Alla jridna nipproteġu l-ħajja u nħarsu s-saħħa

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 25 ta’ Ottubru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tat-tletin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“B’saħna fuqu”. Dan huwa l-kliem li juża l-Evanġelju llum biex jiddeskrivi r-rabja li kellu l-kap tas-sinagoga għax Ġesù kien fejjaq dik il-mara li kienet ilha tmintax-il sena sħaħ marida, u kienet milwija ħafna minħabba l-marda, u għamel dan f’Jum is-Sibt. U l-kap tas-sinagoga mhux lil Ġesù qal, imma lin-nies: hemm sitt ijiem li fihom intom taħdmu, u f’dawk il-jiem ejjew biex titfejqu, mhux f’Jum is-Sibt.

Ir-reazzjoni ta’ Ġesù kienet qawwija, iktar tista’ tgħid minn dik tal-kap tas-sinagoga. Jgħid “uċuh b’oħra”, u jispjega għaliex. Jgħid: intom nhar ta’ Sibt il-ħmar jew il-barri tħolluh mill-irbit u teħduh biex tisquh. Allura din il-mara – Ġesù uża l-istess kelma, li kienet “marbuta”, imjassra għal tant snin – ma setgħetx tinħall mill-irbit għax is-Sibt?  Qed jgħid Ġesù: dawn qalbu l-iskop ta’ Jum is-Sibt rasu ’l isfel. Possibbli Alla ma jridx il-fejqan għax is-Sibt? Kif jista’ jkun li tisħon u tirrabja, flok tifraħ u tirringrazzja lil Alla, għax mara tkun fieqet wara dawk is-snin sħaħ marida?

L-iżball ta’ xi wħud mill-għorrief tal-liġi kien proprju dan: li huma weħlu f’parti mil-Liġi li tgħid li f’Jum is-Sibt ma jsirx xogħol, imma nsew l-iskop ta’ dan. L-iskop kien li ma jsirx xogħol f’Jum is-Sibt biex tkun tista’ tieqaf fil-kwiet iktar, tisma’ l-kelma ta’ Alla, tkun aktar viċin ta’ Alla fit-talb, u turi l-gratitudni lejn Alla. Għalhekk ma jagħmilx sens li taħseb li Alla, li jrid il-ġid tal-bniedem, ma jridx li persuna tfiq għax is-Sibt. Anzi, meta tkun viċin Alla, tagħraf li dan hu tassew li jrid Alla.

X’nitgħallmu għall-ħajja tagħna? L-ewwel nett, li Alla jrid il-ġid tal-bniedem. Hu jrid il-protezzjoni tal-ħajja u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk ebda liġi ta’ Alla mhi se tkun kontra l-protezzjoni tal-ħajja u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Ara liġi tal-bnedmin, sfortunatament, tista’ jkun hekk; imma mhux il-liġi ta’ Alla. U Alla jimpurtah mill-bniedem, u jrid il-ġid tiegħu. Għalhekk ebda liġi ta’ Alla ma tippermetti li bniedem li jkun fil-bżonn jitħalla għal riħu u ma tipprovax tgħinu.

Għalhekk, l-appell li jagħmel il-Mulej lilna hu biex aħna jkollna qalb bħal tiegħu. Li aħna nkunu sensittivi għal dawk li huma fil-bżonn. Ma jkollniex dik ir-riġidità, li naqraw fuqha fl-Evanġelju li kellhom xi wħud mill-kapijiet u l-għorrief tal-liġi. U li aħna jkollna mhux qalb tal-ġebel, imma qalb tal-laħam, qalb li tħoss għan-nies li huma fil-bżonn, speċjalment għal dawk li għaddejjin minn tbatija.

Din hi t-talba li nagħmlu lil Alla llum. Nitolbuh biex hu jagħtina qalb bħal tiegħu, mimlija mħabba, kompassjoni, ħniena, u li nuru l-qalb tagħna speċjalment bl-attenzjoni u bl-għajnuna għal dawk li għaddejjin minn tbatija kbira.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading