Mulej, eħlisna mill-mibegħda

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Frar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ġimgħa tar-raba’ ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Saret tobogħdu”. Din hi l-kelma li smajna fl-Evanġelju skont San Mark fuq Erodja, li kienet miżżewġha lil Filippu imma mbagħad telqitu biex tmur toqgħod ma’ ħuh, ma’ Erodi.  Lilu, lil Erodi, Ġwanni l-Battista kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk”. Minħabba f’hekk, Erodja saret tobogħdu, u bdiet taħseb b’liema mod tista’ teliminah. Imbagħad wasal il-jum meta Erodi għalaq żmienu, u għamel ikla, u t-tifla tagħha żifnet quddiem Erodi u dan tgħidx kemm ħa gost li qalilha: Nagħtik kulma titlobni. U dik, mogħwija minn ommha, talbet ras Ġwanni l-Battista.

Ara fejn twassal il-mibegħda! Dan qtil mill-iktar kiefer, brutali, terribbli, li jispiċċa wkoll bl-iktar mod makabru: ras Ġwanni l-Battista fuq platt. Kienet il-mibegħda li nawret il-qalb ta’ Erodja u ġagħlitha tasal biex titlob ras Ġwanni l-Battista, anzi biex tuża lil bintha ħalli tivvendika ruħha, tagħmel din il-vendetta biex jinqatel Ġwanni l-Battista.

X’turina din il-ġrajja? L-ewwel nett, kemm hi kerha l-mibegħda, fejn twassal il-mibegħda! Għalhekk kemm hu importanti li ma nħallux il-mibegħda tbejjet f’qalbna, għax dejjem ħsara tagħmel. Anke jekk biss il-ħsibijiet li ġġib f’moħħna, ma jħalluniex fil-paċi. Il-mibegħda tagħmel ħafna ħsara. Għalhekk kemm hu importanti li ma nħalluhiex taħkimna, tikkontrollalna ħajjitna!

X’turina aktar din il-ġrajja? Għalxiex Erodja kienet tobgħod daqshekk lil Ġwanni l-Battista? Għax hu kien jgħid il-verità, għax ma beżax jgħid il-verità. Ġwanni l-Battista, jekk hemm żgur xi ħaġa li tispikka fih, hi proprju li hu dejjem jgħid il-verità b’mod ċar. Bniedem ta’ karattru, bniedem ta’ prinċipju, li Ġesù qal fuqu li mhuwiex “qasba tixxejjer mar-riħ”. Kien ċar, u lest li jħallas ukoll il-prezz għall-fedeltà tiegħu lejn il-missjoni li tah il-Mulej. Turina din kemm hu importanti wkoll fis-soċjetà tagħna, li jkollna nies ta’ karattru, ta’ prinċipju, ta’ fibra morali. Li quddiem dak li hu ħażin, mhumiex lesti li jagħlqu għajnejhom u jgħidu “m’inix qed nara, m’inix qed nara”, biex il-ħażin jittrionfa. Il-ħażin jirbaħ meta min għandu responsabbiltà ma jerfagħhiex, u jħalli l-ħażin għaddej. Ġwanni l-Battista jurina kemm hu importanti li jkollna fis-soċjetà, għax hekk tinbena fis-sod is-soċjetà, nies ta’ karattru, ta’ prinċipju, li lesti li jbatu għas-sewwa.

X’turina aktar din il-ġrajja? Dawn il-karattri li jissemmew hawn – jiġifieri Erodi, Erodja u bintha minħaba f’Erodja – ma kellhom ebda stima għall-ħajja umana. Għalihom ma kienet tiswa xejn. Erodi kellu qalbu taħarqu biex iżomm kelmtu, imma mhux biex jirrispetta l-ħajja ta’ ħaddieħor. Bħal dak li qallu: min qalilna biex inżommu kelmtna ma qalilniex ukoll “la toqtolx!” Kemm hu importanti li aħna jkollna dejjem stima u rispett lejn il-ħajja umana. Meta ngħidu hekk, il-ħajja umana dejjem, f’kull waqt tagħha, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – meta hemm diġà ħajja umana – sat-tmiem naturali tagħha. Qatt ma naslu għal xi ħaġa bħal din li qrajna jekk verament ikollna f’qalbna r-rispett u l-għożża tal-ħajja umana.

Nitolbu llum għal dawk li fi żmienna huma vittmi tal-mibegħda ta’ ħaddieħor minħabba l-ħidma tagħhom għas-sewwa u minħabba anke x-xhieda tal-fidi tagħhom. Nitolbu għalina biex f’qalbna qatt ma jkollna l-mibegħda li tikkontrollalna ħajjitna, negħlbu l-mibegħda; biex inkunu nies ta’ prinċipju, ta’ karattru, li naħdmu dejjem għas-sewwa; u biex dejjem ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: