Ġwanni Pawlu II fl-Istitut Slovakk tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju

Print Friendly, PDF & Email


QUDDIESA FL-ISTITUT SLOVAKK
TAL-QADDISIN ĊIRILLU U METODJU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 8 ta’ Novembru 1981

Għeżież ħuti fis-servizz episkopali, maħbubin uliedi!

Is-sorsi storiċi jirrakkuntaw li l-Papa Adrianu mar personalment jilqà lill-qaddisin Ċirillu u Metodju meta dawn ġew Ruma iġorru magħhom ukoll ir-relikwi ta’ San Klement, martri u Isqof ta’ Ruma (cf. Vita di Costantino, XVII, 1).

L-attwali suċċessur ta’ Klement u Adrianu jiġi llum barra bibien il-Belt biex isellem lill-qaddisin aħwa ta’ Tessalonika u jqim it-tifkira tagħhom fid-dar iddedikata lilhom.

It-tislima mbagħad tinfirex fuq dawk kollha preżenti. L-ewwelnett insellem lilkom, għeżież ħuti fis-servizz episkopali. B’mod partikolari nsellem lilek, Arċisqof Andrea Pancrazio: bħala Isqof dijoċeżan Int tgħasses, b’imħabba u għajn attentat, fuq il-ħajja u fuq l-attività tal-familja Slovakka Ċirillo-Metodjana li tgħix f’dan l-Istitut u tassikuralha l-inseriment fil-Knisja universali.

Insellem lilek, Isqof Andrea Grutka, protettur u għassies ta’ din il-familja mill-bidu sallum.

Insellem ukoll lilek, Patri direttur, Monsinjur Dominik Hrusovsky. Isellem lilkom ilkoll li taħdmu fl-Istitut Slovakk tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, ajjutanti. B’imħabba speċjali nsellem likom, għeżież seminaristi. U hawn ħarsti b’mod spiritwali tmur mill-ġdid iktar fil-bogħod, lejn dawk kollha li intom hawn, b’xi mod, rappreżentanti tagħhom: insellmilkom, għeżież Slovakki, f’Pajjiżkom u barra minn Pajjiżkom. Insllmilkom ilkoll, b’qalbi kollha u bl-imħabba ta’ missier.

Din l-imħabba iggwidat il-passi tiegħi lejn l-Istitut tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju: l-imħabba lejn iż-żewġ qaddisin aħwa u l-imħabba lejkom. Iż-żjara tiegħi f’dan l-Istitut hija bħal ħolqa ġdida fil-katina tal-manifestazzjonijiet ta’ rispett u ta’ fiduċja lejn l-appostli tal-Islavi. Fl-aħhar tas-sena l-oħra affdajt għall-protezzjoni tagħhom lill-Ewropa kollha, sabiex, flimkien ma’ San Benedittu, jgħassuha u jiggwidawha lejn l-għaqda, lejn il-paċi, lejn il-fedeltà tas-sorsi spiritwali propji. Il-pellegrinaġġ għall-qabar ta’ San Ċirillu, fil-Bażilika ta’ San Klement, fl-14 ta’ Frar ta’ din is-sena, kien espressjoni ta’ talb, sabiex il-wirt spiritwali tal-ko-patruni tal-Ewropa jwassal illum ukoll frott abbundanti. It-tberik tal-Kappella tal-qaddisin Benedittu, Ċirillu u Metodju fil-kripta tal-Bażilika ta’ San Pietru, it-Tnejn ta’ din il-ġimgħa, għandu sinifikat ta’ dedika permanenti ta’ post eminenti għall-kult tal-protetturi tal-Ewropa. Illum ninsabu hawn, f’dan il-post, fejn il-messaġġ spiritwali tal-qaddisin Ċirillu u Metodju huwa regola ta’ ħajja u program konxju ta’ xogħol ta’ kuljum, biex nimmeditaw flimkien dwar il-messaġġ tagħhom, biex jispirana għall-eżempju tagħhom, biex insejħu l-protezzjoni tagħhom.

Il-qari mit-Testment il-Qadim li dewa hawn ftit ilu ifakkar l-Għerf. Isibuh dawk li jħobbuh u jfittxuh. Imur jiltaqà ma’ dawk li huma denji u jfittixuh (cf. Gherf 6,12.16). Min ma jaħsibx minnufih fiż-żagħżugħ Kostantinu li jagħżel l-Għerf bħalas sieħeb tal-ħajja? (cf. Vita di Costantino, III, 1-8). Dan huwa l-Għerf Divin, ta’ Alla nnifsu. Alla ħaseb dwar kollox sa minn l-eternità, ħalaq kollox fiż-żmien u kollox imexxi bla waqfien. Sab ukoll il-qalb pura ta’ Ċirillu li laqgħu, ikkonsagrah u għex biss għaliH. Minn Alla tnissel l-għaqal kollu ta’ Ċirillu, imħabbtu għall-verità u xewqtu li jxerred il-verità. Anzi x-xjenzjat, fittiex ta’ toroq ġodda fil-filoloġija u fil-mod li jħabbar il-Vanġelu, dan il-fundatur tal-kultura tal-popli Slavi, kien jieħu kollox mill-Għerf Divin. Din tatu lura d-dinjità ta’ bin Alla, li kien jistima iktar mir-rikkezzi u mill-pożizzjonijiet fid-dinja (cf. Ivi IV, 14).

Hawn huma l-għeruq tal-kultura Slava, fil-kristjaniżmu, f’Alla. Il-fidi f’Alla, hija l-prerekwiżit u l-garanzija tal-għana sħiħa tagħha. Dan jgħodd għal kull wirja tal-ħajja u tal-attività kulturali. Dan huwa għalikom, ġħeżież, regola ta’ kondotta ta’ azzjoni!

Il-parabbola tax-xebbiet għaqlin u imprudenti twassalna biex nikkunsidraw l-għaqal vitali tal-bniedem li jishar biex ikun f’kull waqt imħejji għal-laqgħa ma’ Alla. Meta naħsbu f’dan id-dawl għall-opra tal-qaddisin aħwa ta’ Tessalonika, nistgħu nirriflettu dwar l-importanza tal-kontribut tagħhom għall-ħajja soċjali u ċivili. Il-qasam tal-attività tagħhom ma’ kinitx tillimita ruħha għall-qasam esklussivament reliġjuż, imma mill-fidi f’Alla kienu jisiltu konsegwenzi effikaċi għall-ħajja ta’ kuljum tal-individwi, tal-familji u tas-soċjetà kollha, għaliex kull settur, kull qasam tal-ħajja kellu f’Alla s-sors u t-tmiem. Hekk bnew is-sisien ta’ soċjetà ġdida, tal-ġustizzja u l-paċi l-ġodda. Ma beżgħux jikkumbattu u jbatu għal dawn il-prinċipji. F’Alla sabu l-iskop, l-appoġġ u l-qawwa. Kemm akkużi nġusti, kemm umiljazzjonijiet kellu jġarrab Metodju minħabba l-fredeltà għall-missjoni li kien iqis bħala rieda ta’ Alla u li kien iwettaq bħala l-aħħar messaġġ ta’ ħuh li kien qed imut!

Eżempju tal-viġilanza għaqlija tal-qaddisin appostli tfiġġli wkoll fl-isforz tagħhom ta’ tħejjija tas-suċċessuri. Huwa magħruf li fil-vjaġġ għall-Belt eterna kienu ikkumpanjahom ukoll grupp ta’ dixxipli, miġburin u imħejjija għas-srrvizz saċerdotali. Mhijiex din ukoll waħda mill-għanijiet ewlenin ta’ dan l-Istitut? Kompluha mela b’viġilanza għaqlija, skont l-eżempju l-kbira tal-qaddisin Ċirillu u Metodju!

Ċirillu li ssielet ħafna għall-inizjattivi tiegħu u Metodju li bata ħafna għall-attività tiegħu ikkonsenjaw lill-popli, li kienu l-għalqa tal-apostolat tagħhom prova oħra ta’ viġilanza għaqlija wkoll bil-fatt li għallmuhom ibatu u mexxewhom lejn il-mudell tal-bniedem batut, lejn il-Verġni Marija. L-appostli tagħkom  iffrekwentaw l-iskejjel ċivili u reliġjużi f’Kostantinopli, fejn il-kompassjoni marjana, fl-ewwel sekli nsara, kellha iktar minn kjarifikazzjoni waħda. M’għandhiex hawn l-għerq aħħari tagħha wkoll il-qima tas-Slovakki lejn il-Verġni Doloruża? Is-Salib fuq il-Kalvarju, fuq is-Salib Kristu agonizzant, taħt is-Salib l-Omm għajjiena u amorevoli: hija x-xbiha mdendla fuq l-istorja tal-poplu Slovakk tal-imgħoddi u tallum 

Kristu batut huwa l-qawwa fit-taqtigħat u t-tbatijiet, Marija iżda hija dejjem l-Omm. Kristu agonizzant jagħti ċ-ċertezza tal-qawmien mill-imwiet, l-Omm imtellgħa s-sema tassikura l-konsolazzjoni tal-ħajja eterna. Dan kien jgħodd fl-imgħoddi, jgħodd illum u jkun dejjem il-garanzija ta’ fedeltà fil-kontenut sħiħ tal-wirt ta’ missirijietna.

Għeżież tiegħi, ibqgħu dejjem fidili għal dan il-wirt! Kunu afu dejjem iktar aħjar, il-konsegwenzi għal ħajjitkom personali u soċjali!! Għixu skont dan il-wirt, ibqgħu fidili, iddifenduh u għanuh fiċ-ċertezza li dan jikkostitwixxi l-bażi tal-kobor tagħkom kulturali tal-poplu tagħkom u ta’ kull poplu u nazzjon. F’dan jiggwidakom l-eżempju tal-qaddisin appostli tagħkom u l-protezzjoni tal-Addolorata Patruna tas-Slovakkja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: