Venezja … storja ta’ mħabba kbira magħmula minn ġesti sempliċi

Print Friendly, PDF & Email

L-uniku lejl f’Venezja għadda wkoll. Tassew li fil-kamra ma kellix arja kundizzjonata. Imma xorta waħda stajt norqod. Ħallieha li fuq għonqi, sewwa sew fuq in-naħa tax-xellug, kelli ħames għoljiet ċkejknin li għamluhomli ħuti n-nemus! Dan in-nemus ukoll! Anki f’Venezja jsib x’jagħmel!

Filgħodu mort ħdejn il-bieb ta’ barra tal-kunvent għall-ħabta tas-6.30 am. Dan l-għaliex, fis-7.00 am bum, kellna l-quddiesa fil-monasteru tal-Klarissi Kapuċċini. X’ħin wasalt ħdejn il-bieb ta’ barra nara lill-istudent tagħna Fabio. “Għal magħna għall-Monasteru?” staqsieni. “Iwa. Jimporta niġi miegħek?” weġibtu. “Isbaħ din!” qalli Fabio. U hekk, it-tnejn li aħna, morna bil-qajla l-qajla lejn il-Monasteru li ma kienx imbiegħed mill-kunvent tagħna, żewġ triqat kollox.

X’ħin wasalna bqajna deħlin fis-sagristija. Xi patrijiet diġà kienu libsu l-kamżu ħalli jikkonċelebraw. X’ħin rajt dan ilbist il-kamżu jien ukoll ħalli bħalhom nitħejja sewwa għall-quddiesa. Ftit wara li lbist ġie Francesco. “Diġà qiegħed hawn?” qalli. Imbagħad issokta jgħidli: “Tajjeb!” U tassew li tajjeb kien għax il-minutiera mill-ewwel immarkat is-seba’!

Ħriġna għall-Knisja biex nikkonċelebraw il-quddiesa. L-artal kien eżatt quddiem il-grada ta fejn kienu s-sorijiet u li dak il-ħin kienet miftuħa beraħ. Milli stajt ninnota f’Venezja l-Klarissi Kapuċċini għandhom kumunità pjuttost żgħira ta’ sorijiet. Daqs seba’ kollox. Almenu dan hu n-numru li rnexxieli ngħodd! U, biex tagħqad, ħafna minnhom xjuħ. X’se jiġri la jixjieħu aktar u jħallu dan il-Wied tad-Dmugħ? Din hi l-mistoqsija li, b’mod naturali, wieħed jistaqsi f’dawn iċ-ċirkustanzi. Personalment tweġiba għaliha m’għandix. Għalhekk, u bħalma nħobb ngħid lil ħaddieħor f’dawn is-sitwazzjonijiet xejn faċli, fejn wieħed kontroll fuqhom m’għandux, dort lejn il-Mulej u għedtlu f’qalbi: “Ġesù jiena nafda fik!”

Fil-quddiesa saltnet paċi kbira. Anki jekk fit-talb, f’mument minnhom, soru daħlet f’oħra. Imma dawn il-ħwejjeġ jiġru. L-aktar meta fil-komunità ikun għad baqa’ min jiflaħ joħroġ bil-first gear u jkun hemm min jista’ joħroġ biss bit-third gear. It-talb u l-kant kienu tassew sbieħ. U anki jekk fil-Knisja tagħhom in-nies li kien hemm kont tista’ tgħoddhom fuq id waħda, xorta kien hemm ġabra mill-isbaħ fit-talb. Mhux hekk jixraq lit-talb innifsu? Qabel irħejnilha lura lejn il-kunvent, tajt seba’ palċminiet żgħar tal-Kelma t’Alla lis-sorijiet bl-ilsien Taljan. Mill-bixra tagħhom tgħidx kemm ħadu gost bihom!

Wara l-quddiesa ilkoll bqajna sejrin lejn il-kunvent ħalli nieħdu naqra kafè u xi żewġ biscotti. Ħadt gost li għamluli l-kafè ippreferut tiegħi, il-cappuccino! Għax jekk il-cappuccino ma nieħdux għand il-Kapuċċini, li ivvintawh huma, mela għand min tridni nieħdu sieħbi? Wara kollox issa kont qed nilgħab home! Fil-kunvent tagħna stess!

Wara li ħadt il-kafè u nżilt nagħmel passejn fil-ġnien qtajtha li nerħilha waħda sal-kċina. Madankollu, kif kont se nagħmel dan, xi ħaġa qaltli biex, minflok immur lejn il-kċina jkun ħafna aħjar jekk noħroġ ‘il barra u immur nixtri xi ħaġa tajba għall-patrijiet għal nofsinnhar. Dan il-ħsieb tani kuraġġ ta’ sur. Liema Patri u student ma jieħux gost li jiġi apprezzat? Kulma kelli l-kunvent kienu ftit sigħat. U l-għaliex dawn is-sigħat ma kellhomx ikunu speċjali?

Imsaħħaħ minn dan il-ħsieb, li ferraħni tgħidx kemm, qbadt it-triq u rħejtilha lejn id-direzzjoni li mxejt fiha fil-jum ta’ qabel filgħaxija. “Xi pasticceria tajba żgur li nsib”, għedt lili nnifsi. U hekk kien l-aħwa! Għax, wara li għaddejt minn pont żgħir, il-Mulej laqqagħni ma’ mara li qaltli: “Mur f’dak il-bieb ara, għand ċerta Anna, ħabiba tiegħi. Tibżax! Dik tagħmillek ftit pasti li l-Patrijiet tgħidx kemm se jieħdu gost bihom wara l-ikla ta’ nofsinnhar! Anna ma tbiegħx bl-għoli!”

U hekk kien ħuti, sewwa sew kif kienet qaltli din il-mara. Mort għand Anna u introduċejt ruħi. U wara li għedtilha xi rrid tlabtha iġġibli flixkun ilma bil-gas mill-fridge. “Dan rigal mingħadni”, qaltli. Rajtha anġlu tas-sema lil Anna f’dak il-waqt għax aqta’ x’għatx klubi kelli! Hekk kif bdiet tħejjijli l-pasti Anna bdiet tiftaħ qalbha miegħi: “Jiena nafhom il-Patrijiet hawnhekk. Minn tagħna ħafna. Tafu lil Fra Oswaldo?” staqsietni. “Ma nafux. Naħseb li bħalissa qiegħed bil-vaganzi,” weġibtha. “Insomma,” issuktat Anna. “Lill-Kappillan tiegħi diġà avvżajtu li meta niġi nieqsa lil Fra Oswaldo irrid li jqaddisli l-quddiesa tal-funeral. Għax dak veru jismagħni”. X’tagħlima kbira kienet din għalija!

Wara li xtrajt dak li kelli nixtri mingħand Anna, bi skont tassew ħelu u ġeneruż, bqajt sejjer dritt bihom il-kunvent. Kif rani bi tray daqshiex u imgeżwer f’karta bajda b’linji tal-burdura ta’ lewn ikħal f’idejja, Francesco, li kien fil-kċina flimkien ma’ Fabio, Mattia u Abramo, li miegħu kienu qed iħejju l-ikla ta’ nofsinnhar, qalli: “Hemm xi xtrajt?” Bit-tbissima dlonk weġibtu: “Xi ħaġa ta’ kuraġġ għalikom ħuti!” Ħassejt li l-aħwa li kien hemm fil-kċina f’dak il-mument apprezzaw bis-sħiħ dan il-ġest sempliċi imma li kien ħiereġ mill-qalb. Imbagħad, biex naqleb naqra d-diskors, staqsejthom: “Nista’ ngħinkom f’xi ħaġa?” Emmnuni li niddejjaq nara lil ħaddieħor jaħdem mingħajr ma nista’ nagħti imqar dik id-daqqa ċkejkna t’id. “Le Mario. Tikkonfondix”, weġibni Mattia.

Lil Mattia bdejt insir nafu għax, fir-refittorju fil-jum ta’ qabel, kont kilt ħdejh u konna tħaddittna fuq bosta ħwejjeġ. Anki f’din l-għodwa tas-Sibt 24 ta’ Lulju 2021, kellna xi ħaġa fuqhiex nitħaddtu flimkien ukoll. “Għandi l-ħsieb li mmur nara l-Mużew Correr dalgħodu”, għedt lil Mattia. “Tista’ tmur iżżuru dalgħodu. Aħna fis-siegħa nieklu. Għandek erba’ sigħat fuq idejk”. Madankollu, Francesco ma kienx tal-istess parir. “Biex tara l-Correr sewwa trid ħafna aktar ħin”, qalli. X’ħin rajt li għalija ma kienx possibbli nerġa’ immur Piazza San Marco ħa nżur l-Correr dort lejn Mattia u għedtlu: “Hawn xi postijiet oħra fejn tissuġġerili li nista’ inżur?” U wara li semmieli xi postijiet oħra, fl-aħħar ħareġ b’din l-idea: “Għax ma tmurx fejn hemm midfun Fra Matteo da Bascio, fil-Knisja tal-Patrijiet Minuri ta’ San Francesco della Vigna?”

L-idea ta’ Mattia għoġbitni tgħidx kemm l-għaliex magħha qalagħli xi ħaġa li dejjem xtaqt nagħmel f’ħajti: kors fl-ekumeniżmu. “Jaqaw mal-Knisja hemm l-Istitut għall-istudji ekumeniċi ta San Bernardino?” weġibtu jien, sorpiż sorpriż. “Iwa! Kollu hemm hu!” kien pront weġibni. “U biex immur hemm liema vapurett għandi naqbad?” staqsejtu bil-ħatfa. Weġibni: “Itlaq minn hawn, minn Santissimo Redentore u irkeb ma’ dak li jmur Celestia”. Għal din l-indikazzjoni preċiża ħassejt li ma kellix triq oħra għajr li nerħilha lejn dan il-post qaddis. Lil Fra Matteo da Bascio, li kien wieħed mill-fundaturi tar-riforma Kapuċċina, kont nisma’ ħafna fuqu fil-lezzjonijiet li kien jagħmilli l-mastru tiegħi fin-novizzjat fil-kunvent tal-Kalkara u mbagħad f’dak t’Għajn Dwieli. Għalhekk issa kelli l-opportunità tad-deheb li mmur nara l-qabar tiegħu u nitlob talba tajba għalija u għall-Provinċja Kapuċċina Maltija lejliet Kapitlu Provinċjali ieħor.

Fl-għaxra bum kont qed nistenna l-vapurett li kellu joħodni għal Celestia. Niftakar li l-jum ma tantx kien sabiħ. Is-sħab tax-xita beda tiela’ sewwa għal fuq Venezja. Tant li imsarni niżlu f’saqajja għax għedt: “Ara nieħu xi tixriba papali issa!” Il-Mulej ried li ġiet mara, naqra imdaħħla fiż-żmien, b’kelb poodle mans li ma ngħidlekx, biex tirkeb il-vapurett. Din il-mara, li kienet Russa, kienet sejra bl-istess vapurett li kellu jwassalni għall-moll ta’ Celestia biex minn hemm inkun nista’ inżur kemm il-Knisja ta’ San Francesco della Vigna u kif ukoll l-Istitut għall-istudji ekumeniċi ta’ San Bernardino.

Ħadt gost nismagħha tirrakkuntali kemm dan il-kelb kien ta’ wens kbir għaliha u kemm kien jieħu ħsiebha. Wara li tkellimna u ħadtilha ritratt ma’ dan il-kelb sabiħ ġie l-vapurett li kellu joħodni fuq il-qabar ta’ wieħed mill-fundaturi tar-riforma Kapuċċina. F’dak il-waqt, f’qalbi, ħaġa waħda ħassejt: x’mirakli kbar iseħħu meta xi ħaġa tkun magħmula minn ġesti żgħar u sempliċi imma mqanqla minn imħabba kbira! Ir-rejazzjoni tal-patrijiet, tas-sorijiet, ta’ Anna tal-pasticceria u anki ta’ din ir-Russa kienu għalija tweġiba ċara u tonda ….

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading