Papa: Li tegħleb il-ġuħ huwa waħda mill-isfidi kbar tal-umanità

Print Friendly, PDF & Email

“Iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-Jum Dinji tal-Ikel, iġġibna wiċċ imb’wiċċ ma’ waħda mill-ikbar sfidi tal-umanità: li nirbħu l-ġuħ darba għal dejjem huwa għan ambizzjuż”, hekk kiteb il-Papa Franġisku, f’messaġġ indirizzat lil Qu Dongyu, d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-okkażjoni ta’ Jum Dinji tal-Ikel li qed jiġi ċċelebrat illum 15 ta’ Ottubru.

Fil-messaġġ teigħu, l-Qdusija Tiegħu jgħid lit-tema ta’ din is-sena għall-Jum Dinji tal-Ikel – “L-azzjonijiet tagħna huma l-futur tagħna. Produzzjoni aħjar, nutrizzjoni aħjar, ambjent aħjar u ħajja aħjar” – “jissottolinja l-ħtieġa għal azzjoni miftiehma sabiex kulħadd ikollu aċċess għal dieti li jiżguraw sostenibbiltà ambjentali massima u huma wkoll adegwati u aċċessibbli.”

Il-Papa Franġisku jindika paradoss fir-rigward tal-aċċess għall-ikel, waqt li jinnota li filwaqt li aktar minn tliet biljun ruħ m’għandhomx aċċess għal dieta nutruttiva, kważi żewġ biljuni għandhom piż żejjed minħabba dieti fqar u stil ta’ ħajja li jgħaddu ħafna minn ħajjithom bilqiegħda u ma jiċċaqalqux. Huwa kiteb li kulħadd għandu rwol x’jilgħab, u enfasizza, “jekk ma rridux nippreġudikaw is-saħħa tal-pjaneta tagħna u tal-popolazzjoni kollha tagħna, rridu nħeġġu l-parteċipazzjoni attiva fil-bidla fil-livelli kollha u norganizzaw mill-ġdid is-sistemi tal-ikel kollha kemm hi.”

Il-Qdusija Tiegħu jenfasizza erba’ oqsma b’mod partikolari fejn hemm bżonn ta’ azzjoni urġenti: fl-għelieqi, fuq il-baħar, fuq il-mejda, u fit-tnaqqis tat-telf u skart ta’ ikel. Għalkemm “għażliet ta’ stili ta’ ħajja individwali u prattiċi ta’ konsum ta’ kuljum jinfluwenzaw id-dinamiċi globali u ambjentali”, huwa jgħid, “irridu nħeġġu lill-produtturi u lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet etiċi u sostenibbli u jqajmu kuxjenza fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tar-rwol importanti li għandhom biex jagħmlu dinja reali mingħajr li jkun hawn il-ġuħ”.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Papa Franġisku jiżgura lid-Direttur Ġenerali tal-FAO, “is-Santa Sede u l-Knisja Kattolika jimxu spalla ma’ spalla mal-FAO u dawk l-entitajiet u individwi oħra li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-ebda bniedem ma jara d-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha jiġu mminati jew injorati”. Huwa kkonkluda bi kliem ta’ nkoraġġiment: “J’alla dawk li jiżirgħu ż-żerriegħa ta’ tama u armonija jħossu l-appoġġ tat-talb tiegħi, u jitlob li l-inizjattivi u l-proġetti tagħhom jkunu dejjem aktar produttivi u ta’ suċċess”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-overcoming-hunger-is-one-of-humanity-s-great-challenges.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: