Nhar it-Tnejn 1 ta’ Marzu 2021, hekk kif bdejna x-xahar sabiħ li joħodna fir-rebbiegħa, ħuna Ġorġ Agius, jew kif nafuh aħjar bħala Ġorġ tal-Mużew, ħalla dan il-Wied tad-Dmugħ. Wara ħajja ta’ 94 sena mogħtija għall-Mulej ħuna Ġorġ daħal jistrieħ fl-eternità.
Għandi ammirazzjoni kbira lejn dan l-appostlu tal-Mulej, jew kif bosta isibuh: l-Għannej tal-Mulej. Ġorġ la kien jaf jaqra u lanqas jikteb. Imma ħej, l-għaliex ħalla l-Ispirtu s-Santu jaħdem fih seħħlu jaqra r-rieda tal-Mulej għalih. Jiġifieri, dik li jgħanni. Lil Ġorġ nistħajlu bħas-salmista li, kienet x’kienet is-sitwazzjoni li kien għaddej minnha, seħħlu jieqaf u joħroġ minn fommu għanja ta’ radd-il ħajr lill-Mulej.
Fil-Bibbja hemm diversi versi li jfakkruni f’Ġorġ u fix-xogħol tad-deheb li l-Mulej wettaq bih. Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj (S 42:9). Inrodd ħajr lill-Mulej għall-ġustizzja tiegħu; ngħanni isem il-Mulej, isem l-Għoli (S 7:18).Nifraħ u nithenna bik; ngħanni lil ismek, int Alla l-għoli (S 9:3). Imma jien fit-tjieba tiegħek nitma, tifraħ qalbi għall-għajnuna tiegħek. Ngħanni lill-Mulej għall-ġid li għamilli (S 13:6).
U dawn u bosta versi oħrajn mill-Kelma t’Alla jfakkruni f’ħaġa: kemm Ġorġ f’ħajtu daq il-ħniena tal-Mulej għalih! Kemm ħafirlu u ħabbu! Kemm qgħadt madwaru u għallmu! U ħarsu bħal ħbub għajnejh! U Ġorġ, li bħalek u bħali esperjenza ħafna l-ħniena tal-Mulej f’ħajtu, ħallieha tagħġnu tant li ġabietu appostlu tal-ħniena.
Għalhekk Ġorġ jista’ jitqjies bħala wieħed mill-appostli tal-periferija. Għax x’issejħilhom l-isptarijiet, il-faċilità korrettiva u biex ma nsemmux ukoll lix-xuffiera tal-linja fejn magħhom Ġorġ kien jitħaddet u jwasslilhom il-messaġġ ta’ Kristu? Xi ngħidu għall-barijiet u l-każini fejn Ġorġ kien jitfa’ għanja ta’ ġid? Dawn mhux ukoll fil-periferiji qegħdin?
F’dan kollu nara dak li jridna nkunu aħna s-saċerdoti u l-persuni ikkonsagrati l-Papa Franġisku. L-eżempju ta’ Ġorġ, l-appostlu tat-triq, għandu jċaqlaqna biex ma nfittxux il-kumditajiet. Irridu nitħaddtu ma’ kulħadd, l-aktar ma’ dawk li ma jappartjenux għat-tempju. F’kuntest partikulari Papa Franġisku kien qal li kien jibża minn karità li ma tweġġax. Ejjew ngħiduha kif inhi, li tkun man-nies fiha l-uġiegħ tagħha. L-ewwel nett li tkun man-nies tagħmel vjolenza fuq spiritwalità giddieba li lill-mibgħuta jew tagħlaqhom f’kunvent li ma joħorġux minnu u li ġġibhom ħatja għalxejn l-għaliex joħorġu għall-pastorali inkella li jaqflu lil dak li jkun f’xi xogħol jew id-dar li hu tant ‘il bogħod minn dak li qed jitlob Ġesù minna.
Safejn naf jien fil-Kelma t’Alla ma jissemma’ fl-ebda post li Ġesù kien jinqata’ f’xi post ipprivileġġjat u jqatta’ ħajtu hemm, jitlob minn filgħodu sa filgħaxija. Lanqas ma jidhirli li qatt qrajt li Ġesù qatt xi darba kien petitu, li jaħrab mis-sagrifiċċju u jgħix ħajja mxaħxa kemm jista’ ikun. Ġesù kien jintefa’ b’ruħu u ġismu fit-tbatija tan-nies u qalbu kien jiftaħha għall-karba tagħhom. U mhux, b’ħafna qdusija falza, jara x’jagħmel biex jeħles minnhom għax idejquh! Inkella għax itellfulu l-programmi tiegħu! Ġesù kien sod għax ma kellux kliekek. Kien maqgħud ma’ Missieru u Missierna l-ħin kollu! Għalhekk ta’ min jisimgħu u jimxi warajh!
Hekk mexa Ġorġ, fidil lejn l-Ispirtu ta’ Ġesù li laqqgħu ma’ kulħadd! Kemm kont nieħu gost f’Mater Dei meta kont ninzertah filgħodu hemm! Mill-ewwel kont immur ħdejh u jgħidli xi taqbila minn tiegħu u nġibuha malajr fuq Facebook! U n-nies ħallihom jikkummentaw: Kemm hi sabiħa! Sabiħa ħija! Sabiħa oħti! Għax ġejja minn raġel li ħalla lis-Sabiħ imexxieh! B’dik is-sempliċità, ħeġġa, fidi u ġenerożità li għandu jkollha l-qalb tal-appostlu!
Bl-umiltà li theżżeż tiegħu Ġorġ jgħallimna li biex tħalli lill-Mulej jużak la għandek bżonn segretarji u lanqas ħafna ramażolji. Li trid hu qalb umli li lesta tiltaqa’ ma kulħadd. Li trid hu li tħares f’għajnejn in-nies ħa taqra qalbhom u tħenn għalihom u mhux b’dik il-ħarsa li bħali li kien hawn, la hawn u lanqas mhu se jkun hawn!
Ġorġ kien il-bniedem li jħobb bl-affarijiet iż-żgħar. X’inhi taqbila? Mhux x’inhi imma x’mhix! Għadni niftakar l-istorja ħelwa meta kien ħareġ it-taqbila: Madonna ta’ Pompej ħarisni bin-nhar u billejl. Niftakru jgħidli: Patri Mario, kemm ġabuha fuq il-komputer! Kemm fraħna u rringrazzjajna lill-Mulej flimkien dakinnhar! Għax il-Mulej juża’ lill-umli u mhux lis-suppervi. Kif tgħid eżattament l-umli u l-kbira Marija tagħna fil-kantiku tassew sabiħ tagħha: Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin (Lq 1:51-52).
Barra minhekk Ġorġ kien jitħallat ma’ kulħadd għax kien jemmen li kulħadd għandu bżonn it-tgħanniqa ta’ Kristu. Il-kliem ħelu u meqjus tiegħu, ħiereġ kif kien minn qalb li taf tħenn u tagħder, ġibed ħafna nies lejn Ġesù. U l-imħabba tiegħu lejn l-Isem qaddis u adorabbli tal-Mulej, kif imfissra fit-taqbiliet sbieħ li kien jgħanni, kemm ressqet qlub li kienu kesħu l-għaliex tbegħdu mis-sħana tal-Qalb ta’ Kristu.
Kulħadd jaf bil-ħajja qaddisa u sempliċi li għex ħuna Ġorġ. Umilment nissuġġerixxi li għandha tinfetaħ il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu l-għaliex l-eżempju qaddis u umli ta’ bniedem bħal Ġorġ tal-Mużew fis-soċjetà u fil-Knisja tallum f’Malta u f’Għawdex, altru għandniex bżonnu daqs il-ħobż li nieklu u l-ilma li nixorbu!
Patri Mario Attard OFM Cap