Ġwanni Pawlu II fl-Epifanija

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ORDINAZZJONI TA’ 9 ISQFIJIET ĠODDA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Solennità tal-Epifanija
Bażilika ta’ San Pietru, 6 ta’ Jannar 1982

1. Il-Knisja, li llum tiċċelebra L-Epifanija tal-Mulej, tistedinkom, meqjuma u għeżież ħuti, biex tirċievu minn idejn l-Isqof ta’ Ruma il-konsagrazzjoni episkopali.

Ġejtu għal dan il-jum minn pajjiżi differenti: miċ-Chad, mil-Litwanja, mir-Rumanija, minn Ghana, mill-Istati Uniti tal-Amerka, mill-Brażil, minn Malta u mill-Art Imqaddsa. Intom rappreżentanti b’xi mod tal-Knisja universali, imma intom l-espressjoni ta’ xi Knejjes lokali. Mela, il-leħen tal-Knejjes li minnhom ġejjin, jiddikjara li intom denji tal-wirt tal-misteru apostoliku.

Bi gratitudni nilqgħu dan il-leħen. Qabel ma ninponu fuqkom idejna, u hekk nittrażmettu fuq kull wieħed minnkom l-Ispirtu Santu, ippermettu li għal ftit ieħor jien nimmedita fuq il-vokazzjoni ġdida tagħkom fid-dawl tal-misteru liturġiku tal-ġurnata.

2. L-ewwel Epifanija ta’ Alla hija d-dinja kollha maħluqa, u l-bniedem fid-dinja. Hemm bżonn tkunu xhieda ta’ din l-Epifanija.

Sa mill-bidu, id-dinja viżibbli kienet tkellem lill-bniedem dwar il-Ħallieq tiegħu inviżibbli u llimitat. U titkellem ukoll illum.

Il-bniedem kontemporanju jaf b’mod li ma jitqabbilx ferm iktar dwar id-dinja minn kwalunkwè żmien preċedenti. Approfondixxa b’mod inkomparabbli aħjar is-sigrieti, u żvela r-riżorsi li dan jaħbi fih.

Bdanakollu,  b’mod parallelu ma’ dan, “id-dlamijiet jiksu l-art, ċpar oħxon jgħatti lin-nazzjonijiet” ( 60,2), kif jipproklama Iżaija fl-ewwel Qari tal-Liturġija tallum.

Id-dinja li mhix l-epifanija ta’ Alla – id-dinja li ma tkellimx lill-bniedem dwar Alla – ma tiqafx tkun ġganteska, potenti, għanja, imma fl-istess ħin issir minaċċuża.

Il-bniedem iħaddan din id-dinja bil-ħsieb propju, jippenetra s-sigrieti tagħha, jislet is-sigrieti u fl-istess ħin din id-dinja mirbuħa turi lill-bniedem il-kaduċità u d-distruttibiltà: “Trab int u trab trid issir” (Ġen 3,19).

Intom, għeżież ħuti, se tirċievu llum is-sagrament tal-episkopat biex issiru x-xhieda tal-epifanija ta’ Alla fid-dinja.

3. Se tirċievu l-Ispirtu Santu f’dan is-sagrament, sabiex, permezz tal-ministeru tagħkom, il-bniedem fid-dinja jagħraf fih innifsu epifanija ta’ Alla partikolari.

Fuq kollox, l-epifanija divina tiġi pproklamata mis-sollennità tallum: “Rajna tielà l-kewkba tiegħu u ġejna biex nadurawh” (Mt 2,2).

Fil-lejl tal-Milied tal-Mulej ir-rgħajja fl-għelieqi ta’ Betlem raw d-dawl u ġew biex jadurawh.

Illum jiġu l-Maġi mil-Lvant. Tiggwidahom kewkba. Jigu u jadurawh. Lil min jaduraw? It-Tarbija. Il-bniedem imwieled-Ġdid. Il-bniedem li huwa epifanija partikolari ta’ Alla.

Huma wettqu vjaġġ twil biex isibu ruħhom f’dan il-post, li lejh iggwidathom il- kewkba.

Fit-Tarbija mwielda f’Betlem għarfu l-aħħar Rigal li l-Missier Etern għamel lill-bniedem.

F’dan ir-Rigal, il-bniedem, fid-dinja jidher bħala epifanija partikolari ta’ Alla.

Huwa kien mill-bidu, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla. Huwa kien jaf li ebda waħda mill-krejaturi li kienu jdawruh fid-dinja ma kien tal-qies tiegħu. Ebda waħda, fir-realtà, ma hi simili għalih. Hu biss, il-bniedem, kellu fih, sa mill-bidu, dak ix-xebħ partikolari ma’ Alla. Kien xbiha tiegħu.

Dan ix-xebħ huwa ċajpar fih innifsu bid-dnub. Iddeforma (għawweġ) ix-xbiha. Imma ma qeridhiex.

Fuq il-passi ta’ dan ix-xeħ il-bniedem kien jimxi lejn il-Messija. Segwa l-kewkba tad-destini Divini tiegħu, l-istess bħal dawk il-Maġi li ġew mil-Lvant. U hekk tiżvolġi ruħha iktar l-istorja.

Kristu ġie, sabiex il-bniedem ikun jistà jagħraf fih innifsu epifanija partikolari ta’ Alla.

Il-ministeru episkopali, għeżież ħuti, għandu jgħin f’dan lill-bniedem ta’ żminijietna, lill-bnedmin kollha li lilhom qegħdin tintbagħtu.

4. Il-Magi tal-Lvant “b’wiċċhom mal-art adurawh…, fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu b’rigal deheb, inċens u mirra” (Mt 2,2).

Ir-rigali huma tweġiba għar-Rigal.

Fi Kristu, imwieled fil-lejl ta’ Betlem. Il-Maġi tal-Lvant jagħrfu dak ir-Rigal definittiv, li l-Missier Etern jagħmel lill-bniedem. Dan huwa ir-rigal tal-Iben: rigal tal-Iben Etern: “Alla infatti tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu…” (Ġw 3,16).

Permezz ta’ dan id-don, il-bniedem jiskopri u jġorr fih l-Epifanija tal-Alla l-Ħaj. L-Iben Etern ta lill-bnedmin il-“poter li jsiru wlied Alla” (Ġw 1,12). Tana dan il-poter bħala Ħuna lil ħutu. Irrivela u kontinwament jirrivela l-Missier f’dawk li l-Missier “tah b’wirt” (cf. Ġw 17,24).

Il-bniedem li jġorr fih l-epifanija tal-Alla l-Ħaj, jgħix ħajja ġdida. Huwa jaf li jrid jipproduċi frott. Jaf li lir-Rigal irid iwieġbu b’rigal.

Iġib mela deheb, inċens u mirra.

F’dan ir-rigal tal-bniedem, li huwa tweġiba għad-Don mill-għoli, hemm miġbur is-sinifikat sħiħ tal-ħajja umana u fl-istess ħin l-aħbar bil-quddiem tas-sejħa għall-glorja. F’din il-bniedem u d-dinja jirrikonfermaw bħall-epifanija ta’ Alla, li tinfirex ‘il hemm mil-limiti tat-tempoalità u mill-qerda.

Għeżież ħuti, li llum qegħdin tirċievu l-konsagrazzjoni episkopali, agħmlu dak kollu li għandkom il-ħila tagħmlu, sabiex il-bnedmin, li għandhom qegħdin tintbagħtu, jemmnu li huma l-epifanija tal-Alla l-Ħaj.

Agħmlu dak kollu li tistgħu, sabiex huma jwieġbu b’don lid-Don: li jġibu deheb, inċens u mirra.

Agħmlu kollox, sabiex l-aħbar bil-quddiem tas-sejħa għall-glorja tikber u tissaħħaħ fil-qlub umani.

5. L-Isqof ta’ Ruma – suċċessur ta’ San Pietru Appostlu -li llum iwettaq fil-konfront tagħkom il-ministeru tal-konsagrazzjoni episkopali, illum jitlob bil-qalb lill-Ispirtu Santu: Spirtu ta’ verità, Spirtu ta’ mħabba, u jitolbu għalikom flimkien mal-Knisja kollha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: