Eroj fil-moħbi

Print Friendly, PDF & Email

Jekk wieħed kellu jfittex sew madwaru, għandu jsib lil xi ħadd li qed jgħix ta’ eroj fil-moħbi.  Ma jagħmilx xi ħwejjeġ kbar, imma il-ftit li jagħmel, jagħmlu bir-reqqa, regolari u bla daqq ta’ trombi.

Ħu lil David.  Ftit ilu sirt naf li ilu snin iżur il-ħabsin. Hu jaħdem f’ħanut. Għalhekk, bejn is-sagħtejn u l-erbgha, minn flok jieħu siesta jew joqgħod jara xi logħba fuq it-TV, imur il-ħabs.  Qatt ma jipprietkalhom, jiġġudikahom, jew jippreferi wieħed minn ieħor.  Sempliċiment joffri ruħu lil min ikollu xi bżonn:  lil wieħed jaqralu ittra, jiktiblu t-tweġiba, u mbagħad jeħodha miegħu biex jimpustaha.  Lil ieħor ġieli jġiblu xi ħwejjeġ, kotba jew gazzetti.  David dilettant tal-orgni tal-ħalq, u jaf idoqqu sew.  Hu għallem lil xi tlieta minnhom biex idoqquh.

Ta’ dan kollu, David qatt ma fittex xi grazzi jew xi kumpens lura.  Għalfejn jagħmel dan? “Nagħmel hekk għax forsi xi ħadd ikun il-ħabs it-tielet jew ir-raba’ darba, u jista’ jkun li kulħadd ikun qata’ qalbu minnu.  Jien ma naqta’ qalbi qatt minn ħadd.  Nibqa’ ngħin biex almenu dan it-tali jkun jaf li xi ħadd jimpurtah minnu, xi ħadd għandu fiduċja fih tant li dejjem għad hemm ċans li jirranġa ħajtu.  

Din li ma taqta’ qalbek qatt minnek innifsek jew minn xi ħadd hi kwalita’ li soltu nammiraw fl-atleti, suldati, pazjenti li jirkupraw minn xi mard serju u dawk li jissuperaw xi disastru kbir.  Dawn ħafna drabi  jispiċċaw fl-aħbarijiet.  Imma rridu nammettu li din teżisti wkoll fil-moħbi, bħal fedelta’ soda lejn persuna, missjoni jew volontarjat. Issibha fi sptarijiet, xelter għal nisa msawta, soup kitchens u djar tal-anzjani jew orfni.  Issibha wkoll f’ġenituri li jibqgħu jħobbu lil binthom, avolja din tisboħ xagħarha vjola, jew tagħmel tattoos u msielet kullimkien, jew taħrab ma’ xi banda tar-rock. Teżisti wkoll fuq il-post tax-xogħol meta mpjegat jaħdem bir-reqqa kemm meta s-supervisor ikun qed iħares u kemm le; jew f’xi skola fejn għalliema tispjega l-istess lezzjoni għal sbatax-il darba lil tfal li jdumu qatigħ biex jifhmu.

Qed tiġi wkoll quddiem għajnejja is-silta minn San Mark (2.1-12) ta’ meta erba’ min-nies ġarrew mifluġ għal quddiem Ġesu’, imma ma setgħux jidħlu fid-dar fejn kien imħabba r-rassa tal-folla.  Dawn ma qatgħux qalbhom, telgħu fuq is-saqaf, għamlu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fihom kien imgeżwer il-mifluġ.

Kulħadd jista’ jkun eroj bil-moħbi.  Kemm tagħti ħarsa madwarek, iftaħ għajnejk beraħ u żgur issib x’imkien, xi ħadd jew xi kawża fejn tista’ tagħti daqqa t’id.  Żgur li dan iġiblek aktar skop, sodisfazzjon u ferħ f’ħajtek.

E. Tagliaferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: