Ma baqgħetx imħawda

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 25 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej. Knisja Parrokkjali Lunzjata Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Għal dan il-kliem tħawdet”. Nixtieq li nieqfu ftit illum fuq dawn il-kelmiet mill-Evanġelju skont San Luqa fejn qed jiddeskrivi l-ewwel reazzjoni ta’ Marija għall-kliem tal-anġlu Gabriel. Għalfejn tħawdet? Aħna kultant ngħidu li tħawdet għax qatt ma kienet qed tistenna din l-aħbar – li se ssir Omm Alla. Imma fil-fatt meta l-Evanġelju jgħid “għal dan il-kliem tħawdet”, kien għadu lanqas qalilha l-anġlu bl-aħbar li se tkun Omm Alla. Imma tħawdet xħin semgħet it-tislima tiegħu: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

Għal dak il-kliem tħawdet. Ma tħawditx għaliex qalilha xi kelma li biha b’xi mod jew ieħor ħawdilha moħħha u tefagħha taħseb f’xi ħaġa oħra, jew inkella tħawdet għaliex semgħet xi aħbar kerha; imma tħawdet bit-tislima tiegħu. U hemm raġuni għaliex. Meta l-anġlu jgħidilha “mimlija bil-grazzja”, kienet din li lilha ħawditha. U l-Evanġelju jgħid: “…bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima”.

Mimlija bil-grazzja

Fil-kelmiet “mimlija bil-grazzja” għandna fil-fatt miġbura l-iktar tifsira profonda ta’ din il-ġrajja li qed niċċelebraw illum. Marija “mimlija bil-grazzja” ma tfissirx li l-anġlu ġie jgħidilha l-aħbar lil Marija għax hi kienet qed taħdem biex tkun Omm Alla, qed tieħu l-inizjattiva hi, mertu tagħha. Mhux hekk. “Mimlija bil-grazzja” għax kien Alla li lil Marija ta dan id-don hekk kbir u mlieha bil-grazzja. U għalhekk tħawdet. Imma meta l-anġlu semmielha għaliex qed jgħidilha “mimlija bil-grazzja”, li l-Ispirtu s-Santu jiġi fiha u bil-qawwa tiegħu li tnissel lil Ġesù, hemmhekk ma tħawditx aktar. Hemmhekk imbagħad staqsiet biex tkun ċara li hi ġejja minn Alla, u meta għarfet li ġejja minn Alla, aċċettat u qalet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

F’Marija Alla sab din il-qalb miftuħa, sab id-disponibiltà li permezz tagħha Alla seta’ jagħmel ħwejjeġ kbar. Kif qalet hi stess aktar ’il quddiem: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Hi din il-qawwa ta’ Alla li ħadmet permezz ta’ Marija, għax fiha Alla sab qalb miftuħa, imbagħad permezz ta’ hekk setgħet tnissel fiha lil Ġesù, l-Iben ta’ Alla.

Iva b’determinazzjoni

Għalhekk hemm tifsira wkoll fl-isem tal-anġlu Gabriel, għax l-isem ‘Gabriel’ ifisser il-qawwa ta’ Alla –  Alla hu l-qawwa tiegħi. Dik setgħet tgħid Marija wara din il-ġrajja: bil-qawwa tiegħu jien se nkun Omm Alla. Nafu li Marija ma fehmitx ħafna affarijiet, ma setgħetx tara l-futur, kien hemm ħafna inċertezza dwar il-futur, imma kienet lesta, qalb miftuħa biex taċċetta dak li jrid Alla. Qalet dik l-‘iva’ u qalitha b’deċiżjoni, qalitha b’determinazzjoni. Il-Papa Franġisku għandu silta sabiħa ħafna fuq din l-‘iva’ ta’ Marija, u qiegħda fid-dokument fuq il-pastorali maż-żgħażagħ, Christus vivit. Hu jitkellem fuq il-qawwa li għandha din l-‘iva’ ta’ Marija, mara żagħżugħa. Jgħid: ma kinetx “iva, speċi x’tista’ tagħmel?”, rassenjazzjoni ta’ dak it-tip; ma kinetx “iva, imbagħad naraw”. Imma kienet ‘iva’ li qalitha bil-qalb, qalitha b’deċiżjoni, anke jekk hi ma setgħetx tifhem kollox, imma kienet ‘iva’ li biha riedet tfisser il-fiduċja sħiħa fil-kelma ta’ Alla.

Nafu li din il-ġrajja hi l-bidu ta’ dak kollu li naraw f’Marija fl-Evanġelju, fejn hi terġa’ ssostni kontinwament din l-‘iva’ tagħha lil Alla. Li tgħid hawn “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” Marija tkompli tikkonfermah kontinwament. Mhux biss fil-mumenti sbieħ, imma wkoll fil-mumenti diffiċli, fil-mumenti l-aktar ibsin tal-ħajja tagħha. Hi tkompli tgħid “jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. Nafu li taħt is-salib kienet l-ikbar prova għaliha, għax taħt is-salib meta hi bdiet tħares lejn Ġesù msallab, dak li kien jidher minn barra kien eżatt kuntrarju ta’ dak li l-anġlu kie qalilha  hawnhekk. Meta rat lil Ġesù fuq is-salib, kien eżatt il-kontra ta’ kull kelma li qalilha l-anġlu. Hu qalilha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin il-Għoli, il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”. Fejn hu kbir fuq is-salib? Fejn hu t-tron fuq is-salib? Fejn hu li jsaltan għal dejjem meta qed imut fuq is-salib? Imma hi kompliet temmen li dak li qalilha Alla hu veru. Il-fiduċja li wriet hawn, fil-ġrajja li niċċelebraw illum, Marija kompliet tikkonfermaha sal-aħħar, u Alla wrieha kemm kellha raġun li tafda fih, li tgħid “jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”.

Isir minni skont kelmtek

Dak hu l-isbaħ u l-aqwa messaġġ li tagħti lilna Marija. Aħna nafu li l-parir li tat fit-tieġ ta’ Kana, il-ftit kelmiet li qalet lill-qaddejja “agħmlu dak li jgħidilkom hu”, jaqbel ma’ dak li qalet hi “ħa jsir minni skont kelmtek”. Dan hu eżatt il-kontra ta’ dak li seħħ fil-bidu tal-istorja, fil-Ġenesi, meta Adam u Eva lil Alla b’li għamlu qalulu: ma jsirx minna skont kelmtek, minna jsir il-kontra ta’ dak li qed tgħidilna. Marija tgħid “ħa jsir minni skont kelmtek”, u l-parir li tagħti lilna hu: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Aħna nindunaw fil-ħajja tagħna kemm hu veru dan: meta aħna nagħmlu dak li jgħidilna hu, meta nħallu lil Alla jidħol fil-ħajja tagħna u niftħu qalbna għalih bħalma fetħet qalbha hi, ħajjitna tkun isbaħ, ħajjitna tkun bis-sens. Inkunu nafu li tassew mexjin fit-triq it-tajba anke fil-mument tal-akbar tbatija bħalma kellha hi. Inkunu nafu fl-esperjenza tal-ħajja tagħna li meta bħal Marija niftħu qalbna għal Alla, magħna jagħmel ħwejjeġ kbar, u fl-istess waqt ikun dejjem magħna anke fil-mument tal-akbar tbatija.

Għalhekk nixtieq li llum nitolbu lil Alla biex lilna jgħinna ħa jkollna qalb miftuħa bħal ta’ Marija, li naċċettaw lil Alla li jaħdem fina, fil-ħajja tagħna ,u jagħtina d-doni tiegħu, u li nistgħu dejjem ikollna din id-disponsibiltà ta’ Marija, din id-determinazzjoni li nagħmlu r-rieda tiegħu. Nafu li qegħdin fi żmien diffiċli fl-Istorja tal-umanità, bħalma smajna fit-talba sabiħa li għamel Papa Franġisku, l-att ta’ konsagrazzjoni tal-umanità kollha, speċjalment tar-Russja u tal-Ukrajna. Nafu kemm għandna bżonn li aħna niftħu qalbna għal Alla bħalma għamlet Marija. U biex aħna dejjem lill-Mulej ngħidulu: ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek, lilna agħtina qalb bħal ta’ Marija li tkun lesta dejjem li tilqgħek fiha. Nafu li meta nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtu l-kontribut tagħna għal ħajja aħjar, għal soċjetà aħjar; u l-ftit li nistgħu nagħmlu aħna għall-paċi fid-dinja nkunu qed nagħmluh jekk tassew ngħixu l-ispirtu ta’ Marija.

Nixtieq li nitlob dan għalina, għall-parroċċa tagħna, għall-familji tagħna, għas-soċjetà Maltija wkoll, u għad-dinja kollha. Nitolbu li aħna jkollna din il-qalb ta’ Marija li tiftaħ il-bieb lil Alla, biex Alla jista’ jaħdem fina. Nixtieq li flimkien mal-Papa Franġisku, ngħid is-silta tal-għeluq tat-talba sabiħa ta’ konsagrazzjoni, għax hi marbuta proprju mal-festa tal-lum: ““O Mara tal-‘iva’, li fuqek niżel l-Ispirtu s-Santu, reġġa’ fostna l-armonija ta’ Alla. Aqta’ l-għatx tal-qalb tagħna, int li int ‘għajn ħajja tat-tama’. Int li nsiġt l-umanità ta’ Ġesù, agħmel minna bennejja tal-komunjoni. Int li mxejt fit-toroq tagħna, mexxina tul il-mogħdijiet tas-sliem. Ammen.”

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

%d bloggers like this: