nitolbu wkoll lill-Mulej biex aħna qatt ma nkunu mqarrqa minn min jagħmlilna l-ħsara għax ikun wiċċ b’ieħor.

Nitolbu lill-Mulej li aħna nħarsu lejh b’fiduċja li hu jieħu ħsiebna, iħarisna, u jgħinna negħlbu l-biżgħat tal-ħajja tagħna. U nitolbuh ukoll biex iħarisna dejjem ħalli aħna ma nkunux imqarrqa minn min itellfilna t-triq it-tajba u jeħodna fi triq ’il bogħod minnu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: