Sinodalità u Komunjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 2021: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa fil-Ftuħ Djoċesan tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-fil-ftuh-tas-sinodu-tal-isqfijietil-hadd-17-ta-ottubru-2021?si=604406eca481499eb56cef40198cdfa8″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

X’periklu kbir jekk anki fil-Knisja nirraġunaw bħalma tirraġuna d-dinja! Il-Knisja nimmaġinawha xi kumpanija, xi struttura, illi fiha hemm ħafna rwoli, li mbagħad hemm ħafna li jiddependu minnha, li mbagħad il-parti kbira tan-nies iħarsu lejha minn isfel għal fuq, jistennew li tagħtihom dak li għandhom bżonn, kemm f’dak li hu tagħlim, kemm fil-bżonnijiet l-oħra, mhux biss spiritwali, imma wkoll kultant materjali! Dan huwa riskju kbir: l-idea ta’ Knisja magħmula mill-qassisin; l-idea ta’ Knisja magħmula mill-Papa, il-Kardinali u l-Isqfijiet. Dawk qegħdin hemm… u aħna, il-bqija? Intom in-nies? Immorru hemmhekk għax jgħidulna huma, biex nisimgħu minnhom, għax din l-istruttura b’xi mod nemmnu li tista’ tgħinna fil-mixja tagħna tal-ħajja, tgħinna wkoll wara li mmutu. Imma tkun viżjoni wisq fqira tal-Knisja jekk aħna nimmaġinawha b’dan il-mod.

Il-Papa, bl-għajnuna tal-Kardinal Mario Grech, il-Kardinal ‘tagħna’, ħa inizjattiva importanti ħafna fid-dinja kollha kemm hi. Qiegħed jibda Sinodu, jew aħjar, proċess ta’ sinodalità. Kelma tqila, imma li tfisser xi ħaġa sempliċi ħafna, li ħa nifhmuha flimkien. Il-Papa jixtieq li lkoll kemm aħna, il-Kristjani, dawk kollha li nemmnu f’Ġesù, kollha kemm aħna nagħrfu min tassew aħna, x’inhi l-identità tassew tagħna. Fi kliem ieħor, ilkoll kemm aħna – saċerdoti, reliġjużi, lajċi – mexjin flimkien, mhux wara l-Isqof, mhux wara l-Papa, imma wara Ġesù. Din hija l-Knisja. Din id-definizzjoni għandna bżonn li nitgħallmuha, l-ewwel u qabel kollox aħna l-qassisin. Aħna bħalkom mexjin fit-triq wara Ġesù. U mhux biss bħalkom, imma flimkien magħkom, ma’ xulxin.

Fil-Knisja hemm tliet modi ta’ kif tista’ tkun. Hemm il-mod tal-ministeru, is-saċerdoti; hemm il-mod tal-ħajja reliġjuża, is-sorijiet u l-patrijiet; u hemm ukoll tal-lajkat, il-lajċi, li huwa intom. Dawn it-tliet modi m’hemmx wieħed ikbar mill-ieħor fil-Knisja. Irridu nifhmuha darba għal dejjem, l-ewwel u qabel kollox, aħna s-saċerdoti. M’hemmx mod wieħed ikbar mill-ieħor. M’hemmx is-saċerdoti ikbar mir-reliġjużi, jew ir-reliġjużi ikbar mil-lajċi, imma lkoll kemm aħna ninsabu fuq l-istess livell. Ilkoll kemm aħna nieħdu mingħand xulxin u nagħtu lil xulxin, f’din il-mixja tagħna lejn Ġesù.

Forsi llejla m’għandniex ċans nidħlu fil-fond ta’ din ir-realtà. Imma dan hu s-Sinodu; irid jgħinna, lil kull wieħed u kull waħda minna, il-komunità Kristjana tagħna, hawnhekk fil-gżira Għawdxija: aħna komunjoni. Il-Papa jsemmi tliet kelmiet importanti: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni.

L-ewwel u qabel kollox aħna komunjoni. Fil-komunjoni m’hemmx min hu iktar u min hu inqas. Imma hemm persuni, li huma differenti, iva, imma għandhom l-istess valur u importanza fl-għajnejn ta’ Alla, fl-għajnejn ta’ Ġesù. Din lilna lkoll iddaħħalna l-ewwel u qabel kollox f’sens kbir ta’ libertà, imma wkoll f’sens kbir ta’ responsabbiltà. Ilkoll kemm aħna responsabbli għall-mixja ta’ xulxin. Mhux aħna s-saċerdoti biss responsabbli tal-mixja ta’ min mhuwiex saċerdot, jew min mhux reliġjuż, imma lkoll kemm aħna responsabbli ta’ xulxin.

Il-parteċipazzjoni: irridu nwieġbu għas-sejħat, mhux tal-Papa, mhux tal-Isqof, mhux tal-qassisin, imma ta’ Ġesù, li jinqeda bin-nies; għax hu inkarna, sar bniedem. Allura jinqeda bin-nies: jinqed bik, jinqeda bija, jinqeda bina. Imma dan il-proċess diffiċli, għax mhux kif jaħdmu l-istrutturi tad-dinja. L-istrutturi tad-dinja jaħdmu fuq il-biża’, fuq il-prepotenza, fuq kemm jien kapaċi nżomm il-ponn sod, kemm kapaċi nikkmanda. Anki fil-familja kultant nispiċċaw insabbtu saqajna. Ġesù jaħdem mod ieħor.

Illum il-Vanġelu (Mk 10:35-45) jsemmi xi ħaġa fundamentali u importanti. Biex ikun hemm din il-komunjoni, biex ikun hemm il-parteċipazzjoni u biex ikun hemm il-missjoni, x’hemm bżonn? Ħaġa waħda: ħafna umiltà. Ġakbu u Ġwanni jippretendu li wieħed joqgħod “fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja” (v. 37); jiġifieri li jkollhom il-poter, l-awtorità. Ftit qabel, Ġesù kien għadu qed jgħidilhom għat-tielet darba li huwa sejjer Ġerusalemm, fejn hemmhekk se “jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt” (v. 34). Dawn, wara li semgħu dan id-diskors kollu, jgħidu lil Ġesù: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek” (v. 37). Għalihom il-glorja x’kienet? Il-misħut poter. Għax il-poter hu invenzjoni tax-xitan.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew insibuha ċara ħafna daqs il-kristall, f’kapitlu 4, fit-tentazzjonijiet, meta x-xitan jittanta lil Ġesù fuq il-poter. “Ix-xitan ħadu miegħu fuq il-muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet tad-dinja u l-glorja tagħhom u qallu: ‘Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani’” (4:8-9). ‘Nagħtik id-dinja kollha għax hija tiegħi, il-poter huwa tiegħi’, jgħidlu x-xitan. Il-poter huwa karatteristika tax-xitan. Imma mhux tax-xitan biss: huwa karatteristika tiegħi u ta’ kull wieħed u kull waħda minna.

Ara nimmaġinaw li l-poter huwa ta’ min qiegħed fil-għoli! Il-poter inħaddmuh kollha kemm aħna: meta rridha tgħaddi tiegħi, meta jiena nfittex li dak li nagħmel, nagħmlu biex nerfa’ ’l fuq il-figura tiegħi, il-persuna tiegħi; meta dak li nippjana, dak li nipproġetta jkun sempliċiment biex nintrefa’ ’l fuq.

Nindunaw kemm il-poter jaqla’ nkwiet… meta nfittxu l-poter, mhux biss fil-ħajja ta’ kuljum, imma wkoll fil-ħajja tal-Knisja. Il-Papa dalgħodu fl-Angelus qal kelma li lili għoġbitni ħafna: “Kultant aħna nimirdu bil-marda tal-poter”. U tispiċċa marda, li lanqas nindunaw li aħna morda bil-poter. Fil-familja, m’intix kapaċi tgħid ‘skużani’; m’intix kapaċi li xi kultant iċċedi u tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi; m’intix kapaċi taċċetta l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Aħna s-saċerdoti kif naħdmu mal-lajċi, kif naħdmu flimkien: jekk ikunx il-biża’ li jmexxina, jekk ikunux l-interessi personali li jmexxuna, jew inkella l-Kelma ta’ Ġesù, li jiġbidna lejh ilkoll flimkien.

Interessanti li fil-Vanġelu għandna lil Ġakbu u lil Ġwanni li jippruvaw jintrefgħu ’l fuq. Irridu “noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug” (v. 37). Iktar tard fil-Vanġelu nafu min qagħad fuq il-lemin u fuq ix-xellug ta’ Ġesù: żewġ ħallelin. Mhux Ġwanni u Ġakbu – anzi, dawk telqu, ħarbu, dabbru rashom. Allura Ġakbu u Ġwanni jridu jintrefgħu, u Ġesù jitkellem fuq il-kalċi u fuq il-magħmudija. Xi tfisser magħmudija? Tfisser li tegħreq u mhux li tintrefa’ ’l fuq. Tegħreq fix-xewqat ta’ Alla, tegħreq fir-rieda ta’ Alla, tegħreq fil-Kelma tal-Vanġelu, fil-Kelma li nisimgħu. Inħallu lilha li tmexxina fil-ħajja, inħallu lilha ddawwalna, fid-deċiżjonijiet, fl-għażliet prattiċi tal-ħajja tagħna ta’ kuljum; b’mod speċjali aħna s-saċerdoti, fl-għażliet pastorali tagħna, fl-għażliet ta’ responsabbiltà li għandna. Tkun din il-Kelma li ddawwalna u xejn iktar; tkun hi l-magħmudija, fejn negħrqu fil-persuna ta’ Ġesù, u mhux nintrefgħu ’l fuq.

“Għandkom il-ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien?” (v. 39) Inti mit-tazza ta’ min kapaċi tixrob? L-iktar l-iktar mit-tazza tal-mara tiegħek, jew tar-raġel tiegħek, u forsi tat-tfal; imma mhux kulħadd lanqas. X’jiġifieri tixrob mit-tazza? Jiġifieri li tkun parteċipi, tkun ħaġa waħda mal-persuna ta’ Ġesù. Lesti tkunu ħaġa waħda mal-persuna tiegħi? Lesti li jkollkom il-valuri tiegħi? Lesti li jkollkom l-ideat tiegħi? Lesti li jkollkom il-ħsibijiet tiegħi? Allura hemmhekk, iva, tkunu tistgħu toqogħdu wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug. Fl-aħħar tal-ħajja ta’ Ġesù, fuq il-lemin u fuq ix-xellug, ma nsibux żewġ qassisin, lanqas żewġ isqfijiet, imma nsibu żewġ ħallelin.

Il-Mulej jagħtina l-umiltà, li hija l-qofol, hija predispożizzjoni importanti u meħtieġa għas-sinodalità, għall-komunjoni. Jekk jien inħares lejn l-oħrajn u narahom dubbien, jekk jien il-ħin kollu nikkritika lil ħuti, lil sħabi, kif jista’ jkun jien nagħmel sinodalità? Ma nistax nagħmel sinodalità. Ma nistax naħdem flimkien, ma nistax nagħmel komunjoni, parteċipazzjoni. U dan min xiex jiġi? Meta jiena npoġġi lili nnifsi ’l fuq. Imma ’l fuq minni hemm Ġesù.

Ejjew nippruvaw nidħlu ftit f’din l-idea tal-Papa, tas-sinodalità, li aħna lkoll kemm aħna għandna bżonn xulxin biex insalvaw flimkien… ibda mill-familja, fuq ix-xogħol, fil-Knisja… u naraw x’jiġri. Il-Knisja ma tistax timxi bir-regoli, bl-id tal-ħadid, bl-impożizzjonijiet. Ma tistax timxi hekk il-Knisja. Ma tistax timxi bil-biża’. Ma tkunx il-Knisja, tkun xi ħaġa oħra.

Il-Mulej jagħtina verament li nilqgħu dan id-don li qed jagħtina l-Papa. Inħeġġiġkom biex titolbu lkoll għall-Papa, u nitolbu wkoll għall-Kardinal Mario, li f’dan iż-żmien għandu ħafna iżjed responsabbiltà, biex il-Mulej ikompli jimlieh bid-doni tiegħu, ħalli jkompli jgħinna nkunu familja, komunjoni, ilkoll flimkien, ilkoll bid-dgħufijiet tagħna, bid-difetti tagħna, nimxu wara Ġesù.

Leave a Reply

%d bloggers like this: