Ġwanni Pawlu II fil-Kulleġġ Pontifiċju Latin Amerikan

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-KULLEĠĠ PIJU PONTIFIĊJU LATIN AMERIKAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
10 ta’ Jannar 1982

Maħbubin ħuti, Superjuri u studenti
tal-Kulleġġ Piji Pontifiċju Latin Amerikan ta’ Ruma.

1. Waqt li naċċetta l-istedina magħmula lili żmien ilu mis-Superjuri tagħkom, nieħu sehem flimkien magħkom b’ferħ kbir għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ta’ dan il-wara nofsinhar, li illum, festa tal-Magħmudija tal-Mulej, jistedinna biex nippenetraw fil-misteru ta’ Kristu.

Xtaqt inwettaq din iż-żjara lil dan il-Kulleġġ, li ssegwi dik imwettqa 19-il sena ilu mill-predeċessur tiegħi Pawlu VI, biex nuri b’dan il-mod l-istima li għandi lejn ċ-Ċentri ekkleżjali ta’ Ruma, li fihom tiġi pperfezzjonata l-perfezzjoni ntellettwali u spiritwali ta’ tant saċerdoti li jiġu hawn, bħalkom, minn iktar pajjiżi differenti u mbegħda tad-dinja.

Speċifikament, waqt li niġi f’din id-dar donni li kważi qiegħed inmidd riġli fi żjara f’kull wieħed mill-pajjiżi, fuq il-qiegħa tal-artijiet tal-kontinent Latin-Amerikan, li l-ħajja tagħhom reliġjuża nsegwi b’ansjetà għal kollox partikolari minħabba l-importanza kbira tagħha għall-Knisja. Il-missjoni apostolika tiegħi ħaditni b’mod fiżiku f’dawk l-artijiet fi tliet okkażjonijiet, fiż-żjajjar tiegħi fir-Repubblika Dominikana, fil-Messiku u fil-Brażil, u dejjem lejhom qarribni f’bosta ċirkustanzi oħra l-ministeru tiegħi ta’ suċċessur ta’ Pietru u Ragħaj tal-merħla kollha ta’ Kristu.

Xahar ilu, iċċelebrajna flimkien, fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-450° anniversarju tal-preżenza maternali ta’ Sidtna ta’ Guadalupe u Tepeyac.  Hi li hija l-patruna tal-Amerika-Latina, fetħitli l-mixja tal-laqgħa mal-popli ta’ dan il-kontinent u wkoll iggwidatni lejkom li ġejjin minn dawk in-nazzjonijiet profondament irradikati fil-fidi nisranija u marjana.

2. Naf b’mod perfett li l-istorja tal-Kulleġġ, opra mixtieqa mill-Papa Piju IX fl-1858, kienet marbuta b’mod intimu, fil-kważi mija u ħamsin sena ta’ eżistenza, mal-istorja ta’ dawk il-popli li qegħdin jiktbu, fin-niket, fil-ferħ u fit-tama, il-mixja tagħhom ta’ salvazzjoni, minn meta, sekli ilu, irċivew il-fidi, sal-waqt attwali.

Fuq din it-triq ta’ salvazzjoni fi Kristu Redentur, ħallew it-timbru dejjiemi tagħhom it-tmintax-il Kardinal u l-298 Isqof li ġew iffurmati f’dan il-Kulleġġ u li bħala Rgħajja ta’ Knejjes; lokali differenti komplew l-opra tagħhom ta’ Għalliema tal-Verità, ministri tal-imħabba feddejja u difensuri tal-bniedem. Magħhom ingħaqdet ġliba ta’ saċerdoti, huma wkoll studenti ta’ dan iċ-Ċentru, li mbagħad infirxu fil-kontinent kollu bħala kurriera tal-messaġġ evanġeliku, sostenituri fil-fidi tax-xhieda ta’ Kristu ħaj, ħallieqa ta’ tama, predikaturi tad-dinjità ta’ kull bniedem, ħu maħbub b’mod individwali minn Alla.

Din id-daqqa t’għajn qasira lejn l-istorja mgħoddija tal-Kulleġġ tagħkom, għandha tkun għalikom impenn rigward il-ġejjieni, biex tkomplu u tintensifikaw linja ta’ dedikazzjoni lejn il-Knisja ġeneruża u fidila, li għaliha timpenjakom il-kondizzjoni tagħkom ta’ erwieħ ikkonsagrati u l-għażla ħielsa tagħkom. Huma numerużi l-persuni li jafdaw f’dan u li jqisu ġust li jirrikorru għandkom biex jitolbukom l-għajnuna li l-qawwa ta’ Kristu timpani f’idejkom permezz tal-Knisja.

3. Biex titħejjew aħjar għall-missjoni li hija tagħkom, tistgħu issa tinqdew, momentanjament ħielsa mill-obbligi ta’ apostolat dirett li jeħdilkom imbagħad kuljum l-energiji kollha tagħkom, minn żmien tassew prezzjuż.

Il-preżenza tagħkom bħala studenti f’dan iċ-ċentru tal-Knisja, mhux bogħod mis-suċċessur ta’ Pietru, li għandu jasal it-taħbit tal-qalb tad-dinja kollha kattolika, joffrilkom possibiltajiet insuspettati li tiftħu l-menti u l-qlub tagħkom għal din id-dimensjoni ta’ universalità ekkleżjali li trid tkun karatteristika tal-ħajja tagħkom ta’saċerdoti.

Fl-istess ħin, il-qrib maġġur tagħkom, ukoll fiżiku, għall-Papa, li huwa wkoll Isqof tad-dijoċesi li tospitakom tul dawn is-snin tal-qagħda Rumana tagħkom, tittrażmettilkom “sensus Ecclesiae” iktar profond, tensjoni kostanti biex tieħdu bħala punt ta’ referenza, fil-ħajja u fil-ministeru tagħkom, l-indikazzjonijiet tal-Maġisteru tal-Knisja.

Dan jgħinkom biex iżżommu fikom il-konnessjoni ntima ma’ Kristu, ċentru tal-misteru ekkleżjastiku ta’ salvazzjoni, u se jikkonsolida il-bażi sikura tal-gwida spiritwali tal-oħrajn, li bħala rgħajja tal-erwieħ intom imsejħa biex teżerċitaw fil-ministeri rispettivi tagħkom.

Dan is-sentiment vast ta’ Knisja, fil-fedeltà għat-tagħlim tal-Maġisteru, se jikkonfermakom fir-rabta  essenzjali mar-Rgħajja rispettivi tagħkom (cf. Christus Dominus, 28), fl-intern tal-porzjon ekkleżjali li fih se tgħixu l-inseriment konkret tagħkom fil-pjan feddej ta’ Alla, fil-missjoni delikata u l-iktar għolja bħala “parti ċentrali fil-missjoni ekkleżjali, bħala kollaboraturi ewlenin tal-Isqfijiet, bħala parteċipanti tal-poteri feddejja ta’ Kristu, xhieda, ħabbara tal-Vanġelu tiegħu, animaturi tal-fidi u tal-vokazzjoni apostolika tal-Poplu ta’ Alla” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Presbyteros in Basilica Nuestra Señora de Guadalupe habita, die 27 ian 1979: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 173).

Dan huwa l-frott li mis-snin mgħoddija f’Ruma, fil-meditazzjoni u fl-istudju, jittamaw l-Isqfijiet tagħkom. Hekk esprimew ruħhom fiż-żjara riċenti li fis-7 ta’ Novembru għamluli l-membi tal-Kummissjoni Episkopali tal-Kulleġġ. U din hija wkoll it-tama tal-Papa fil-konfront tagħkom, li jiġifieri intom għandkom tagħmlu, b’atteġġjament ferrieħi u mimli tama, il-parti tagħkom ta’ responsabiltà fil-gwida ta’ kontinent ta’ żgħażagħ, li fih tridu tiffaċċjaw sfidi numerużi u urġenti.

4. F’din il-viżjoni vasta tal-ministeru futur tagħkom, nixtieq ninsisti fuq punt ieħor li huwa wkoll essenzjali: it-Thejjija spiritwali solida li fuqha għandu jibbaża ruħu il-bqija kollu.

Infatti, dawn is-snin li jestendu l-orizzonti kulturali tagħkom f’dan il-kuntatt ma’ l-Universitajiet Rumani, għandu wkoll jagħti impuls qawwi lill-approċju tagħkom għas-sorsi kbar tal-ispiritwalità.

Qabelkollox, għall-Kelma rivelata, sors dirett ta’ dawl u ta’ gwida divina; u wkoll għad-dokumenti tal-Maġisteru, għall-Ewkaristija u għas-Sagramenti migħuxa, għas-sorsi sikuri tas-Santi Padri, tal-Liturġija, tal-Imgħallmin il-kbar tal-Ispiritwalità, għall-mudelli ekkleżjali tat-tradizzjoni ġjugrafika għanja tal-Knisja.

Dan kollu fil-prospettiva li jinħoloq dan l-atteġġjament eżistenzjali li kapaċi jagħti orjentament deċiż ta’ fidi lill-ħajja u lill-ministeru pastorali, biex jivvalorizza b’mod ġust lill-għażliet prattiċi differenti u jkun jaf jagħti l-prijorità xierqa, li tibda minn identità saċerdotali u evanġelika ċara, lill-għażla għal dawk l-iktar fil-bżonn, il-ħaddiema, il-bdiewa, l-indiġeni, l-emarġinati u l-gruppi Afro-Amerikani. Waqt li timpenjaw ruħkom b’dan il-mod fil-vera promozzjoni u difiża tad-dinjità ta’ kull bniedem (cf. Puebla, 711) u f’opra ndirizzata biex tiggarantixxi ġustizzja maġġura f’soċjetà li tant għandha bżonnha, bħal ma tgħallimkom sewwa l-esperjenza personali tagħkom.

5.Il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm temmejna nisimgħu fis-silta tal-Vanġelu ta’ din il-Liturġija tal-Magħmudija tal-Mulej, tiġbor fiha l-programm kollu u atteġġjament ta’ ħajja: “Int Ibni l-għażiż, fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1,11).Dan huwa l-leħen tal-Missier li, fil-preżenza tal-Ispirtu, juri mħabbtu lejn l-Iben. Dan il-misteru rivelat ta’ mħabba divina ndirizzata lil kull bniedem fi Kristu, li għas-smigħ tagħha għandna kontinwament nibqgħu, biex nittraduċuha f’ħajja fir-realtà ta’ kuljum tagħna u f’dik tal-bnedmin ta’ żmienna.

Ta’ din l-imħabba tal-Missier fil-Kristu Salvatur hemm bżonn li tkunu xhieda kredibbli fil-komunitajiet tagħkom. U tiksbu dan il-għan fil-qies li fih tassumu b’ferħ u ġenerożità il-missjoni tagħkom saċerdotali, b’viżjoni ċara tal-missjoni tagħkom ta’ kontinwaturi tal-opra feddejja ta’ Ġesù, maħbubin mill-Missier,  doċli għall-qawwa vivifikanti tal-Ispirtu Santu, fidili għall-Knisja li afdatilkom id-dmir tas-servizz fil-fidi lill-bnedmin, biex tmexxuhom għall-ħelsien integrali fi Kristu.

6. Ma nistax nikkonkludi dawn ir-riflessjonijiet qosra mingħajr ma nindirizza kelma ta’ mkoraġġiment lill-membri tal-komiunità tal-Ġiżwiti li lilhom hija afdata d-direzzjoni tal-Kulleġġ u l-gwida spiritwali tal-istudenti. Flimkien ma’ sentiment ħaj ta’ gratitudni f’isem il-Knisja għall-interess tagħkom u għas-sagrifiċċji tagħkom, tmur ukoll l-eżortazzjoni kordjali tiegħi mhux inqas għall-intenzjonijiet tagħkom, sabiex l-iskopijiet li għalihom aċċennajt qabel ikunu realtà dejjem iktar konsolanti fil-ħajja tal-Kulleġġ u tal-istudenti tagħkom.

Nieħu pjaċir nesprimi l-gratitudni sinċiera tiegħi lill-Aħwa tad-Duttrina Nisranija hawn preżenti li bl-impenn moħbi u qalbieni tagħhom ikkontribwew tant għall-progress ta’ din il-komunità presbiterjli. Jalla l-Mulej jirrikompensakom bil-kbir għal dan is-servizz ekkleżjali meritorju. Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi u t-tislima tiegħi fl-imħabba ta’ Kristu lill-kollaboraturi lajċi, preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni flimkien mal-familjari tagħhom. Imberikkom ilkoll bil-qalb.

Ejjew inkomplu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, billi nippreżentaw fuq l-altar permezz ta’ Omm Ġesù u Ommna, il-Verġni Santissma ta’ Guadalupe, dawn l-intenzjonijiet kollha, sabiex huwa jilqagħhom, iberikhom, jagħmel li jagħtu l-frott fi grazzji abbundanti li jakkumpanja f’kull waqt il-ħajja tagħna.

Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanujel Zarb

%d bloggers like this: