Ikollok ħniena minna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 24 ta’ April 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fit-Tieni Ħadd il-Għid, Festa tal-Ħniena Divina. Knisja tal-Ħniena Divina, Naxxar.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Is-sliem għalikom”. Din kienet it-tislima li ta Ġesù lid-dixxipli tiegħu meta dehrilhom wara li qam mill-mewt, għal darba darbtejn, u din hi t-tislima li aħna nixtiequ li jkollna, u dak li qed infittxu aħna li miġburin flimkien niċċelebraw il-Festa tal-Ħniena Divina. Aħna nixtiequ li jkollna s-sliem l-ewwel nett f’qalbna – il-paċi f’qalbna – imbagħad il-paċi man-nies li ngħixu magħhom, paċi fis-soċjetà tagħna u paċi fid-dinja. Hu għal dan li qed nitolbu b’mod speċjali llum.

Il-blandun juri l-Ħniena Divina

Nixtieq li aħna nħarsu ftit lejn din ix-xemgħa, imsejħa blandun, li fil-Vġili tal-Għid bdiet tixgħel min-nar, u tibqa’ tixgħel b’mod patikulari fi żmien l-Għid u anke f’mumenti oħra taċ-ċelebrazzjonijiet tagħna. Hawnhekk, fil-blandun, għandna t-tifsira tal-Ħniena Divina.

L-ewwel nett nafu li l-blandun jirrappreżenta lil Ġesù – għalhekk insejħulu d-dawl ta’ Kristu – u ġa, meta nħarsu lejh, għandna x’iseħħ fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Hawnhekk għandna xemgħa li tinħela hi biex tista’ tagħti d-dawl. Bħalma rajna fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, hu jagħti lilu nnifsu biex lilna jista’ jagħtina l-ħajja u jkun id-dawl tad-dinja.

Imbagħad hawnhekk stess għandna wkoll is-simboli importanti li jitqiegħdu fil-Vġili tal-Għid, u speċjalment nixtieq li nħarsu lejn dawn li huma s-simboli tal-pjagi ta’ Ġesù.

Il-pjagi tal-Irxoxt

Għaliex? Għax meta Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu bil-ġisem glorjuż tiegħu, jidher bil-pjagi. Il-pjagi huma riżultat tal-passjoni tiegħu, jiġifieri tal-mibegħda, tal-vjolenza, tal-kefrija tul il-passjoni tiegħu. Imma l-pjagi huma wkoll dawk li juru l-imħabba u l-ħniena bla tarf ta’ Alla Għalhekk meta aħna niftakru fil-pjagi ta’ Ġesù, aħna nħossu tassew il-ħniena tiegħu magħna.

Aħna wkoll fil-ħajja tagħna, minħabba d-dnubiet u n-nuqqasijiet tagħna, qisna għamilna bħal dawn il-pjagi. Imma nafu li Alla lilna jaħfirlna, Alla ma jieqaf qatt jaħfrilna, u jistenna li aħna nersqu lejh biex jagħtina l-maħfra u l-ħniena tiegħu. Il-Papa Franġisku jagħmel osservazzjoni tant importanti: li Alla ma jieqaf qatt jaħfer u jwasslilna l-ħniena tiegħu; aħna li kultant naqtgħu qalbna. Aħna li kultant nibqgħu fejn aħna u ma nersqux lejh biex nirċievu l-imħabba u l-ħniena tiegħu. Imma Alla qatt ma jieqaf jaħfer u jwasslilna l-ħniena tiegħu.

Din lilna tant tagħtina l-paċi, lilna tant timlielna qalbna. Jekk inħarsu lejna nfusna biss, nistgħu naraw ħafna affarijiet ħżiena, imma meta nħarsu lejn il-Mulej, nafu li hu jagħtina l-maħfra tiegħu, jgħinna nqumu mill-iżbalji tagħna u jgħinna nkomplu mexjin fit-triq. Għalhekk Ġesu hu l-Irxoxt imma bil-pjagi – dawn jibqgħu s-sinjali ta’ dak li għamlulu n-nies fil-passjoni u l-mewt tiegħu, imma huma s-sinjali tal-ħniena u l-maħfra tiegħu.

Il-pjagi tal-umanità fit-tbatija ta’ madwarna

Illum lilna Alla jixtieq iwasslilna din il-ħniena u l-maħfra tiegħu. Imma jixtieq jistedinna wkoll biex naraw il-pjagi tiegħu llum fit-tbatija ta’ madwarna. Nafu kemm niltaqgħu ma’ tbatija fil-ħajja tagħna; tista’ tkun minħabba mard – u hawn ħafna nies li jgħaddu minn tbatija kbira fil-mard tagħhom – tista’ tkun minħabba l-inkwiet fil-familja jew ma’ ta’ madwarna, tista’ tkun minħabbaa s-sitwazzjoni fejn ngħixu, bħalma hi s-sitwazzjoni llum tal-poplu tal-Ukrajna minħabba l-invażjoni. Hi t-tbatija kbira li naraw kontinwament.

Kultant nistaqsu: x’tista’ tagħmel?  Nistaqsuha din quddiem it-tbatija kbira ta’ dawn in-nies li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom, jew inkella jsofru huma jekk ma jispiċċawx huma mejta, jew il-familji tagħhom. Bħalhom nies f’postijiet oħra li aħna ma nisimgħux daqshekk bihom imma li wkoll għaddejjin minn tbatija.

Ngħinu fil-fejqan tal-ġrieħi

Araw kemm naraw tbatija madwarna. Li jistedinna l-Mulej illum huwa biex aħna ngħinu fil-fejqan tal-ġrieħi ta’ dawn in-nies. Hu jwasslilna l-ħniena u l-maħfra tiegħu, jgħinna biex aħna wkoll nieqfu ma’ dawk li għaddejjin minn tbatija.

Forsi ma jkunx dejjem possibbli li ngħinu lil dawk li qegħdin fil-bogħod. Imma ta’ min jgħid li kienet inizjattiva tajba ħafna l-ġbir ta’ oġġetti essenzjali f’dawn l-aħħar ġranet għall-poplu tal-Ukrajna. Dik hi għajnuna konkreta meħtieġa. Għandna naħsbu wkoll f’dawk li huma madwarna, dawk li nħabbtu wiċċna magħhom ta’ spiss. Il-Mulej jistedinna biex aħna wkoll inkunu strumenti tal-imħabba u l-ħniena tiegħu ma’ dawk li għaddejjin minn tbatija.

Nixtieq li din tkun it-talba tagħna, aħna u niċċelebraw il-Festa tal-Ħniena Divina. L-ewwel nett, li aħna nissaħħu fil-fidi tagħna. Bħalma qal Ġesù lil Tumas: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” – qed jgħid għalina, għax aħna ma rajniehx imma nemmnu fih. Ningħaqdu fl-istqarrija sabiħa ta’ San Tumas “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”, li hi l-ikbar stqarrija dwar Ġesù b’fomm appostlu fl-Evanġelju. Nafu li l-Mulej lili jwassalli l-maħfra u l-ħniena tiegħu, imma lili jistedinni biex jiena nkun hekk mal-oħrajn, mal-oħrajn ukoll inkun strument tal-imħabba, tal-ħniena u tal-maħfra tiegħu u nieqaf ma’ kull min għaddej minn tbatija minħabba l-ġrieħi tal-umanità.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: