Ġwanni Pawlu II mas-Seminaristi tal-Kulleġġ Almo Capranica

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦAS-SEMINARISTI TAL-KULLEĠĠ ALMO CAPRANICA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
L-Erbgħa, 20 ta’ Jannar 1982

Għeżież seminaristi tal-Kulleġġ Almo Capranica!

Xtaqtu b’qawwa din il-laqgħa ewkaristika fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni, għalikom dejjem hekk sollenni ta’ Santa Agnese, patruna ċelesti tagħkom, li magħha din is-sena tiżdied ukoll il-kommemorazzjoni taċ-ċentinarju tat-twelid ta’ Monsinjur Cesare Federici, li kien Rettur tal-Kulleġġ għal 34 sena

Waqt li qegħdin inħejju ruħna biex niċċelebraw is-Sagrifiċċju qaddis tal-Quddiesa, tistà tgħin id-devozzjoni tagħkom riflessjoni qasira dwar realtà hekk importanti u sinifikattiva tal-martirju ta’ Santa Agnese, li għexet b’fedeltà bla biżà u bi mħabba totali u erojka imħabbitha lejn Kristu. L-Esperjenza tagħha tindika b’mod ċar l-Iktar Għoli għandu fuq kull wieħed minna il-proġett tiegħu. Dan huwa bla dubju proġett misterjuż mhux ħażin, li għandna bżonn niskopruh b’attenzjoni ntelliġenti, u li kultant jurta l-veduti u l-pjanijiet tagħna; dan huwa proġett li jesiġi mpenn, għejja, dedikazzjoni u kultant ukoll tbatija u ġlieda kontra t-tentazzjonijiet xejn favorevoli u d-dgħufijiet tan-natura. Imma dan huwa proġett superjuri, divin, li jħares ‘il quddiem u feddej għalina personalment u għall-umanità.

Huwa essenzjali li nħossu dan il-“proġett”, naċċettawh u nwettquh, b’fiduċja u kuraġġ, waqt li kuljum niksbu minnu l-qawwa u l-ferħ tas-sagrifiċċju tal-Quddiesa, li ttawwal fiż-żmien is-sagrifiċċju tal-Kalvarju, u mill-Komunjoni Ewkaristika, li ġġedded fis-sekli l-intimità ħelwa tal-Aħħar Ċena. Dan huwa l-awgurju li nagħmel lilkom ilkoll, waqt li ntenni l-kliem tal-Imgħallem Divin, li minn hawn u ftit ieħor nirċievu ġewwa fina: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jgħix fija u jiena fih” (Ġw 6,57); “Ibqgħu fija u jiena fikom…Min jibqà fija u jiena fih, jagħmel ħafna frott…” (Ġw 15,4.5); “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15,9).

Ilqgħu intom ukoll b’mod ġeneruż il-proġett ta’ Alla fuqkom! Ibqgħu f’imħabbtu, waqt li tfittxu li tkunu u li ssiru saċerdoti qaddisin! Fir-riefnu tal-ġrajjiet umani, li fihom kull wieħed huwa msejjaħ biex iħobb lil ħutu u biex itejjeb id-dinja, il-“qdusija” hija b’mod partikolari  l-proġett divin dwar ħajjitkom.

Ukoll il-kommemorazzjoni taċ-ċentinarju tal-qatt minsi Monsinjur Cesare Federici u tal-konsagrazzjoni twila, entużjasta u nfatikabbli tiegħu għad-dmir tiegħu ta’ saċerdot u ta’ edukatur, huwa mottiv ta’ meditazzjoni, biex inkunu nafu nimitaw l-eżempju ta’ dedikazzjoni sħiħa għar-rieda ta’ Alla.

Għeżież! Ejjew issa noffru lill-Missier il-Vittma Divina, Ġesù Kristu, fl-imħabba tal-Ispirtu Santu. Huwa jagħtikom dawl u kuraġġ biex tgħidu: “Hawn jien, o Mulej! Jiena lest: Ibgħatni!” Issostnikom Marija Santissma! Tinterċedi għalikom il-martri Santa Agnese!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: