Ġwanni Pawlu II fir-riti funerarji tal-Kardinal Seper

Print Friendly, PDF & Email

RITI FUNERARJI TAL-KARDINAL FRANCESCO SEPER
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 2 ta’ Jannar 1982

“Missier, irrid li dawk ukoll li inti tajtni, / ikunu miegħi fejn inkun jien” (Ġw 17,24).

Dan il-kliem ta’ faraġ suprem, ippronunzjat minn Kristu fis-siegħa tad-distakk suprem, isibu diwi straordinarju f’qalbna mqanqla, meqjumin ħuti u wliedi maħbubin, waqt li ndawru il-fdalijiet mortali tal-Kardinal Francesco Seper biex nagħtuh l-aħħar tislima u nirrakkomandaw ir-ruħ magħżula lill-Mulej.

1. “Dawk li inti tajtni”.

Konna lkoll inklużi f’dan il-pjan li bil-kliem ma jistax jitfisser tal-Missier, li, fl-att tal-Inkarnazzjoni tal-Verb fi ħdan il-Verġni Marija bl-opra tal-Ispirtu Santu, irrendiena aħwa tas-Salvatur, inkorporana miegħu, għamilna porzjon minnu u wirt tiegħu. “Dominus pars hereditatis meae et calicis mei” (Sal 15,5). Il-Milied li għadna kemm iċċelebrajna, il-Maternità Divina ta’ Marija li l-bieraħ ipproklamajna bil-Liturġija Romana, wassluna għal-dan il-misteru ċentrali tal-fidi: “aħna wlied fl-Iben”, imsejħa, bħalma jgħid San Pawl, “biex nieħdu sehem fl-istess wirt, biex niffurmaw l-istess ġisem u biex inkunu parteċipi tal-wegħda permezz tal-Vanġelu  ” (Ef 3,6).

Din hija l-aħbar li bidlet id-dinja, u tkompli tbiddel il-qlub: aħna nagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Kristu, aħna konkwista tiegħu, għaliex ġejna fdati lilu mill-Missier. Pjan ta’ mħabba jsegwi l-ħajjiet individwali tagħna, mit-twelid sal-qabar, li jsir preludju ta’ armonija eterna, aċċess għall-ħajja eterna. Mal-Iben għal dejjem. Biex eternament nikkuntemplaw il-Wiċċ tal-Missier. “Dawk li inti tajtni”.

Ħuna Franċesco kien “mogħti” hu wkoll lil Kristu mill-Missier, u bħala tali għex.

Ejjew niftakru fih il-bniedem tal-Knisja li appartiena lil Kristu, minn dejjem, u sal-mewt; li għamel mill-fedeltà tiegħu lil Kristu l-programm ta’ ħajtu, sempliċi u dritta, umli u qalbiena.

2. Mogħti lil Kristu: sa mill-vokazzjoni tiegħu saċerdotali, imnibbta minn familja umli ta’ ħajjatin, li ġew minn Osijek għal Zagabria, fejn hu wettaq l-istudji primarji u sekondarji. Mogħti lil Kristu: fit-tħejjija tiegħu filosofika u tejoloġika, imwettqa hawn f’Ruma fil-Kulleġġ Germaniku-Ungariku u fl-Università Gregorjana Pontifiċja li wasslitu għall-ordinazzjoni presbiterjali. Mogħti lil Kristu: fit-tagħlim tar-reliġjon u fit-twettiq tal-uffiċċju ta’ segretarju tal-Kardinal Stepinac, ta’ Rettur tas-Seminarju maġġuri arċidijoċeżan ta’ Zagabria, u ta’ Kappillan ta’ Kristu Sultan f’dik il-belt. Mogħti lil Kristu: fi-rabta intimament trasformanti u santifikatriċi tal-ordinazzjoni episkopali u tas-suċċessjoni apostolika, bħala Arċisqof ta’ Żagabria, imsejjaħ biex jilqà l-wirt immarkat tas-Salib. F’dawk is-snin diffiċli, huwa kien dejjem il-bniedem ta’ Alla, profondament dritt u onest, ġeneruż u ddedikat, “forma factus gregis ex animo” (cf, 1Pt 5,3).

Mogħti lil Kristu: l-influwenza tiegħu, l-ispiritwalità tiegħu, il-pastoralità tiegħu, imħabbtu lill-Knisja ddew fis-snin tal-Konċilju Vatikan II, li lilu ta kontribut rilevanti. Niftakru – u miegħi kemm oħrajn minnkom – membru tal-Kummissjoni preparatorja għas-sagramenti, kif ukoll tal-Kummissjoni “de doctrina fidei et morum” bħala komponent tal-Kummissjoni preparatorja ċentrali; niftakar l-interventi tiegħu, ibbilanċjati u għorrief.

Mogħti lil Kristu: bħal fi krexxendo, din id-dedikazzjoni tiegħu lil Krisdtu Mulej u lill-verità tiegħu, maħbuba ‘il fuq minn kull riħ tal-moda, huwa wettaq fil-milja tiegħu it-twettiq tal-inkarigu gravi, diffiċli, delikat ta’ Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għad- Duttrina tal-Fidi, afdat lilu mill-predeċessur tiegħi Pawlu VI, u pjenament rikonfermat darbtejn, minn Ġwanni Pawlu I u minni. F’perijodu estremament kumpless huwa kien gwida għaqlija u mdawla għal dak id-Dikasteru, li kellu jintervieni fi kwistjonijiet kruċjali ta’ fidi u ta’ morali.

Ukoll ix-xogħlijiet tal-Kummissjoni Tejoloġika Internazzjonali, mibdija miegħu bħala l-ewwel President tagħha, u dawk tal-Kummissjoni Bibblika Pontifiċja, jixhdu l-wisgħa, il-profondità, id-delikatezza tal-interessi tiegħu u tal-impenn tiegħu fis-servizz ekkleżjastiku. U huwa għalija għażiż ukoll li niftakara il-preżenza tiegħu dejjem diskreta u effikaċi, fid-diversi assembleji tas -Sinodu tal-Isqfijiet li tiegħu kien ukoll parti mis-Segreterija Ġenerali.

“Dawk li inti tajtni”. Quddiem dan il-ġisem, li sejrin nafdaw lill-art fl-istennija tal-qawmien mill-imwiet, quddiem dan il-bniedem li svolġa fis-skiet u fid-diskrezzjoni opra li r-realtà tal-mewt tikxef lil għajnejna f’dimensjoni jkolli ngħid sovraumana, aħna nifhmu il-sbuħija, il-kobor, il-mertu ta’ eżistenza għalkollox mogħtija lil Kristu mill-Missier, u hekk imwettqa għal kollox. Ikun irringrazzjat il-Mulej, li jagħti lill-Knisja tiegħu bnedmin ta’ tali temperament.

Hekk kien it-temperament tal-Kardinal Seper, qawwi u nkrollabbli bħal dak tal-Kroazja art twelidu, li lilha għamel tassew unur f’ħajtu kollha għas-servizz ta’ Kristu u tal-Knisja.

3. “Li jkunu miegħi fejn inkun jien”.

Il-mewt tifforma fl-aħħar perijodu tagħha l-eżistenza umana, billi tagħtiha is-sinifikat estrem tagħha. Dan nafuh sewwa: mhuwiex tmiem, imma bidu: il-bidu tal-ħajja eterna, li l-Mulej jirriserva għall-qaddejja tiegħu tajbin u fidili (cf. Mt 25,21.23). “Li jkunu miegħi”. U għalhekk il-mewt tgħaqqad il-bniedem, li jkun għamel mill-Vanġelu l-mudell tiegħu u  x-xewqa tiegħu, hemm fejn ikun Kristu: miegħu u maġembu, li wiegħed li “jħejji ħwejġu, biex iqiegħed madwar il-mejda l-qaddejja tiegħu u jgħaddi biex iservihom” (cf. Lc 12,37); miegħu u maġembu, li mal-Missier; “jixxotta kull demgħa minn għajnejhom” (cf. Ap 7,17; 21,4; Iż 25,8); miegħu u maġembu, Verb ta’ Alla, u “mhemm ebda ħolqien li jistà jinħeba quddiemu, imma għeri għal kollox u skopert f’għajnejh u lilu rridu nagħtu kont” (Lh 4,13).

Għal dan ir-rendikont diġa ppreżenta ruħu ħuna Francesco fil-waqt ta’ mewtu: u aħna nitolbu f’din il-Quddiesa li jitwettqu lilu l-wegħdiet ta’ Ġesù, li smajna fil-Vanġelu: lilu nafdawh “sabiex ikun miegħu fejn qiegħed hu”.

Il-Kardinal Seper kien miegħu fedelment, fl-evoluzzjoni kostanti ta’ ħajtu kkonsagrata lil Alla u lill-Knisja, f’servizzi xejn faċli u linqas akkomodanti, f’perseveranza sostnuta dejjem bit-talb u bl-intimità ewkaristika, f’offerta li laħqet il-quċċata tagħha mal-miġja ta’ “oħtna l-mewt”. Aħna nitolbu li dik l-għaqda kontinwa ma’ Kristu, migħuxa minn jum għal jum, waqt li jara “bħal f’mera, b’mod imħawwad, din tinbidel bil-grazzja divina, li nitolbu b’mod imħeġġeġ, fil-viżjoni “wiċċ imb wiċċ”, meta “nagħrfu b’mod perfett, hekk bħalma aħna wkoll aħna magħrufin” (cf.1Kor 13,12). “Li jkunu miegħi fejn inkun jien”.

4. Jingħalaq iċ-ċiklu terren ta’ ħajja biex jinfetaħ fl-eternità tal-imħabba u tal-glorja.

Ġesù, infatti, f’dak il-waqt tal-kunsinni supremi, kompla b’dan il-mod: “Sabiex jaraw il-glorja tiegħi… Missier ġust, id-dinja ma għarfitekx, imma jien għaraftek; dawn jafu li inti bgħattni” (Ġw 17,24s).

“Dawn jafu” Hawn hu s-sigriet ta’ din il-ħajja. Ħuna Francesco kien jaf: il-fedeltà lejn il-vokazzjoni saċerdotali u lejn is-suċċessjoni apostolika; il-gwida soda u paterna tal-merħliet akkwistata mid-Demm prezzjożissmu ta’ Ġesù; ir-responsabiltà direttiva fil-Knisja, imtawla fiż-żmien f’servizz bla ffrankar ta’ ħin u ta’ għejja, bla każ tal-konsegwenzi għas-saħħa fiżika, tad-deċiżjonijiet ingrati, tal-istigazzjonijiet kuntrarji għad-“duttrina b’saħħitha biex widnejhom jikluhom biex jisimgħu xi ħaġa” (2Tm 4,3), u unikament ixxennaqhom l-ortodossija u l-ortoprassi; dan kollu jsib spjega hawn: “dawn jafu li inti bgħattni”, Jafu li Kristu huwa l-uniku Mgħallem, li ġie minn ħdan il-Missier biex jiftħilna r-rivelazzjoni definittiva tal-pjan divin tas-salvazzjoni, biex ikun għalina “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14,6); jafu “kif iġibu ruħhom fid-dar ta’ Alla, li hija l-Knisja tal-Alla l-ħaj, kolonna u sosten tal-verità”” (cf. 1Tm 3,15); jafu li “l-Kelma ta’ Alla mhix marbuta bil-ktajjen” (2Tm 2,9). “Dawn jafu”. U aħna nkomplu nitolbu li tali fidi, il-fidi tal-Kardinal Seper, sostnuta fiha nfisha minn ħajja onesta, u mgħassa fl-erwieħ bl-impenn tax-xogħol ta’ kuljum b’mandat awtentiku tal-Knisja, jirċievi issa l-premju mixtieq minn dejjem, f’dak il-baħar immens u bla qiegħ ta’ mħabba u ta’ dawl, li fih nafu li rwieħna huma msejħa biex ngħoddsu għall-eternità kollha: “Jiena għarrafthom ismek / u se nkompli ngħarrafulhom /sabiex l-imħabba li biha ħabbejtni / tkun fihom u jiena fihom” (Ġw 17,26).

Iva, ħuti u wliedi. Din it-tama tagħna, din it-talba tagħna fil-waqt li fih se ninfirdu minn ħuna Francesco, u nafdawh lill-Imħabba ħanina ta’ Alla. Aħna se nitolbu lill-Mulej li jintroduċih għal dejjem f’din iċ-ċarezza, f’dan il-fuklar ta’ mħabba, li bih aħna mkebbin fil-pjan ta’ Alla li tana lil Kristu diġa “minn qabel il-ħolqien tad-dinja”, u li għalih aħna mexjin f’mixjietna tal-ħajja.  U ibqgħu ċerti li minn dik iċ-ċarezza, minn dak il-fuklar ir-ruħ ta’ ħuna Frsancesco se tkompli tiddedika ruħha u tinterċedi għal artu, għall-Knisja, għalina li se nibqgħu nħaddmu – bħal ma għamel hu – id-depożitu tajjeb bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu li jgħammar fina” (2Tm 1,14).

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: