Meta t-tieni l-gwerra dinjija kienet fl-eqqel tagħha, grupp ta’ suldati Ingliżi mid-Devonshire Regiment, magħrufin l-aktar bħal d-Devons, kienu għadejjin f’wied fi triqithom lejn belt imdawra bl-għadu. Dil-belt kienet vitali li terġa’ lura f’idejn l-allejati biex il-Ġermaniżi jibdew jirtiraw lura lejn pajjiżhom.
F’daqqa waħda instama’ sparar ta’ machine guns miż-żewġ naħat tal-wied. Id-Devons lemħu masġar ftit ‘il quddiem minnhom, u kollha kemm huma ġrew għall-kenn tas-siġar. Tony Taylor l-iktar li ġera ‘l quddiem. Biex jevita l-balal tal-għadu, serrep triqtu kemm felaħ. Meta wasal f’punt fejn l-isparar ma baqax jilħqu aktar, induna li kien inqata’ minn ma sħabu. Għarrex ftit ‘l hawn u ‘l hinn, imma ħaseb li aħjar ifittex jibda tiela’ mill-wied, jitla’ l-għolja l-aktar li kellha siġar u jgħaddi għan-naħa l-oħra tagħha, bit-tama li jerġa’ jingħaqad ma’ sħabu.

Wara xi siegħa, laħaq il-quċċata u minn hemm seta’ jara li grupp ta’ Ġermaniżi kienu niżlu fil-wied biex jaraw għadx baqa’ Ingliżi ħajjin. Tony beda jaħseb li wara dan se jkompli jfitxxu fil-masġar. Għalhekk beda jfittex xi kenn u sab ftit għerien. Sab wieħed li kellu l-iżgħar fetħa, daħal u ra li forsi seta’ jistaħba fir-rokna l-aktar mudlama tal-għar. Kien jaf li jekk isibuh ma kienx se joħroġ ħaj minn hemm Għalhekk, niżel għarkupptejh u talab: “Mulej, jien inħobbok u nemmen fik. Għinni biex insalva.” Fil-pront ra brimba li bdiet tinseġ għanqbuta mad-daħla tal-għar. Tony beda jaħseb, “Ara naqra! Jien għandi bżonn ħajt tal-konkrit, u l-Mulej bagħatli brimba. Għandu jkun għandu aptit jiċċajta.”
Għadda ftit ħin mhux ħażin u l-għanqbuta kienet lesta, hekk kif Tony beda jisma’ ilħna Ġermaniżi jgħajtu lil xulxin, l-ewwel mill-bogħod, imbagħad kull ma jmur aktar beda jismagħhom resqin fil-viċin. Malajr wasal suldat Ġermaniż quddiem l-għar fejn kien hemm Tony. Kien dieħel, iżda sieħbu għajjatlu: “M’intix taraha dik l-għanqbuta? Tidher li ilha hemm. Jiġifieri li ħadd ma seta’ jidħol ġo dak l-għar mingħajr ma jkissirha. Taħlix żmien, u ejja mmorru nfittxu fl-għerien l-oħra.” U telqu.
Tony baqa’ mbellaħ! Fis niżel għarkupptejh u qal: “Mulej, aħfirli! Insejt li għalik għanqbuta hi aqwa minn sur tal-konkrit. Inti taf tuża l-iċken ħaġa, anki waħda insinifikanti f’għajnejn il-bnedmin, biex tħawwad l-għorrief.” Imbagħad Tony ftakar f’dak li kien sema’ darba fi prietka: “Triqati mhumiex bħal triqatkom, jien ma nirraġunax kif tirraġunaw intom, ħsibijiet fuq maħfra, ġustizzja, ħniena u kastigi mhumiex kif taħsbuhom intom. Għax il-ġustizzja tiegħi hija ħanina, u l-ħniena tiegħi hija ġusta.”
Minn edward Tagliaferro