Il-qaddisin juruna dak li hu sabiħ, dak li hu veru, dak li jiswa fil-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 1 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Aħna u nagħmlu llum is-solennità tal-qaddisin kollha, niftakru f’tant qaddisin li għexu f’epoki differenti, u ta’ karattri differenti, li ġew dikjarati qaddisin mill-Knisja. Lil dawn aħna nqimuhom, nitolbu l-interċessjoni tagħhom, nammirawhom għal ħafna kwalitajiet sbieħ fil-ħajja tagħhom, imma wkoll naraw fihom ispirazzjoni importanti u sabiħa għall-ħajja tagħna. Xi wħud minnhom huma wkoll protetturi tal-parroċċi u tal-lokalitajiet tagħna.

Imma din il-festa, għax hi l-festa tal-qaddisin kollha, mhijiex biss il-festa ta’ dawn li huma dikjarati qaddisin mill-Knisja.  Imma hi l-festa wkoll ta’ dawk kollha li qegħdin igawdu lil Alla fis-sema. Xi wħud minnhom nafuhom aħna, għexu magħna fil-familja tagħna, qraba tagħna, ħbieb tagħna, nies li kienu maġenbna jew qrib tagħna b’xi mod jew ieħor – dawk li fil-ħajja tagħhom għexu qrib ta’ Alla u ħallewh imexxihom, u llum qegħdin igawduh għal dejjem fis-sema. Għalhekk din il-festa tgħaqqad flimkien kemm dawk li huma ddikjarati qaddisin, u li lilhom inqimuhom b’mod partikulari, imma anke lil dawn li ngħożżu t-tifkira tagħhom għax għexu ħajja qaddisa u llum qegħdin igawdu lil Alla fis-sema.

X’tgħidilna din il-festa għal ħajjitna llum? L-ewwel nett tgħidilna li Alla hu l-qaddis. Fih hemm il-milja tal-qdusija. Hu Alla li jqaddes. U dawn in-nies li qegħdin igawduh fis-sema, ħallew lil Alla jqaddishom, fetħu qalbhom għalih, ħallewh imexxihom fil-ħajja tagħhom. U għalhekk illum qegħdin niċċelebraw, qabel xejn, il-qdusija ta’ Alla.

Qed niftakru wkoll f’dawn il-qaddisin li ma kinux perfetti, għax Alla biss hu l-perfett. Xi wħud minnhom, meta naqraw il-ħajja tagħhom, nindunaw li kienu midinbin kbar. Imma laqgħu l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, u ħallewh jagħmel minnhom nies għal qalbu, nies qrib tiegħu. Għalhekk, meta niftakru f’dawn il-qaddisin, niftakru f’dawk li ħallew lil Alla jqaddishom minkejja d-dgħufija tagħhom, u minkejja kultant id-dnubiet tagħhom. Huma setgħu jgħidu flimkien ma’  Marija, fil-Magnificat, “is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Alla bidilhom, ittrasformahom, ġeddidhom biex jistgħu jkunu tassew qaddisin. Kellhom il-problemi tagħhom, kellhom id-diffikultajiet tagħhom, xi wħud minnhom batew fil-ħajja tagħhom, imma ħallew lil Alla jmexxihom.

Għalhekk lilna jagħtuna dan il-messaġġ importanti u sabiħ għall-ħajja tagħna: li aħna lkoll imsejħin għall-qdusija. Min mod u min ieħor. Il-qdusija mhijiex biss għal dawk li qed jgħixu maqfulin f’kunvent – dawk ukoll imsejħin għall-qdusija, flimkien mal-patrijiet, sorijiet, saċerdoti; imma l-imgħammdin kollha msejħin għall-qdusija. Inti omm? Alla jsejjaħlek biex titqaddes fil-vokazzjoni tiegħek bħala omm. Jekk int missier, ukoll. Jekk int anzjan jew anzjana, qiegħda d-dar waħdek, jew inkella f’dar residenzjali tal-anzjani, jew anke l-isptar – hemm isejjaħlek Alla għall-qdusija. Isejjaħlek biex int tintelaq f’idejh, tħalli lil Alla jmexxik, u hu jgħinek biex tkun dejjem aktar qrib tiegħu. Din hi s-sejħa li Alla jagħmel lilna lkoll, u li aħna nwieġbu għaliha billi naċċettawh bħala s-Salvatur tagħna, hu li jqaddisna, isaffina, jaħfrilna, jgħinna biex nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna, ħalli naslu sa ħdejh biex ingawduh fis-sema.

Ħa tkun din it-talba li nagħmlu llum: nitolbu li l-qaddisin ikunu dejjem ta’ ispirazzjoni u ta’ kuraġġ fil-mixja tagħna. Aħna kultant naraw affarijiet koroh u nippreokkupaw ruħna fuq affarijiet koroh, imma huma jfakkruna f’dak li hu sabiħ, dak li hu veru, dak li tassew jiswa fil-ħajja. U nitolbuh lill-Mulej biex lilna jqaddisna, jgħinna f’din il-mixja tagħna ta’ qdusija li twassalna għandu fis-sema pajjiżna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply