Ġwanni Pawlu II fil-Kulleġġ Pontifiċju Piju-Brażiljan

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-KULLEĠĠ PONTIFIĊJU PIJU-BRAŻILJAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 17 ta’ Jannar 1982


Għeżież ħuti.
Ikun imfaħħar Sidna Ġesù Kristu!

1. Dawn huma paġni ta’ kontenut spiritwali għoli u ta’ sinifikat prattiku profond li f’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, joffru ruħhom għall-meditazzjoni.

L–ewwel waħda hija meħudha mit-Testment il-Qadim. Fil-qalba tal-lejl Alla jippronunzja b’insistenza isem żagħżugħ fit-Tempju. Il-profondità tal-lejl hija xbiha ta’ trankwillità u ta’ serenità: Samwel rieqed ħdejn l-Arka tal-Mulej u l-profeta jistiednu biex ikompli jorqod. Xbiha wkoll ta’ ingratitudni fil-konfront tal-Verità: “Samwel ma kienx għaraf li kien il-Mulej” jikkummenta l-kronista sagru – “linqas li kellha tkun rivelata lilu l-kelma tal-Mulej”.

Madankollu fil-qalba tal-lejl, il-Mulej ma jaqtax isejjaħlu – Samwel, Samwel! – sakemm,  infurmat minn Eli, iż-żagħżugħ iwieġeb: “Tkellem Mulej, il-qaddej tiegħek qed jisimgħek!”.

It-tieni paġna hija meħuda mill-Vanġelu tsa’ San Ġwann. Għal-leħen ta’ Ġwanni l-Battista li juri l-Ħaruf ta’ Alla, Indri u dixxiplu ieħor erħewlha għas-“sequela Christi”: “Fejn toqgħod?”. “Ejjew u araw”, iwieġeb Ġesù. “baqgħu miegħu”. Jibqgħu sal-aħħar, bħal ma jibqà Pietru, imħajjar minn ħuh Indri, bħal ma jibqgħu l-oħrajn kollha.

Bħala estensjoni tal-ewwel żewġ paġni, u bħala t-tielet waħda, ta’ San Pawl, li jgħid lil dawk kollha li wieġbu għas-sejħa tal-Mulej: “Int ma tappartinix lilek innifsek! “Ġismek, l-esseri tiegħek huwa għall-glorja ta’ Alla! Ladarba int magħqud mal-Mulej tifforma spirtu wieħed miegħu!”. U jżid: “Aħrab il-prostituzzjoni”, jiġifieri kull tradiment, kull-infedeltà, kull idolatrija.

2. Hekk, mela, f’dan il-bidu taż-“żmien ordinarju”, il-Liturġija tqiegħed quddiem għajnejna u quddiem il-kuxjenza tagħna it-tema tas-sejħa tal-Mulej. Sabiħ u sinifikattiv, liturġikament huwa dan “iż-żmien ordinarju”: ladarba ebda misteru nisrani speċjali jew partikolari, ebda festa ma tiddistingwih, huwa hi, fid-dawl tal- misteru ta’ Kristu, iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajjitna komuni, dik ta’ kuljum, kultant  matta u rrilevanti, imma mdawla għaliex kurriera tal-preżenza u tal-grazzja tal-Mulej. Waqt li nitkellmu dwar il-vokazzjoni f’dan il-bidu taż-“Zmien ordinarju” – “tempus per annum” tal-Messal – il-liturġija tġħidilna li, jum wara jum fl-eżistenza tagħna nġorru magħna sejħa ta’ Alla li tagħti sinifikat lil ħajjitna. U għalina hawn miġbira l-Mulej irriserva sejħa speċjali: il-vokazzjoni biex inservuh, billi nservu lill-Knisja u lill-proxxmu, fil-ministeru saċerdotali.

Huwa għalikom dan il-messaġġ, għeżież reliġjużi tal-Kumpanija ta’ Ġesù, inkarigati bid-direzzjoni u bl-animazzjoni ta’ dan il-Kulleġġ. Inkarigati minn Alla biex tassistu l-voksazzjoni tas-seminaristi u tas-saċerdoti hawn preżenti, lilhom ittennu, bil-kelma u bix-xhieda tal-ħajja, il-kliem ta’ Eli lil Samwel: “Jekk isejjaħlek, għidlu: “Tkellem Mulej, il-qaddej tiegħek qed jisimgħek””, jew il-kelma tal-Prekursur: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla”.

Huwa għalikom dan il-messaġġ, għeżież saċerdoti tad-diversi parroċċi Brażiljani, li tgħammru f’din id-Dar għal żmien ta’ perfezzjonament f’Ruma.

Huwa għalikom, żgħażagħ seminaristi, mibgħuta hawn mill-Isqfijiet tagħkom sabiex tkomplu l-istudji tagħkom Filosofiċi u tejoloġiċi u fuq kollox tħejjija serja u bir-reqqa għas-saċerdozju.

Għalikom, reliġjużi tal-Imħabba Divina, li, fil-fedeltà għall-vokazzjoni reliġjuża tagħkom, twettqu s-servizz delikat tagħkom għall-aħjar progress u stabiliment ta’ klima familjari fil-Kulleġġ.

Huwa għalikom dan il-messaġġ u jiena kuntent li nxandru f’din iż-żjara li għal tant żmien ili bix-xewqa li nagħmlilkom, kważi estensjoni, f’din il-parti ta’ Brażil li hawn f’Ruma, ta’ dik iż-żjara ndimentikabbli li kelli l-pjaċir li nwettaq fil-pajjiż tagħkom. Ċirkustanzi differenti ittardjaw il-miġja tiegħi hawn; imma dan l-irritardjar kompla ħeġġeġ ix-xewqa u rrenda iktar qawwi l-pjaċir li nkun hawn magħkom illum.

3 Kien għal servizz għaż-żgħażagħ Brażiljani msejħa minn Alla – bħal Samwel tal-ewwel qari u Indri u Xmun tal-Vanġelu – li l-Episkopat Brażiljan, kważi ħamsin sena ilu, f’April tal-1934, fetaħ il-bibien ta’ din id-dar, mibnija bil-prezz tas-sagrifiċċji u ċ-ċaħdiet, mibnija bi mħabba u tama. Il-bust tal-eminentissmi Kardinali Sebastiano Leme da Silveira, dak iż-żmien Arċisqof ta’ Rio de Janeiro, u Benedetto Aloisi-Masella, dak iż-żmien Nunzju apostoliku fil-Brażil, li hemm fid-daħla tal-Kulleġġ, jinsabu hemm bħala omaġġ għaż-żewġ idejaturi u wettieqa ewlenin ta’ din l-opra kbira. Imma dawn ifakkru wkoll bosta persuni oħra li, fis-skiet u fil-moħbi, bħall-ġebel mqiegħed fil-pedamenti, daħlu fil-bini ta’ dan il-Kulleġġ. Waqt li nfakkru lil dawn il-figuri u waqt li nfakkru kemm, f’dawn il-ħamsin sena għaddew minn din id-Dar, bħala membri fid-Direzzjoni jew bħala studenti, tigi naturali nistaqsu lilna nfusna dwar l-għanijiet u s-sinifikat ta’ dan il-Kulleġġ. It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi ħafna mill-vera effiċjenza tal-Kulleġġ fis siegħa attwali. Riflessjoni sempliċi, li nixtieq naqsam magħkom, twassal għat-tweġiba.

4.Massiva għan-numru tal-fidili tagħha, sinifikattiva għall-vitalità tagħha, influwenti għall-awtorità morali li tgawdi minnha u, fl-istess ħin, sofferenti minħabba l-problemi gravi attwali, uħud mill-isfera ġenerali, oħrajn tipiċi tas-sitwazzjoni tagħha, il-Knisja fil-Brażil għandha bżonn urġenti ta’ saċerdoti ffurmati sewwa. Nistà nafda magħkom li din kienet waħda mill-impressjonijiet l-iktar ħajjin u maħsusa li ksibt miż-żjara tiegħi fil-Brażil. Bla dubju fil-Brażil lajċi numerużi, b’disponibiltà eżemplari u sens ekkleżjali ammirevoli, jieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja f’kull livell; imma l-esperjenza turi li tali parteċipazzjoni lajkali, ‘il hemm mill-eżenzjoni, tesiġi ferm iktar il-preżenza kwalifikata tas-saċerdoti, bil-kariżma propja tagħhom.

Linqas mhu diffiċli tifhem lkemm inqas numerużi jkunu dawn is-saċerdoti (kif sfortunatament huwa l-każ tal-Brażil) aħjar għandha tkun il-formazzjoni tagħhom. Imma ma naħsibhiex darbtejn inżid:  fil-qies li fih iseħħ twelid vokazzjonali, ta’ proporzjon inqas jew ikbar f’pajjiż, il-formazzjoni tas-saċerdoti futuri tirrivela ruħha daqstant urġenti bħala kondizzjoni ndispensabbli tal-validità,  durabilità u  effiċjenza ta’ tali twelid. Fi kliem ieħor, it-tama ferrieħa li għada jkollok iktar saċerdoti tiswa daqs kemm iċ-ċertezza li jkollok saċerdoti ffurmata tajjeb.


5. Is-saċerdoti li l-Brażil jinħtieġ għandhom ikunu l-ewwelnett Rgħajja tajbin u devoti. In-nies tajbin u sempliċi, werrieta ta’ fidi sempliċi imma profondament irradikata, hekk bħall-faxex istruwiti tal-popolazzjoni, il-gwidi u l-“istrutturi ta’ soċjetà pluralista”, l-adulti bħall-ġenerazzjonijiet emerġenti jinħtieġu Rgħajja mlibbsin bi kwalitajiet li jirrenduhom rejalment addattati biex ikunu ministri awtentiċi ta’ Ġesù Kristu:

– rgħajja qrib il-poplu tagħhom għas-sempliċità, il-fehim u l-ftuħ;

– rgħajja prudenti, qalbiena, iddotati bis-“sapientia cordis” biex jindikaw il-mixja tal-ħajja b’mod speċjali fil-waqtiet diffiċli;

– rgħajja li jkunu tassew ministri, fidili għall-Maġisteru u edukaturi tal-Poplu ta’ Alla fil-fidi, ħabbara tal-Kelma ta’ Alla, sabiex ma jitwettaqx dak li jgħid il-ktieb ta’ Samwel: “F’dawk il-jiem il-Kelma ta’ Alla ssir rari…”.

– rgħajja li kapaċi joħolqu komunjoni billi jgħaqqdu bi mħabba l-mitlufin, billi jirrikonċilaw li dawk imbegħda, billi jibnu l-imħabba u sabar il-komunità;

– rgħajja li huma mgħallmin tat-talb;

– rgħajja ta’ ħajja qaddisa: ta’ fidi soda u li tittiehed, ta’ karità li tibbrilla, ta’ talb permanenti, ta’ purità, tjubija u manswetudni, ta’ qlubija miftuħa biex ikunu qrib b’mod speċjali ta’ dawk l-iktar foqra u fil-bżonn, mingħajr ma jeskludu lil ħadd mill-ansjetà propja ta’ missirijiet u rgħajja;

– rgħajja konvinti mill-missjoni propja, ferrieħa fil-vokazzjoni propja, li jsibu it-twettiq tagħhom fil-ministeru li bih huma mlibbsa bil-grazzja u l-preferenza tal-Mulej.

6. Issa, biex jifforma jew jipperfezzjona tali rgħajja, twieled fi żmien tajjeb dan il-Kulleġġ. Nistgħu niżżu ħajr lill-Mulej meta naraw kemm saċerdoti imħarrġa hawn biex jirrendu servizz eżemplari lil Ġesù Kristu u lill-Knisja li tinsab fil-Brażil: nikkwota bi pjaċir fost it-tant oħrajn, il-ħamsin Isqof Brażiljani li għaddew minn hawn, li wieħed minnhom, l-ewwel fil-lista tal-istudenti fundaturi, jappartieni llum għas-Sagru Kulleġġ tal-Kardinali: Is-Sinjur Don Angelo Rossi.Iż-żjara tiegħi tixtieq tkun stimolu lill-Kulleġġ sabiex ikompli jkun fidil għall-għanijiet tiegħu.

Il-Knisja fil-Brażil, il-poplu kattoliku fil-Brażil, ikollu raġun jittama jekk hawn ikun hawn ambjent adegwat għal numru dejjem jikber ta’ seminaristi li jħejju ruħhom għas-saċerdozju u għal gruppi ta’ saċerdoti li jiksbu dak l-aġġornament indispensabbli għal eżerċizzju aħjar tal-ministeru propju. Linqas ma hemm xi ħadd li ma jħossx liema għandhom ikunu l-karatteristiċi ta’ dan l-ambjent.

Jalla tirrenja hawn ħajja komunitarja sempliċi u fraterna, imsejsa fuq karità stimolanti u konfortevoli.
Jalla tkun tidher is-serjetà u r-responsabiltà fl-istudju u fix-xoġhol: ħafna fil-Brażil iżommu għajnejhom iffukati fuq din id-Dar u jaċċettaw sagrifiċċji ta’ kull tip biex imantnuha għaliex minnha jittamaw ħafna.

Jalla jkun hawn klima ta’ studju u, fis-sigħat disponibbli, ta’ attività pastorali żelanti: bosta komunitajiet insara ta’ Ruma huma grati għall-preżenza ta’ saċerdoti li jiġu minn pajjiżi oħra u li joffru lil azzjoni pastorali valida sigħat li jissugraw li jintilfu fil-għażż.

U, fuq kollox, jalla tinkiseb hawn esperjenza ta’ ħajja vera u ta’ formazzjoni spiritwali. Intom saċerdoti u saċerdoti futuri li tinsabu hawn, intom bla ebda dubju ġejtu biex  tagħmlu progress fix-xjenzi, b’mod speċjali f’dawk ekkleżjastiċi; imma l-preżenza tagħkom hawn għandu jkollha bħala skop tkabbir reali fi spirtu ta’ talb, f’kuntatt personali mal-Mulej.

7. Ma nissogra nżid xejn iktar. Teżisti bla dubju f’din Ruma tagħna – dak li jkun jintebaħ biha sensibilment – grazzja speċjali. Grazzja tal-preżenza li ma tmut qatt tal-appostli Pietru u Pawlu.

Grazzja tax-xhieda ta’ tant martri, li tkompli tinfirex b’mod misterjuż fir-ruħ ta’ Ruma. Grazzja tal-kattoliċità tal-Knisja, tradotta b’tant modi fl-għaqda mas-suċċessur ta’ Pietru. Grazzja tal-permanenza. Ikun għalikom arrikkiment li tħallu li tassorbixxu, tul il-perijodu tal-istudji tagħkom, minn din il-grazzja ta’ Ruma.

Jekk dan ikun il-każ, kull sena l-Knisja li tinsab fil-Brażil tirċievi minn dan il-Kulleġġ ministri ta’ Kristu, li jkunu avvantaġġjati mill-istudji Rumani tagħhom biex japprofondixxu u jsaħħu il-vokazzjoni tagħhom u jiffaċċjaw b’disponibiltà mkabbra ta’ servizz fl-isferi differenti li jistgħu jinfetħulhom fil-ministeru tagħkom.

8. Nikkonkludi billi nerġa ndur għall-Kelma ta’ Alla li hija lilna offruta f’dan il-jum. Waqt li niċċelebra magħkom din l-Ewksristija, inkompli naħseb, għal darb’oħra, f’dak it-tempju li fih kien jistrieħ iż-żagħżugħ Samwel, u dwar dak ix-xatt tal-Galilea imfakkar minn San Ġwann. Fl-ewwel każ kif ukoll fl-ieħor il-leħen ta’ Alla jsejjaħ, jippronunzja b’qawwa isimna ta’ wliedu, li huwa jixtieq isejjaħ għal opri li huwa biss jaf. Dan irid ikun il-post li fih b’kuxjenza iktar ċara u profonda, min iħossu msejjaħ iwieġeb: “Tkellem, Mulej, il-qaddej tiegħek qiegħed jisimgħek”, jew, wara li jkun staqsa, “fejn tgħammar?”, jerħilha fis-skiet għal wara Mgħallem tant maħbub.

Il-Mulej jagħtina li dawn is-sigħat migħuxa flimkien ikunu għalija u għalikom, ħuti, esperjenza spiritwali profonda ta’ komunjoni miegħu u bejnietna. U jalla tali esperjenza tkun utli biex ngħixu aħjar il-vokazzjoni tagħna.

U issa waqt li niċċelebraw dan il-misteru ewkaristiku, nistaqsu lill-Mulej u nimpenjaw ruħna biex nagħmlu dak kollu possibbli sabiex il-Kulleġġ tagħkom, ladarba huwa Pontifiċju – fidil għall-oriġni tiegħu, jibqà dejjem dak li għandu jkun: dar ta’ formazzjoni ta’ appostli awtentiċi ta’ Ġesù Kristu għall-maħbub Brażil.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: