Ktieb dwar il-ġid komuni

Print Friendly, PDF & Email

…għandu jinqara mhux biss minn nies fil-politika iżda wkoll minn min imexxi komunitajiet Insara

Nisimgħu ħafna dwar il-ġid komuni, partikolarment fix-xena politika. Jissemma wkoll, mhux tant spiss, f’xi dokument tal-Knisja u waqt xi omelija. Verament x’inhu dan il-ġid? Għaliex komuni? U kif jista’ jinkiseb u jitqassam?

Għal Alan Xuereb il-ġid komuni jista’ jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni xierqa u regonevoli ta’ sistema politika ġusta u leġittima bbażata fuq is-sussidjarjetà li tiżgura sett ta’ kundizzjonijiet li jippermettu lill-individwi f’komunità partikolari li jiksbu l-iżvilupp sħiħ individwali tagħhom billi jieħdu sehem fil-valuri umani irriduċibbli kollha permezz tat-tgawdija tal-beni komuni.

Qed nikkwota lil Alan Xuereb għax ppubblika ktieb bil-Malti dwar is-suġġett. Fil-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni naraw li, kieku ma kienx għall-politika, il-kunċett ta’ ġid komuni kien jibqa’ biss astrett u intanġibbli. Il-politika tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-forma li tingħata lill-ġid komuni li, finalment, għandu jkun is-sustanza tagħha. Il-ktieb hu riflessjoni estiża dwar tip ta’ politika partikolari. Ġabra ta’ riflessjonijiet ftit jew wisq filosofiċi li jikkonċernaw direttament jew indiriettament lill-Partit Laburista u lill-Partit Nazzjonalista. Iżda mhux biss. Anki lill-Knisja. Fuq kollox il-kunċett tal-ġid komuni hu wieħed Kristjan. Hu suġġett li jirrigwarda l-ġid komuni ta’ pajjiżna. Ta’ kulħadd.

Alan Xuereb

Għala Alan Xuereb ried jikteb ktieb li jitratta dan il-kunċett fil-kuntest tal-poliitka li hi l-qafas li jżomm is-soċjetà tagħna magħquda f’koeżjoni ċivilizzata? Għala l-awtur jagħti importanza l-kunċett tad-demokrazija li għalih hi l-għodda l-aktar effikaċi fit-tqassim tal-ġid komuni?

Il-kunċett tal-ġid komuni ġie wżat u wkoll abbużat mal-medda taż-żmien. Illum ħafna jsemmuh u jpoġġuh fl-aħħar ta’ dikjarazzjoni li jagħmlu biex isaħħu l-argument tagħhom. Fatt li għal Alan Xuereb hu pożittiv ħafna. Fir-realtà, ħafna minn dawk li jużaw dan il-kunċett mhux bilfors ikunu ċerti dwar x’jimplika eżattament. Mhux neċessarjament minħabba xi nuqqas tagħhom iżda għax dan il-kunċett hu kumpless ħafna. Il-ġid komuni qiegħed hemm iżda mhux il-ħin kollu  wieħed jista’ jiddentifikah b’mod tanġibbli. Il-ġid komuni hu metakomunitarju fis-sens li f’Malta hu differenti mill-ġid komuni f’pajjiżi oħra. Hu wkoll metatemporali fis-sens li jeżisti matul iż-żminijiet iżda dejjem taħt forma differenti. Il-ġid komuni din is-sena kien differenti minn snin ilu anki jekk fl-istess territorju. Dan għax il-komunità u ċ-ċirkostanzi nbidlu.

Madanakollu, il-ġid komuni kif jifhmu Alan Xuereb fil-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni hu dak li kull soċjetà umana, kulmin hu impenjat fil-politika u fil-ħidma pastorali tal-Knisja,  għandhom jaspiraw għalih. Kull sistema politika, kull ħidma pastorali fil-Knisja, għandha ssib il-milja tagħha fil-ġid komuni li fir-realtà hu dak li jirriżulta fil-kisba ta’ żvilupp sħiħ tal-individwu u tal-komunità li jgħix fiha permezz tal-parterċipazzjoni fil-valuri bażiċi u irriduċibbli umani kollha u permezz tat-tgawdija sħiħa tal-beni komuni.

Il-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni mhuwiex akkademiku u xjentifiku fis-sens li ma jitrattax il-filosofija bħala suġġett akkademiku. Lanqas ma fih xi rendikont akkademiku fis-sens li Alan Xuereb ma użax xi metodoloġija ta’ riċerka speċifika. Il-ktieb jiġbor fih riflessjonijiet u bl-ebda mod ma jipprova jiddetta jew jgħallem lil xi ħadd x’inhi l-filosofija jew li jeżawrixxi l-kunċett tal-ġid komuni. Madanakollu, f’dal-ktieb l-awtur isemmi fatti u mhux biss l-opinjoni tiegħu. Ma jistax ikollok ordni f’soċjetà li mhix mibnija fuq il-verità.

In-nuqqas ta’ onestà intellettwali hi l-marda li qed tniġġeż u tikkorrompi t-tessut demokratiku u soċjali. Jekk il-ġid komuni hu milħuq l-aħjar permezz ta’ ċerti kundizzjonijiet, jagħmel sens li dawn ikunu jirriflettu l-verità sħiħa. Ma jista’ jkollna l-ebda ġid komuni u individwali (anki jekk dan ma jistax jintlaħaq b’mod sħiħ) jekk l-informazzjoni li jkollna għad-dispożizzjoni tagħna hi mittiefsa.  

Alan Xuereb isemmi li l-ammont ta’ aħbarijiet foloz li hawn iduru hu inkredibbli tant li din is-sitwazzjoni qed toħloq ċirku vizzjuż ta’ informazzjoni inkorretta jew parzjali.

Il-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni hu maqsum fi tlettax-il kapitlu mifruxa f’żewġ taqsimiet. It-tieni taqsima hi magħmula minn riflessjonijiet u analiżi ta’ dak li, fil-fehma ta’ Alan Xuereb, hu essenzjali. Hu jipprova janalizza l-kunċett tal-ġid komuni fis-sens wiesgħatiegħu. Ir-riflessjonijiet dwar dan il-kunċett, li hu xogħol ħajtu, sawru dak kollu li jemmen fih. Madanakollu, il-ġid komuni mhumiex kunċett li jeżisti f’vakum. Għandu għeruq profondi f’kunċetti oħra.

Li jikteb dan il-ktieb relatat mal-filosofija kienet il-ħolma ta’ dejjem tal-awtur u, tajjeb jew ħażin, issa saret f’realtà. Alan Xuereb jiddedika l-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni lill-ġenituri tiegħu. Għandu prologu tal-Avukat Louis Galea li jirrappreżenta f’moħħ u f’qalb l-awtur il-pedament li fuqu nbniet il-politika Maltija moderna u daħla ta’ Patri Professur Carmel Tabone, Dumnikan, li bil-loġika u l-kritika kostruttiva tipika tiegħu għen lill-awtur jirfina safejn seta’ il-kunċetti, iġibhom utli u li jinftiehmu.

Jikteb Louis Galea: il-ktieb ta’ Alan Xuereb għandu jkun textbook ta’ introduzzjoni għal kulmin qiegħed jew irid jidħol f’kull qasam fejn id-deċiżjonijiet u l-ħidma tiegħu jolqtu l-komunità f’kull settur ekonomiku, kummerċjali, soċjali, reliġjuż u kulturali. Min-naħa tiegħu Patri Tabone jikteb: għalkemm inkiteb ħafna dwar dan is-suġġett il-mod organizzat li bih huma ppreżentati dawn ir-riflessjonijiet jagħmlu din il-biċċa xogħol akkademika oriġinali u siewja ħafna għall-qari.

Ħafna, meta jaqraw jew jisimgħu bil-ġid komuni jaħsbu li dan hu suġġett għall-ġolitiċi biss. Mhux hekk. Dan hu suġġett li jinteressa lil minn min imexxi komunitajiet Insara. Fuq kollox il-kunċett tal-ġid komuni hu kunċett Kristjan. L-Unjoni Ewropea nnifisha nbniet minn Demokristjani fuq il-kunċett tal-ġid komuni. Hu dan il-fatt li jagħmel il-ġid komuni daqstant importanti għall-politika.

F’dan il-ktieb, li jinsab għal bejgħ għand il-librara ewlenin, Alan Xuereb jsemmi l-Knisja Kattolika mill-inqas 14-il darba u fih jistqarr li hu Kattoliku u li għalhekk jemmen f’Alla. “M’iniex wieħed minn dawk li għax studjajt il-filosofija sirt ateju u liberali u nsejt il-ferħ li jġib miegħu Alla. Naf li jkun hawn min se jikkritika din il-pożizzjoni iżda nfakkar li l-proġetti l-kbar saru minn filosfi Kristjani”, qalli l-awtur meta tkellimt miegħu dwar dan il-ktieb Riflessjonijiet dwar il-ġid komuni.

Ri`ensjoni minn Michael Caruana

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: