Il-“ġdid” li jagħtina Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 17 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-II ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fi żmien Ġesù, kien hemm tliet prattiċi reliġjużi komuni ħafna għal dawk li jemmnu: it-talb, l-għoti ta’ karità u s-sawm. Kienu diġa qabel fit-Testment il-Qadim, kienu fi żmien Ġesù, u baqgħu mbagħad fil-ħajja tal-Knisja, u għadhom ukoll illum prattiċi importanti ħafna għal min jemmen.

Iżda x’kien jiġri kultant, u jista’ jiġri anke llum? Li dawn jitqiesu bħala obbligi – għandek tagħmilhom – jew inkella li tagħmilhom biex tidher li qed tagħmel it-tajjeb, u kultant in-nies kienu jinsew li l-ispirtu li għandu jmexxi dak li jagħmlu hu dak ta’ l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn.

Fl-Evanġelju tal-lum jiġu d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù għaliex id-dixxipli tiegħu ma jsumux kif huma jagħmlu; huma kienu jsumu, u d-dixxipli ta’ Ġesù ma kinux isumu. Din hija mistoqsija li tfisser li dawn kienu qed iħarsu lejn is-sawm bħala obbligu, u jaraw ukoll min kien qed isum u min le. Għalhekk Ġesù li jrid hawnhekk huwa li int ma tħarisx lejn is-sawm u titlef l-iskop tiegħu. Hawn jgħidilhom: huwa l-ħbieb tal-għarus isumu meta jkollhom l-għarus magħhom? Qed iqabbel lilu nnifsu mal-għarus, u qed iqabbel lid-dixxipli mal-ħbieb tal-għarus. Meta jgħid “l-għarus” setgħu jifhmuh ħafna n-nies dak iż-żmien, għax fit-Testment il-Qadim Alla jqabbel ir-rabta tiegħu mal-poplu bħala għerusija. Għalhekk qed jgħid Ġesù: meta għandhom l-għarus magħhom, jiċċelebraw. F’ċelebrazzjoni ta’ tieġ, ma tmurx biex issum iżda biex tiċċelebra.

Imbagħad Ġesù jsemmi wkoll dawk iż-żewġ tixbihat li bihom jagħti messaġġ qawwi. Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella tikber it-tiċrita u tirrovina kollox. Jgħid ukoll: ħadd ma jqiegħed inbid ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani u tirrovina kollox. X’qed jgħid Ġesù hawnhekk? Qed jgħid li l-ġdid li ġab hu mhux sempliċiment iżżid xi ħaġa ma’ dak li kont tagħmel qabel, kien x’kien. Il-ġdid li ġab hu mhux sempliċiment iġġannat xi ħaġa. Il-ġdid li ġab Ġesù hu konverżjoni tal-qalb, bidla fl-għeruq, biex tkun tassew qalb mimlija mħabba lejn Alla u mħabba lejn il-proxxmu. Għalhekk Ġesù f’mument ieħor jgħid: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien… (Ġw 13:34). Hija din l-imħabba fil-qalb, l-imħabba li tfisser il-ġdid.

Għalhekk, imbagħad, meta jkollna l-imħabba f’qalbna, jinbidel il-mod ta’ dak li nippratikaw – bħat-tliet prattiċi reliġjużi li semmejt. Meta jkollok l-imħabba f’qalbek, it-talb ikun il-mod kif tesprimi l-imħabba lejn Alla li ħabbna hu l-ewwel; it-talb ma jiġix biex in-nies jgħidu “kemm hu devot dan” jew “kemm hija devota”. U l-għoti ta’ karità ma jkunx biex tidher, biex iddoqq it-trombi, biex in-nies jgħidu “kemm hu ġeneruż” jew “kemm hi ġeneruża”, imma jkun tassew ħiereġ minn din l-imħabba. U s-sawm ukoll; ma jkunx sempliċiment biex tagħmel l-obbligu u titlef l-iskop tiegħu; Ġesù kien qal darba: tqarrasx wiċċek għax qed issum. Meta jkollna l-imħabba f’qalbna, tgħinna nagħrfu meta hu l-waqt li ssum – għax is-sawm ukoll hu importanti – u meta hu l-waqt li tiċċelebra. Hi din l-imħabba f’qalbna, li hi l-“ġdid”, li jrid li jkollna Ġesù.

Nitolbuh illum biex hu jagħtina dan il-“ġdid” tiegħu, qalb mimlija mħabba bħal tiegħu; u biex meta ngħixu hekk ukoll, inkunu nistgħu ngħaddu lill-oħrajn il-ħajja ġdida li ġabilna hu.  

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

%d bloggers like this: