Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ San Lorenzo fuori le Mura

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’
SAN LORENZO FUORI LE MURA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 1 ta’ Novembru 1981

1. “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Ap 7,14).

Dan huwa wieħed mix-xjuħ venerabbli li jinsabu quddiem it-tron tal-Iktar Għoli li ppronunzja dan il-kliem: il-persuni lebsin l-abjad, li Ġwanni jara bl-għajn profetika, huma l-mifdijin u jikkostitwixxu “moltitudni mmensa”, li n-numru tagħha huwa nkalkulabbli u li l-miġja tagħhom hija daqstant varjata. Id-demm tal-Ħaruf, li għal kulħadd kien issagrifikat, eżerċita f’kull rokna tal-art il-virtù universali u l-iktar effikaċi, waqt li ġabet grazzja u salvazzjoni għal din il-“moltitudni mmensa”. Wara li għaddew mill-provi ta’ din il-ħajja biex ikunu ppurifikati fid-demm ta’ Kristu, huma – il-mifdijin – jinsabu fiż-żgur fis-Saltna ta’ Alla u jfaħħruh u jbirkuh tul is-sekli.

Il-kliem tal-ewwel qari tal-liturġija tallum b’dan il-mod jesprimi l-ferħ eskatoloġiku tas-salvazzjoni issa milħuqa; salvazzjoni li tiġi pparteċipata minn persuni “ta’ kull nazzjon, razza, poplu u lsien” (Ap 7,9). Dan huwa l-ferħ tal- qaddisin kollha, li jinsabu bilwieqfa “quddiem il-Ħaruf” u b’leħen għoli jgħajtu: “Is-salvazzjoni tappartieni lil Alla tagħna, bilqiegħda fuq it-tron, u lill-Ħaruf” (Ap 7,9-10).

Bl-opra tal-Ħaruf, li jneħħi d-dnubidet tad-dinja, u lkoll jieħdu sehem fil-qdusija ta’ Alla nnifsu.

“Amen! Tifħir, glorja, għerf, azzjoni ta’ grazzja, unur, qawwa u forza lil Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem. Amen” (Ap 7,12).

Waqt li jieħdu sehem fil-qdusija ta’ Alla nnifsu, dawk kollha li llum il-Knisja tfakkar kif bejniethom assoċjati ntimament fix-Xirka tal-Qaddisin (Communio Sanctorum), jieħdu sehem fl-istess ħin fil-glorja ta’ Alla. U jgawdu mill-glorja tiegħu.

2. Fosthom jinsab il-qaddis il-kbir, li lilu hija ddedikata din il-Bażilika storika: Lorenzo, djaknu u martri, li bih tiftaħar il-Knisja Rumana bħal ma l-Knisja Ġerosolmitana tiftaħar b’San Stiefnu, ukoll djaknu u protomartri. Kiteb f’dan ir-rigward San Iljun il-Kbir: Il-Mulej “ried jeżalta tant ismu glorjuż fid-dinja kollha li mil-Lvant għall-Punent, fl-isplendur tassew ħaj tad-dawl illuminanti mill-ikbar djakni, l-istess glorja li ġiet f’Ġerusalem minn Stiefnu u messet ukoll lil Ruma bil-mertu ta’ Lorenzo” (S. Iljun il-Kbir, Homilia, 85, 4: PL 54,486).

Tassew Lorenzo, l-istess bħal Stiefnu, għadda “mit-taħbit il-Kbir” u ħasel ilbiesu “billi rrendihom bojod bid-demm tal-Ħaruf” (cf. Ap 7,14). L-istorja tikkonfermalna kemm huwa glorjuż l-isem ta’ Lorenzo, kemm huwa glorjuż il-qabar, li ħdejh ninsabu miġburin u li fuqu jinsab l-altar papali. L-attenzjoni tiegħu tal-foqra, is-servizz ġeneruż lill-Knisja ta’ Ruma fis-settur important tal-assistenza u tal-karità, il-fedeltà lejn il-Papa Sistu II, minnu mbuttata sal-punt li riedu jsegwih fil-prova suprema tal-martirju u x-xhieda erojka tad-demm, mogħtija biss ftit jiem wara lil Kristu, huma ħwejjeġ magħrufa universalment, ferm ‘l hemm mill-partikolari tat-tradizzjoni ikonografika l-iktar magħrufa.

Tassew, Lorenzo għadda mit-“taħbit il-kbir” u ħareġ rebbieħ, u hekk it-tifkira tiegħu hija mbierka fis-sekli. Kemm huma l-Knejjes, il-parroċċi, il-kappelli, il-lokalitajiet li jieħdu isimhom minnu fid-dinja?  Kemm huma l-knejjes imsemmija għalih hawn f’Ruma? Irrid nillimita ruħi għal din il-Bażilika, li wara tant sekli u wara diversi bidliet u distruzzjonijiet (sfortunatament), teħodna bil-ħsieb għal dik il-Bażilika primittiva li l-Imperatur Kostantinu “fecit… Beato Laurentio martyri via Tiburtina, in agrum Veranum” (Liber Pontificalis).

Għidt “distruzzjonijiet”, għaliex ma nistax ninsa l-ħsarat gravissmi mġarrba minn dan it-Tempju, bħaż-żona viċina tal-“Kwartier San Lorenzo” fil-bombardament tad-19 ta’ Lulju 1943.

Għada ħajja t-tifkira ta’ dak il-jum drammatiku, meta l-figura bajda ta’ Piju XII, akkumpanjat minn dak li wara għoxrin sena kellu jkun is-suċċessur bl-isem ta’ Pawlu VI, dehret minnufih fost il-popolazzjoni mwerwra u skunċertata, iwassal sabar, tama u għajnuna f’nofs ir-rovini għadhom idaħħnu. Linqas ma ninsa li din il-Bażilika, dejjem għażiża għall-Papiet Rumani, tiġbor fl-Ipoġew il-fdalijiet tal-Qaddej ta’ Alla Piju IX.

3. U herkk hu, f’dan il-jum sollenni li llum tgħix il-Knisja kollha. Lorenzo, arċidjaknu u martri, xhud erojku ta’ Kristu msallab u rxuxtat, donnu jkellimna bil-kliem tal-ewwel ittra ta’ San Ġwann: “Araw liema mħabba kbira tana l-Missier biex inkunu msejħa ulied Alla, u li aħna tassew” (1Ġw 3,1).

Fit-twettiq tas-salvazzjoni eterna, fil-glorja tas-saltna ċelesti, jerġa jikkonferma ruħu u jitwettaq f’milja definittiva dak li aċċettajna permezz tal-fidi: “Aħna minn issa ‘l quddiem aħna wlied Alla” (1Ġw 3,2).

Aħna hekk diġa permezz tal-grazzja santifikanti fiż-żmien tal-ħajja terrena, imkenna mill-fidi. Imma għadu ma ntweriex għal kollox dak li se nkun jum wieħed. Meta narawh hekk kif inhu, aħna mkunu nixbħuh l-istess bħal ma l-Iben jixbaħ lill-Missier.

Hekk donnu jkellimna f’din il-Bażilika venerabbli, fi qrib dirett tal-Campo Verano, San Lorenzo, djaknu u martri Ruman u, flimkien miegħu, jitkellmu llum il-qaddisin kollha.

U mbagħad ma’ dan il-kliem ġovannesk inżidu inkuraġġiment imħeġġeġ lilna lkoll, li f’din l-art “nippellegrinaw permezz tal-fidi u tat-tama”. Allura donnhom jgħidu: “Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħal ma hu safi” (1Ġw 3,3).

4. Is-sollennità tal-Qaddisin Kollha ġgib magħha sejħa partikolari għall-qdusija. Aħna hemm bżonn niftakru li din hija sejħa universali, jiġifieri li tgħodd għall-esseri umani kollha bla distinzjoni ta’ età, ta’ professjoni, ta’ razza u ta’ lsien. Bħas-salvati, hekk l-imsejħa. Ilqgħu din is-sejħa intom ilkoll, li tikkostitwixxu l-komunità parrokkjali tal-Poplu ta’ Alla li tiltaqgħu fil-Bażilika ta’ San Lorenzo. Fil-jum taċ-ċelebrazzjoni tal-qaddisin u tal-qdusija, hija ġusta u opportuna din is-sejħa li bit-tislima l-iktar kordjali nixtieq issa nindirizza lil kull wieħed u waħda minnkom.

Huwa preżenti miegħi is-Sinjur Vigarju ta’ Ruma, li dejjem jakkumpanjani f’dawn il- visti pastorali, u miegħu ukoll il-Viċiġerenti, l-Isqfijiet Awżiljarji u b’mod speċjali l-Isqof Awżiljarju tas-settur Nord. Flimkien magħhom, ħuti u kollaboraturi fl-Episkopat jiena naqbad mill-ġdid dan l-appell għall-qdusija, ħiereġ mis-sinifikazzjoni ekkleżjali u spiritwali ntima tal-festività tallum, u ntenniha f’forma u f’ton ta’eżortazzjoni l-iktar ħajja lil dawk kollha li jiffurmaw il-parroċċa. Din, fil-konfront ta’ parroċċi oħra tal-Belt, mhix tant numeruża, imma kemm problemi hija taf u trid tiffaċċja minħabba  l-kompożizzjoni mxerrda ħaddiema tagħha u għall-pożizzjoni tipika tagħha fil-qrib immedjat taċ-ċentru storiku, billi tinkorpora fil-qasam tagħha – minbarra c-Cimiterju tal-Verano – strutturi skolastiċi, ospitaliera u ċivili mportanti.

Nindirizza, qabel kollox, lir-reverendu kappillan, lill-viċijiet u lill-konfratelli kollha tal-Komunità Kapuċċina, li huma mpenjati f’xogħol xejn faċli delikat: għalihom it-triq tal-qdusija hija marbuta mhux mis-segregazzjoni mid-dinja, imma minn apostolat esiġenti versatili favur tant fidili li, kultant, jinfirxu f’sitwazzjoni prekarja u huma, mhux fi ftit każijiet, suġġetti għal ħela u perikli. Kuraġġ, jien ngħidilkom, waqt li nassiguralkom l-apprezzament tiegħi, it-tifkira tiegħi u t-talba tiegħi ta’ komunjoni u sosten li, propju minħabba d-diffikultajiet msemmija, hija ferm iktar meritorja u ġenwinament evanġelika.

U nirrakkomanda, mbagħad, lill-parroċċani kollha li jikkorrispondu b’disponabiltà ġeneruża għal dawn l-attenzjonijiet tas-saċerdoti tagħhom, billi tirrejaġixxu għat-theddid insidjuż ta’ skristjanizzazzjoni u billi juru b’ħajjithom li huma denji tat-tradizzjonijiet insara li jiċċentraw ruħhom fl-isem glorjuż tal-qaddis titolari ta’ din il-Bażilika. Il-vokazzjoni tal-qduaija, infatti, tfisser tqegħid fil-prattika, fil-konkretezza tal-eżistenza propja, tal-eżempji u tat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Hekk għamlu l-qaddisin, hekk irridu nagħmlu aħna lkoll.

5. Fis-sollennità tal-Qaddisin Kollha, mela, ejjew ngħixu b’mod partikolari l-preżenza ta’ Kristu, li sar il-kawża tas-salvazzjoni eterna għal dawk kollha li laqgħu l-messaġġ tal-Vanġelu tiegħu tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet.

Għalina li qegħdin ngħixu f’din id-dinja l-istess Kristu ma jaqtax jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li intom imħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11,28).

Jalla l-laqgħa tagħna tallum madwar Kristu, li l-Ewkaristija tiegħu ġġedded il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, tkun tistà ssiir għal kulħadd – imħabbtin u mtaqqlin – is-sors tat-tama. Jalla ilkoll kemm aħna nkunu nistgħu Fih insibu s-serħan u l-grazzja tas-salvazzjoni eterna. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: