Il-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis

Print Friendly, PDF & Email

Caritas Malta tirrikonoxxi l-għażla tal-persuni li nħatru fuq il-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis li se jkun immexxi mis-Sinjura Mariella Dimech, bħala għażla ta’ persuni ta’ reputazzjoni u ta’ esperjenza fil-qasam tagħhom.

Filwaqt li numru ta’ persuni fil-bord kienu jaħdmu ma’ Caritas Malta fil-passat u taw kontribut siewi lis-servizzi ta’ Caritas, Caritas Malta tixtieq tiċċara li fil-bord ta’ din l-awtorità m’hemmx persuni li formalment qed jirrappreżentaw lil Caritas.

Bħala għaqda volontarja li toffri servizzi għal persuni li jinqabdu fix-xibka tad-dipendenza fuq is-sustanzi, inkluż il-kannabis, Caritas issostni li ma tistax tkun fuq bord li qed jirregola għaqdiet oħra li se jkunu qed jipprovdu l-kannabis b’mod kontrollat. Dan jirriżulta f’kunflitt ta’ interess u b’hekk ma jkunx idoneu li Caritas ikollha rappreżentanza uffiċjali. 

Caritas Malta esprimiet b’mod ċar li l-kunċett tal-użu responsabbli tal-kannabis jista’ jinftiehem ħażin u jagħti x’jifhem li wieħed jista juża l-kannabis b’mod li jagħmilx dannu għall-benesseri tiegħu. Agħar minn hekk, jekk minuri jibdew iqisu l-kannabis bħala sustanza li wieħed jista’ juża liberalment meta jikber.

Filwaqt li Caritas dejjem irrikonoxxiet li mhux kull adult li juża l-kannabis jiżviluppa dipendenza fuq il-kannabis jew drogi oħra, u mhux kull adult li juża l-kannabis iġarrab konsegwenzi serji, jibqa’ l-fatt li bħala soċjetà għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nillimitaw l-użu billi nikkontrollaw is-sustanza kif ukoll innaqsu d-domanda għaliha.

Caritas Malta għandha fiduċja li dan il-bord, filwaqt li jrid jaħdem fil-parametri tal-liġi, jirreżisti kull influwenza għal aktar liberalizzazzjoni fit-tqassim tal-Cannabis; u li fl-eventwalitá ta’ żieda tal-użu tal-Cannabis f’pajjiżna jipproponi iktar kontrolli anki kif ġew proposti minn Caritas Malta u entitajiet oħra fil-qasam tal-ħidma soċjali, medika u tal-edukazzjoni. Caritas ukoll tittama għat-tisħiħ tas-servizzi ta’ kura mentali anke fid-dawl ta’ xejriet li xi pajjiżi fejn ġiet legalizzata l-kannabis, eventwalment raw żieda ta’ dħul ta’ persuni fl-isptarijet tas-saħħa mentali minħabba l-użu tal-kannabis.

Finalment, fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp f’pajjiżna, Caritas Malta tibqa’ impenjata, iktar minn qatt qabel, li tipprovdi s-sostenn li hemm bżonn lil persuni li jinqabdu bi problemi ta’ sustanzi u l-familji tagħhom, u taħdem b’mod attiv fil-prevenzjoni permezz ta’ programmi fl-iskejjel, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunità. Caritas tibqa’ disponibbli għal kull kollaborazzjoni f’dan ir-rigward kemm mal-awtoritajiet u għaqdiet oħra li wkoll jaħdmu għal dan il-għan.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: