Il-Ħadd 6 ta’ Marzu 2022: Illum wara t-talba tal-Angelus, il-Papa Franġisku tenna għal darba’ oħra l-appell tiegħu għall-paċi fl-Ukrajna.
Huwa qal, “Fl-Ukrajna hemm jiġru xmajjar ta’ demm u dmugħ. Din mhix biss operazzjoni militari, imma gwerra, li tiżra’ l-mewt, il-qerda u l-miżerja. Qed jiżdied dejjem l-għadd tal-vittmi kif ukoll ta’ min qed jaħrab, speċjalment ommijiet u tfal. F’dak il-pajjiż mifluġ b’mod tant drammatiku, kull siegħa li tgħaddi qed tinħass aktar il-ħtieġa tal-għajnuna umanitarja.
“Nagħmel appell mill-qiegħ nett ta’ qalbi biex jinfetħu bis-serjetà kuriduri umanitarji sabiex ikollhom garanzija li bla taħbit tasal l-għajnuna fiż-żoni li jinsabu taħt assedju lil ħutna maħqurin mill-bombi u l-biża’.
“Irrodd ħajr lil kull min qed jilqa’ lir-rifuġajti. Fuq kollox nitlob bil-ħerqa biex jieqfu l-attakki bl-armi u jsaltan in-negozjar – u wkoll li jsaltan is-sens komun -. U li jerġa’ jkun hemm rispett lejn id-dritt internazzjonali!
ĦU rrid irrodd ħajr ukoll lill-ġurnalisti nisa u rġiel li biex jiggarantixxu l-informazzjoni jirriskjaw ħajjithom. Ġrazzi ħuti għal das-servizz tagħkom! Servizz li jippermettielna nkunu qrib id-dramm ta’ dik il-popolazzjoni u jgħinna nifhmu l-krudeltà tal-gwerra. Grazzi, ħuti.
“Ejjew nitolbu flimkien għall-Ukrajna: hawnhekk quddiemna hawn il-bnadar tagħha. Nitolbu flimkien bħal aħwa. Lill-Madonna Reġina tal-Ukrajna. Sliema għalik, Marija…….
“Is-Santa Sede lesta tagħmel minn kollox, biex tkun ta’ servizz għal dil-paċi. Dal-ġranet marru żewġ Kardinali fl-Ukrajna biex ikunu ta’ servizz għall-poplu, biex jgħinu. Il-Kardinal Krajewski, l-Elemożinier, biex iwassal l-għajnuna lil dawk li jeħtieġuha u l-Kardinal Czerny, Prefett ad interm tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali. Il-preżenza ta’ dawn iż-żewġ Kardinali mhix biss il-preżenza tal-Papa, imma tal-poplu nisrani kollu li jrid ikun qrib u jgħid: “Il-gwerra hija ġenn! Ieqfu, jekk jogħġobkom! Araw dil-krudeltà!”.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber