Biex il-quddiesa tħalli aktar ġid fija

Print Friendly, PDF & Email

Niġi fil-ħin, liebes pulit u xieraq, noqgħod viċin kemm jista’ jkun tal-artal, għax jiħtieġ li nkun naf x’inhu jiġri fuq altar il-ħin kollu.

Sakemm tibda l-Quddiesa, naħseb ftit x’se nagħmel, u ma’ min se niltaqa’, nkellem u nirċievi f’qalbi. Min qal li wieħed jista’ jpaċpaċ fil-Knisja (qabel, waqt u wara l-Quddiesa) għandu żball KBIR.  Nitkellem ma’ Ġesu biss. Ma’ l-oħrajn nitkellem biss għall-bżonn, malajr u minn taħt l-ilsien.

Meta nista,’ nattendi mal-familja.

Quddiesa mal-Familja

Il-Quddiesa hija ikla spiritwali (permezz tal-Kelma t’Alla) u ikla vera (l-Ewkaristija). Niġi ppreparat biex niekol: (1) insegwi l-qari minn fuq  missal jew fuljett; ma nitlifx kelma mill-omelija biex nara x’se nipprattika fil-ġimgħa li tkun ġejja; (2) naħseb għall-Qrar minn qabel u nieqaf mill-ikel  bejn wieħed u ieħor siegħa qabel it-Tqarbin. Inżomm quddiem għajnejja li l-Quddiesa hija ikla meta ngħid: “Ħa mmur nisma’ l-Quddies.”

M’għandu jsir ebda ikel ieħor jew chewing gum. Jekk nagħtu xi ħaġa lit-tfal żgħar biex joqogħdu kwieti, naraw li karti u tissues neħduhom magħna d-dar. Inżommu l-indafa u l-kwiet bin-kneelers u siġġijiet.

Fl-Att penitenzjali inħabbat sidri – sinjal ta’ sogħba. Ma jagħmilx sens li nħabat sidri fil-Qaddis u l-Ħaruf t’Alla. Il-Qaddis għandu jingħad jew kantat KOLLU bil-wieqfa.

Waqt l-Offertorju noffri lil nnifsi kollni kemm jien lil Alla, bid-dgħufijiet kollha tiegħi. Ħsibijiet li nsibuhom fl-innu li nkantaw. Mela, inkanta mill-aħjar li nista’ fil-waqt li nifhem xi jfissru l-kliem li qed inkanta.

Wara l-Konsagrazzjoni jkun wasal Ġesu fuq l-altar. Bl-akklamazzjoni li ngħid jew inkanta irrid nuri li fraħt (se ntir?)  bil-wasla Tiegħu fostna, mhux qisu ma ġie ħadd. (Min jaf kieku dak il-ħin jidħol il-Papa?  Allura Ġesu, le?)

Ngħid “Ammen” ħafna drabi fil-Quddiesa, imma dik li ngħidu wara t-talba “Fi Kristu, ma’ Kristu….” ngħidulha “l-Ammen il-Kbira” għax biha nistqarru: “Iva! Hekk ikun! Nemmen li dak li int, saċerdot, għamilt fuq l-artal (bdilt il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu) seħħ tassew!” Mela importanti li din “l-Ammen” ma nitilfuhiex.

Il-Missierna hija t-talba perfetta. Ngħiduha bil-qalb, nifhmu x’qed ngħidu, u ma ngħaġġlux aktar mill-qassis jew l-oħrajn. Fil-fatt it-talb kollu li jmiss lilna irridu ngħiduh FLIMKIEN biex nuru l-għaqda tagħna. “Bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” jfakkarni li jekk miġġieled ma’ xi ħadd, naħsibha darbtejn qabel nitqarben. It-Tqarbin huwa l-qofol tal-festa tagħna għax huwa t-twaħħid tiegħi ma’ Ġesu u huti l-bnedmin.  Nitla’ nitqarben bla għaġġla, u kif nitqarben ma nagħmilx ġenuflessjoni għax ta’ warajja jitfixkel f’saqajja. Jekk jitkanta innu, inkanta ma’ ħuti l-bnedmin. Inħalli t-talb personali għal wara. Il-quddiesa hija ċelebrazzjoni tal-Irxoxt: mela nuri l-ferħ tiegħi bil-kant.

Fir-radd tas-salib fil-bidu u fil-barka tal-aħħar ma ngħidx “Fl-isem tal-Missier…” imma nrodd biss is-salib u nirrispondi Ammen. Noqgħod għall-Quddiesa sal-aħħar. Mhux etikett noħroġ ‘il barra qabel ma s-Saċerdot jidħol ġewwa. Fejn nista’, noffri biex naqra, indoqq, nintona, nitla’ bl-offerti, niġbor, nagħmilha ta’ animatur jew usher.

Jekk nosserva dawn il-punti, il-Quddiesa tibdilni fi bniedem ġdid kollu ferħ skont il-Qalb ta’ Ġesu.

Minn Edward Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: