Mhux biss qoxra ta’ barra

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 10 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Ħadd il-Palm. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Waħda mill-karatteristiċi sbieħ li għandna f’pajjiżna f’dan iż-żmien marbut mal-Ġimgħa Mqaddsa hi l-organizzazzjoni ta’ wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li tara f’diversi postijiet. Ħafna nies ikunu jixtiequ jesprimu d-devozzjoni tagħhom f’dan iż-żmien billi jarmaw diversi statwi tal-Ġimgħa Mqaddsa, li juru mumenti tal-Passjoni ta’ Ġesù. Hi tradizzjoni mifruxa ma’ kullimkien, u ħaġa sabiħa ħafna.

Imma rridu noqogħdu attenti, kif qal il-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu f’Malta, li din il-prattika reliġjuża ma tkunx biss “qoxra ta’ barra”, jew inkella “ripetizzjoni ta’ repertorju tal-passat” (Omelija quddiem is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, 2 ta’ April 2022), imma li tkun tassew espressjoni ta’ fidi ħajja f’Ġesù. U għalhekk hu importanti li nifhmu l-ispirtu tal-Ġimgħa Mqaddsa, u nibdew proprju llum f’Ħadd il-Palm billi naqraw ir-rakkont tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù biex nistgħu nifhmu aktar kemm dak li se niċċelebraw ma għandux ikun biss xi ħaġa ta’ barra – bl-istatwi u l-uċuħ differenti li jkun hemm f’dawn il-wirjiet – imma dawn għandhom jgħinuna biex nidħlu aktar fil-fond f’dak li hu l-iktar essenzjali, ir-relazzjoni ma’ Ġesù. Il-Papa jsemmi li rridu nagħrfu mhux biss x’għamel għalina Ġesù elfejn sena ilu, imma x’jagħmel illum magħna; mhijiex memorja tal-passat biss, imma ġrajja li sseħħ illum.

Imħabba bla tarf

Il-qari tal-Passjoni llum, skont San Luqa, jurina dan b’mod sabiħ ħafna. Fil-bidu tar-rakkont hemm dak li għamel Ġesù  fit-twaqqif tal-Ewkaristija, fejn hemm diġà t-tifsira tal-Passjoni kollha. Meta Ġesù qabad il-ħobż u qal “Dan hu ġismi li jingħata għalikom”, u l-kalċi “…id-demm li jixxerred għalikom” – hemmhekk hemm diġa s-sinifikat tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Dan kollu qed jagħmlu għalina, għas-salvazzjoni tagħna, minħabba l-imħabba bla tarf li għandu lejn kull wieħed u waħda minna. Hi din l-imħabba li tispjega dak li Ġesù jagħmel fil-Passjoni meta jieħu fuqu d-dnub tagħna biex lilna jifdina u jsalvana, biex lilna jagħtina ħajja ġdida.

Innutaw hawnhekk kif mill-bidu sal-aħħar Ġesù jerħi ruħu f’idejn il-Missier. L-aħħar kelmiet li jgħid Ġesù fl-Evanġelju skont San Luqa huma: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. Meta għamel ir-rieda tal-Missier sal-aħħar, lilna ġabilna s-salvazzjoni, lilna fdiena, u lilna jagħtina ħajja ġdida. Għalhekk tajjeb li llum nitolbu lill-Mulej biex aħna naċċettaw din l-imħabba tiegħu, l-imħabba bla tarf li għandu lejn kull wieħed u waħda minna, u biex aħna ngħixu tassew dan l-ispirtu li jsemmi hawnhekk San Luqa fl-Evanġelju u li tant hu importanti għall-ħajja tagħna.

Nitolbuh, qalb il-ħafna tbatijiet tal-ħajja, biex nagħrfu din l-imħabba kbira ta’ Alla għalina u kif aħna nistgħu nilqgħuha u ngħixuha.

F’nofs konċentrazzjoni ta’ ħażen

L-istorja tal-Passjoni, kif rajna, hi konċentrazzjoni tal-ħażen tal-bniedem: it-tradiment; l-insulti; il-kompliċità fil-ħażen; il-kriminalità; min suppost ta ġudizzju, flok ta ġudizzju sew ċeda għall-pressjoni tan-nies; min kellu jitkellem, baqa’ sieket; min seta’ jagħmel xi ħaġa, ħarab; il-folla għażlet lill-qattiel u ddeċidiet li ssallab lil sid il-ħajja. Hemm konċentrazzjoni ta’ ħażen. Imma f’dan kollu hemm konċentrazzjoni kbira ta’ mħabba sal-aħħar ta’ Ġesù li b’hekk jifdina u jsalvana.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem ngħixu bi gratitudni għal dak li jagħmel magħna llum, biex lilna jagħtina l-imħabba sħiħa tiegħu qalb il-ħażen li niltaqgħu miegħu jew li ġieli nidħlu fih jew inħabbtu wiċċna miegħu, u nagħrfu ngħixu tassew b’din l-imħabba ta’ Alla fina.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: