Tħalliniex naqgħu fit-tiġrib

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 6 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ewwel Ħadd tar-Randan. Knisja Parrokkjali Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-ġrajja ta’ Ġesù ttentat mix-xitan fid-deżert, mill-Evanġelju skont San Luqa, għandha ħafna x’tgħallimna għal ħajjitna, u hi ta’ dawl għalina aħna u nibdew dan iż-żmien tar-Randan, li hu żmien li għandu jgħinna biex nagħrfu aħjar min aħna u kif nistgħu nkunu aktar dak li l-Mulej iridna nkunu – żmien li jfakkarna li hu Ġesù Kristu li jsalvana.

Ried jiżvijah

Xi tfisser din il-ġrajja? Ġesù kien fid-deżert, u x-xitan b’modi differenti pprova jfixklu, jiżvijah mill-missjoni tiegħu u jikkonvinċih biex ma jagħmilx ir-rieda tal-Missier imma jagħmel dak li jaqbillu. Mal-ewwel nindunaw li dan ma kienx l-uniku żmien meta Ġesù kellu dawn it-tentazzjonijiet. Ġesù kien ittentat ħajtu kollha, sa meta kien fuq is-salib. Niftakru, meta kien fuq is-salib, in-nies jgħajruh u jgħidu: “Salva oħrajn, ħa jsalva lilu nnifsu, jekk dan hu l-Messija, il-maħtur ta’ Alla”. Innutaw kemm tixbah ħafna l-mod kif ix-xitan ittentah: “Jekk int bin Alla…” Imma Ġesù għaraf jaffaċċja t-tentazzjoni, jirbaħha. Rebaħ b’mod definittiv fuq is-salib, u lilna tana l-qawwa biex bl-għajnuna tiegħu nirbħu ukoll miegħu.

It-tliet tentazzjonijiet li naqraw fuqhom fl-Evanġelju llum ifakkruna fi tliet tentazzjonijiet li jmissu mill-qrib lilna lkoll.

Tuża s-setgħa għal gwadann personali

Fl-ewwel tentazzjoni, ix-xitan qallu: “Għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Kienet tentazzjoni għal Ġesù li kellu l-ġuħ hemmhekk fid-deżert; u kellu l-qawwa li jibdel il-ġebla f’ħobż, bħalma ’l quddiem naraw li bidel l-ilma fi nbid, u ftit ħobż bidlu f’ħafna b’mod li seta’ jitma’ eluf ta’ nies.  Hi t-tentazzjoni li nfittxu dak li hu ta’ gwadann għalina, dak li lilna jaqblilna fil-mument, dak li jissodisfana. Illum, għal diversi nies, it-tentazzjoni flok li l-ġebla ssir ħobż hi li l-ħxejjex u s-siġar isiru ġebel u concrete għal gwadann personali. Dik ukoll hi tentazzjoni għall-gwadann personali.

Ġesù x’għamel quddiem din it-tentazzjoni? Iwieġeb: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”. Jgħix b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla. Lilna Ġesù jgħallimna: tfittixx dak li jaqbillek, li hu ta’ gwadann għalik fil-mument bla konsiderazzjonijiet oħra; imma fittex dak li hu tassew ta’ ġid. Tħallix dak li tħoss jikkmandak, imma fittex dak li hu tassew ta’ ġid għal ħajtek, u għall-oħrajn. Ġesù wriena kemm hu veru dan: hi l-kelma ta’ Alla li għandha ddawwalna u tiggwidana, u turina kif il-ħobż mhux għalina biss imma għandu jkun ħobż maqsum mal-oħrajn, ma’ dawk li huma fil-bżonn.

Tuża s-setgħa biex taħkem fuq l-oħrajn

It-tieni tentazzjoni hi din: “Nagħtik is-setgħa fuq is-saltniet kollha tad-dinja”. Hi tentazzjoni li tuża s-setgħa u l-poter biex taħkem fuq l-oħrajn. Narawha din fl-istorja, u fi żmienna stess, meta hemm poplu sħiħ fl-Ukrajna li qed ibati minħabba invażjoni għall-ħakma, għall-poter. U fl-Evanġelju llum, l-użu tal-poter biex taħkem fuq l-oħrajn hu marbut mal-qima tax-xitan.

Ġesù wriena li mhux hekk għandna nħarsu lejn is-setgħa: is-setgħa qiegħda biex taqdi, biex tkun ta’ servizz għan-nies, mhux biex taħkem fuqhom b’mod li tinqeda bihom. Ġesù wriena f’kull waqt tal-ħajja tiegħu kif is-setgħa tiegħu użaha biex ikun ta’ servizz għan-nies.

Tuża s-setgħa għal dak li hu sensazzjonali

Fit-tielet tentazzjoni, qallu x-xitan: “Inxteħet minn hawn għal isfel”. Hi t-tentazzjoni li tfittex dak li hu sensazzjonali, dak li jagħmel ħoss, dawk l-affarijiet li jidhru u jimpressjonaw lin-nies. Ġesù mhux hekk għamel. Ma fittixx li jimpressjona lin-nies f’dak li għamel, imma fittex il-qalb, u dak li jista’ jġib tassew il-paċi u l-ferħ fil-qalb.

Aħna wkoll inħabbtu wiċċna ma’ ħafna tentazzjonijiet. Ġesù tana l-għajnuniet li għandna bżonn. Ħa nsemmi tliet għajnuniet li tana.

Noqogħdu attenti mill-ingann

L-ewwel nett, hu wriena kif għandna noqogħdu attenti mill-qerq. Fil-magħmudija hemm dik il-mistoqsija, li kemm-il darba weġibnieha fit-tiġdid tal-wegħdiet tal-magħmudija: “Tiċħdu l-qerq tax-xitan?” L-enfasi hu fuq il-qerq, għax hu b’dan il-mod li l-aktar jaħdem ix-xitan, bl-ingann, billi jidħaq bina. Tibda tħoss fik xi ħaġa tgħidlek: X’fiha? Mhux kulħadd jagħmel hekk illum? Allura int se tibqa’ lura? Hu meta niġġustifikaw il-ħażen, flok insejħulu b’ismu. Dak hu qerq, u rridu nagħmlu attenzjoni kbira għal dan.

Ngħidu ‘le’ lilna nfusna fejn meħtieġ

It-tieni, li nkunu kapaċi ngħidu ‘le’ lilna nfusna, bl-għajnuna ta’ Alla, u nagħmlu hekk b’kuraġġ u b’konvinzjoni. Għalhekk Ġesù jitkellem fuq iċ-ċaħda tagħna nfusna, per eżempju biex ilsienna ma jiġrix bina, biex il-preġudizzji tagħna biex ma jirkbuniex, biex il-kitba tagħna ma nħalluhiex tispiċċa f’insulti u fi kliem li jweġġa’, biex nagħrfu niddeċiedu b’responsabbiltà.

Nitolbu

It-tielet, li nitolbu l-għajnuna ta’ Alla. Ġesu qalilna: “Itolbu biex ma taqgħux fit-tiġrib”. It-talb jagħtina l-qawwa u l-forza li neħtieġu, għax hu permezz tal-grazzja ta’ Alla li nistgħu nirbħu t-tentazzjonijiet tal-ħajja.

Nitolbu lill-Mulej biex ma nibżgħux mit-tentazzjonijet tal-ħajja, għax hu normali li nħabbtu wiċċna magħhom. Il-ħażin mhux li nkunu ttentati, imma li nċedu għat-tentazzjoni u li ma nemmnux fil-qawwa ta’ Alla biex nibqgħu qawwija. Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jdawwalna bil-kelma tiegħu, biex isalvana hu, biex inkunu nistgħu ngħixu fil-paċi tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: