Sinjal ta’ tama

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 28 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-1 Ħadd tal-Avvent. Parroċċa tal-Lunzjata, Ħal Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

L-ewwel impressjoni li tieħu meta tisma’ dan id-diskors ta’ Ġesù hu li qed jgħid kliem li jista’ joħloq ansjetà, ibeżża’, forsi wkoll joħloq panic. Ġesù jsemmi, fost l-oħrajn, taqlib fin-natura, fosthom il-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ. F’maltempata qawwija dawn ikunu ħsejjes tal-biża’, speċjalment jekk tinżerta f’nofs ta’ baħar. Nafu li anke maltempata qawwija tax-xita, bħalma kellna nhar il-Ħamis li għadda, toħloq inkonvenjent kbir u forsi wkoll ansjetà.

Inqawwu qalbna

Imma mhuwiex dan l-iskop ta’ Ġesù. Hemm differenza bejn li tgħid kliem biex tbeżża’ u toħloq ansjetà u li tgħid kliem li juri r-realtà kif inhi u kif se tkun. Ġesù jgħidilna r-realtà, imma f’nofs realtà iebsa, jitkellem fuq it-tieni miġja tiegħu u jagħtina kelma ta’ tama. Din hi l-ikbar karatteristika tal-kliem tiegħu – it-tama. Innutaw: hu jgħid “meta jibda jseħħ dan kollu” – timmġinah se jgħid “idħlu f’qoxortkom – imma hu jgħid: “qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib”. Hu l-istess messaġġ li jagħti wkoll San Pawl fl-Ewwel Ittra lit-Tessalonkin: Jalla l-Mulej iqawwilkom qalbkom. Dan hu li jrid Ġesù: il-ħsieb tat-tieni miġja tiegħu ma għandux inissel fina biża’ imma ħsieb li jqawwilna qalbna.

Ġesù jgħidilna mhux biss li għandu jkollna t-tama, imma wkoll fuq kemm hu importanti li f’ħajjitna nkunu ppreparati – dak hu s-sena tal-kelma ‘ishru’, li ngħixu ppreparati. Isemmi fil-fatt tliet punti importanti, li jgħoddu ħafna għal ħajjitna llum.

Nagħrfu l-konsegwenzi ta’ dak li nagħmlu

L-ewwel jgħid biex noqogħdu attenti mill-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor. Dawn jistgħu jmewtulna qalbna. Mela l-ewwel ħaġa li qed jinsisti fuqha Ġesù hu l-qies fl-ikel u x-xorb, il-prudenza. Nippreparaw ruħna billi noqogħdu attenti mill-vizzji, u l-konsegwenzi tagħhom.

Kemm hu importanti dal-kliem ta’ Ġesù llum! Kultant hawn mentalità differenti ħafna, mentalita li tgħidlek: imxi kif tħoss, kun sinċier ma’ dak li tħoss u imxi miegħu, imxi skont l-aptit. Illum anke dwar sustanzi li l-esperti kollha jgħidu li jistgħu jagħmlu ħsara u jħallu konsegwenzi koroh fuq il-persuna, speċjalment fuq min għadu żgħir fl-età, hemm min jgħidlek: ħallini ngħix ħajti! Li ħafna drabi tfisser sfortunatament: ħallini nkisser ħajti! Għalhekk Ġesù jgħidilna: oqogħdu attenti, tħallux dak li tħossu fikom jikkmandakom, agħrfu l-konsegwenzi ta’ dak li tagħmlu.

Ma nħallux il-ħajja tiġri bina

It-tieni ħaġa li jsemmi Ġesù hi din: “tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja jeħdilkom raskom”. Innutaw, hawn mhux qed jitkellem bħal qabel fuq il-ħażin, jew fuq dak li fih innifsu jista’ jagħmel il-ħsara. Hawn qed jitkellem fuq il-“ħtiġijiet tal-ħajja”, dak li aħna narawh bħala bżonn.

Dan hu messaġġ tant importanti għal żminijietna: li nagħrfu nieqfu u nagħmlu l-prioritajiet, jiġifieri x’jiġi l-ewwel, x’inhu l-aktar importanti. Inkella nindunaw li dawk li aħna naraw bħala ħtiġijiet tal-ħajja jkaxkruna, iħalluna bla nifs: minn ħaġa għal oħra, imbagħad terġa’ mill-ġdid minn ħaġa għal oħra. Fi żmienna rridu noqogħdu attenti aktar għax hi mewġa fis-soċjetà li tippreżenta tant affarijiet bħala ħtieġa, u aħna nistgħu nispiċċaw ngħaddu l-ġranet u s-snin ta’ ħajjitna niġru wara ħaġa u wara l-oħra, fihom infushom tajbin, imma kif qal Ġesù, ikun tħassib ta’ toqol għall-ħajja. Għalhekk Ġesù jgħidilna: oqogħdu attenti, agħrfu għixu ħajjitkom.

Nitolbu l-ħin kollu

It-tielet ħaġa li jsemmi Ġesù hu “itolbu l-ħin kollu”. X’ifisser dan? Ġesù jfakkarna kemm hu importanti t-talb, u meta jgħid “il-ħin kollu”, qed juri li “itolbu” ma tfissirx “għidu ħafna talbiet” u daqshekk, imma li jkollna l-attitudni ta’ talb li jfisser djalogu kontinwu mal-Mulej, għaqda miegħu. Il-ħin kollu, jiġifieri fil-waqtiet ta’ ferħ u ta’ niket, meta kollox miexi ħarir u meta jinqalgħu l-problemi. Hi din l-għaqda miegħu li mbagħad tgħinna ħalli ma nagħmlux dak li f’ħajjitna jġib konsegwenzi ħżiena, u ħalli ma nħallux il-ħafna tħassib għall-ħtiġijiet tal-ħajja tant jeħdilna rasna li ma nkunux nistgħu ngawdu tassew il-ħajja.

Nistgħu għalhekk naraw kif il-kelma ta’ Ġesù mhijiex biss kelma li tagħti t-tama, u li tħeġġiġna nkunu dejjem ippreparati, imma li turina b’liema mod għandna nkunu ppreparati. Jolqotna kif hekk kif qed nibdew l-Avvent, il-kelma ta’ Alla tfakkarna fit-tieni miġja tiegħu ta’ Ġesù. Għax l-Avvent mhuwiex biss il-preparazzjoni għat-tifkira ta’ meta Ġesù twieled fostna tant snin ilu, imma wkoll il-preparazzjoni għat-tieni miġja tiegħu. It-tnejn imorru flimkien u waħda tgħinna għall-oħra. L-istess ferħ li nħossu u l-istess paċi li nħossu meta naħsbu fil-ġrajja tal-Milied għandhom ikunu fina meta naħsbu fil-miġja tiegħu fil-glorja.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna ngħixu dejjem ippreparati, f’għaqda miegħu kontinwa fit-talb, u li qatt ma nintrikbu minn sentimenti ta’ biża’ u ta’ ansjeta, imma nimtlew bil-paċi u s-serenità li ġġib din l-għaqda miegħu u l-preżenza tiegħu f’ħajjitna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

%d bloggers like this: