Quddiesa waqt l-alarm

Print Friendly, PDF & Email

Il-ħajja fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija tassew tolqotni. L-ewwel nett, l-għaliex jien stess pazjent u għaddej bit-trattament mediċinali bħalma jgħaddu ħuti l-pazjenti. U, kif jgħiduli xi membri tal-istaff stess: “Tista’ tifhem aktar minn xiex jgħaddi l-pazjent fil-kura għax qed tgħum fl-istess baħar tiegħu u tagħha”. U, it-tieni nett, l-għaliex, bil-grazzja tal-Mulej, jien kappillan ukoll. Mela, biex nuża l-frażi tal-kbir Wistin, lill-pazjenti nħobb ngħidilhom: “Magħkom jien pazjent u għalikom jien kappillan”.

Il-ħajja fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija nistħajjilha bħall-Olympic Trap tad-dixxiplina tal-isprar tal-plattini. Il-magna ittajjarlek il-plattina fejn trid hi. U int kemm terfa’, tgħolli s-senter ‘il fuq mill-kamra, tmur quddiem il-plattina, tiġbilha tir jew tnejn waqt li takkumpanjaha. Mhux ta’ b’xejn li meta tiratur ikisser il-platina jibqa’ jakkumpanja lill-plattina. Avolja ra b’għajnejh u b’għajnejha li dik il-plattina jkun ġabha trab u rmied!

Anki fil-ħajja tal-isptar iseħħu affarijiet li wieħed ma jkunx qed jistenniehom. Għalhekk, il-ħajja fl-Isptar hi sabiħa għax meta jinqalgħu dawn iċ-ċirkustanzi l-Mulej dejjem ikollu l-plan B tas-sitwazzjoni. Ara kemm jaf iħobb! Intant …

Niftakar, darba minnhom kont qed inqaddes f’sala u, f’daqqa waħda, bdew jixgħelu l-alarms. Kien jidher ċar li dan kien test ta’ rutina biex, f’każ li jinqala’ xi ħaġa, is-sigurtà ta’ kulħadd tkun imħarsa tajjeb. Dan hu pass tajjeb u għaqli! Wara kollox nies hemm fl-Isptar! Is-sabiħa hi li jien stess qatt ma immaġinajt biex se joħroġli l-Mulej!

Bdejna l-quddiesa, bħas-soltu, u l-alarm telaq! Issa sew! X’ħa nagħmel? Se noqgħod bilqiegħda sakemm jerġa’ isaltan is-skiet u mbagħad nerġa’ nidħol fix-xena? Ngħidilkom il-verità, fil-fond ta’ qalbi ħassejt xi ħaġa li qaltli biex nibqa’ għaddej inqaddes. Mela jien kont naf kemm se jdum dan l-alarm x’kull waħda tnejn? Imnalla ħbieb li għamilt hekk inkella min jaf jekk dik il-quddiesa kinitx tissokta titqaddes? Jew inkella kienx ikolli, kontra qalbi, indur lejn il-ġemgħa mferrxa u ngħidilha, abbli bid-dmugħ f’għajnejja: Aħfruli ħuti imma ma nistgħux nibqgħu niċċelebraw il-quddiesa f’dan l-istorbju! L-aħjar hu li kulħadd imur f’kamartu u niċċelebraw il-quddiesa darb’oħra. Meta l-affarijiet ikunu aktar kalmi?

Imma, ngħid jien, imbilli kont se nibgħathom f’kamrithom? X’kont se nsolvi b’daqshekk? Illum ngħid li kont nitlef opportunità tad-deheb li nħalli lill-Ispirtu s-Santu jwasslilna biċċa għerf mill-aktar importanti. Għalfejn qed ngħidu dan? L-għaliex il-qari stess tal-Kelma tal-Mulej ta’ dak il-jum ikkonfermahuli bil-bosta. L-aktar il-vanġelu li kien meħud minn San Mattew kapitlu 11, minn versi 25 sa 30:

F’dak iż-żmien: Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, talli inti, dawn il-ħwejjeġ, ħbejthom lil min hu għaref u lil min jifhem, u għarrafthom lil min hu ċkejken. Iva, Missier, għax hekk għoġob lir-rieda tiegħek. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben ħlief il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu. Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom l-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

L-alarm li beda għaddej, mingħajr waqfien, fakkarni fit-taħbit u t-toqol li aħna ngħaddu minnhom f’ħajjitna. Minn kemm problemi ngħaddi minnhom hux! U, mhux l-ewwel darba li, anki jekk problemi ma jkollniex imma l-inkwiet li jkun hemm idur fi mħuħna jkun wieħed li jimpressjonak u jimpressjonani! Ikunx qisu bħall-alarm għaddej, mingħajr waqfien, lejl u nhar? U, meta dan iseħħ, x’uġiegħ iġib lill-imsejken moħħna li żgur li l-Mulej ma ħalqux biex jibqa’ imweħħel u ibbalzmat mal-imgħoddi nkella jiżżaqżaq jew itektek bla waqfien mar-riħ li ma jieqafx jonfoħ tas-sitwazzjoni.

Tkun illużjoni ngħidu li xi darba, dan l-alarm li ma jinstemax bil-ħoss komuni, se jieqaf. Il-ħajja mimlija alarms. Mhux biss dawk ta’ mad-djar, mal-knejjes, mal-fabbriki, mal-bini governattiv, mal-isptarijiet u ma’ ma nafx fejn. L-alarms tad-diffikultajiet żgur li mhux ħa jonqsu. Imma Ġesù, f’dan il-qari, qed jagħtina t-tweġiba: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom l-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu mistrieħ għal ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif (Matt 11:28-30).

Iridna mmorru għandu biex iserraħna u nitgħallmu minnu, ħa nsibu l-mistrieħ għal ruħna. F’kelma waħda, Ġesù jrid jgħallimna nistrieħu minn dawn l-alarms li jġenġlu l-widnejn u l-qlub li dejjem għaddejjin f’ħajjitna. Mela, il-biċċa ma kinitx filli nwaqqfu l-quddiesa u kulħadd imur lura f’postu. Jekk kien se jsir hekk veru li konna nkunu tlifna opportunità tad-djamanti li fiha nitgħallmu tagħlima tant meħtieġa għal ħajjitna. U x’taħsbu li kienet il-konklużjoni f’din il-quddiesa li ġiet iċċelebrata waqt l-alarm? Li f’kull sitwazzjoni alarm li nkunu fiha, anki f’dik tad-dnub, li allura hi s-sitwazzjoni tal-alarm tal-alarms, aħna ngħidu b’fidi sħiħa f’Ġesù: ĠESÙ JIENA NAFDA FIK!

Issa nifhem l-għaliex waħda mill-membri tal-istaff, hekk kif intemmet il-quddiesa, b’ħanġra daqshiex quddiem kulħadd qaltli: X’erba’ kelmiet bis-sens għedt f’dan l-alarm Patri! Jien, il-Patri, nemmen b’fidi ferma li l-Ispirtu s-Santu qalhom dawk il-kliem u mhux jien, midneb. Għalhekk, GLORJA LILEK MULEJ!

Madankollu, l-Ispirtu s-Santu għallimni wkoll li quddiesa waqt l-alarm tista’ issir ukoll! Dejjem jekk il-qalb tkun … miftuħa! …

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: