Premju Ewropew għad-Dar tal-Providenza

Print Friendly, PDF & Email

Id-Dar tal-Providenza, deskritta bħala ‘monument tal-ħniena’, ingħatat il-Premju taċ-Ċittadin 2021 tal-Parlament Ewropew għal Malta, b’rikonoxximent tal-espressjoni li jagħti l-aħjar valuri Maltin u Ewropej.

In-nomina tad-Dar tal-Providenza, tressqet mill-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u David Casa, fejn qalu li l-missjoni tal-proġett li jipprovdi djar b’ambjent simili għall-familja, hi waħda li tintegra u tagħti s-setgħa lin-nies b’diżabbiltà fil-komunità, f’konformità man-normi u l-valuri tal-UE, u dan ix-xogħol kompla jitwettaq anke fiċ-ċirkostanzi diffiċli tas-sena l-oħra.

Dun Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, esprima l-apprezzament tar-rikonoxximent mill-Parlament Ewropew u qal li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-persuni b’diżabbiltà bejn l-2021 u l-2030 hi mibnija madwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet mogħtija fil-pajjiżi varji minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, ħajja independenti u, fejn possibbli, awtonoma u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs f’kull livell possibbli.

Dun Martin saħaq kif dawn jintisġu mal-kunċett ta’ dinjità, il-qofol ta’ dak kollu li nbeda minn Mons. Mikiel Azzopardi meta ħolom u beda jaħdem fuq il-proġett tad-Dar tal-Providenza li tant Maltin u Għawdxin emmnu fih u sostnew tul is-snin.

Żied jgħid li r-rikonoxximent ta’ din il-ħidma fuq livell Ewropew “ikompli jinkoraġġina fl-impenn tagħna, biex ħidmietna fid-Dar tal-Providenza tkompli tissaħħaħ, u s-sens ta’ dinjità lill-persuni b’diżabbiltà jkompli jitkattar f’kull ħidma li ssir f’dan il-qasam.”

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Dr Mario Sammut, qal li minkejja d-diffikultajiet li ħabbtet magħhom waqt il-pandemija, id-Dar tal-Providenza kompliet tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Żied jgħid li x-xogħol eċċellenti li sar f’ċirkostanzi tant diffiċli juri l-aqwa tal-valuri Ewropej. Ir-rikonoxximent ta’ dan l-isforz u ta’ din id-dedikazzjoni hu ta’ importanza kbira għall-Parlament Ewropew, u għalhekk dan il-premju.

Hekk kif ippreżenta l-midalja tal-Premju taċ-Ċittadin lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, l-MEP Alex Agius Saliba qal li d-Dar tal-Providenza u l-proġett tagħha ‘monument tal-ħniena’ juri lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha “dak li l-Maltin konna diġà privileġġjati li nkunu nafu.” Hu faħħar ix-xogħol li tagħmel id-Dar tal-Providenza u lil Dun Martin personalment għall-ħidma bi spirtu ta’ komunità li jinħass mar-raħal kollu tas-Siġġiewi.

Il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew jingħata kull sena għal kisbiet eċċezzjonali minn ċittadini fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Eliġibbli huma proġetti nazzjonali, transkonfinali u pan-Ewropej li jippromwovu integrazzjoni u kooperazzjoni eqreb, kif ukoll il-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: dinjità, ugwaljanza, solidarjetà, ġustizzja, drittijiet u libertajiet taċ-ċittadini.

Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni li saret il-Ġimgħa fl-uffiċċju Malti tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta se tkun segwita minn ċerimonja Ewropea ta’ premjazzjoni fi Brussell għaċ-ċittadini rikonoxxuti b’dan il-premju għas-snin 2020 – 2021 fl-Istati Membri differenti tal-UE.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: