“B’qalb imnikkta, imma b’sottomissjoni totali għar-rieda ta’ Alla, nħabbru l-mewt ta’ Fr. Joseph Aketeh Bako, li miet f’idejn il-ħattafa tiegħu bejn it-18 u l-20 ta’ April 2022”. Dan il-kliem, ħareġ fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa minn Fr Christian Okewu Emmanuel, il-Kanċillier tal-Arċidjoċesi ta’ Kaduna. Fr Baku miet fl-età ta’ 48 sena.
Fr Baku kien inħataf fit-8 ta’ Marzu minn irġiel armati mir-residenza tiegħu fil-Knisja Kattolika ta’ San Ġwann, Kudenda, fejn kien qed iservi bħala kappillan. L-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan kienet irraportat l-aħbar tal-ħtif tas-saċerdot, f’Marzu u nnota wkoll li skont rapporti, il-gwardjan tas-sigurtà tal-Knisja nqatel waqt l-attakk mill-irġiel armati.
Fl-istqarrija, l-Kanċillier spjega li l-komunikazzjoni tal-mewt ta’ Fr. Bako, tħabbret issa u mhux aktar qabel, peress li “il-fatt taċ-ċirkostanzi li waslu għall-mewt tiegħu u d-data tal-inċident riedu jiġu vverifikati bir-reqqa”.
L-Isqof tal-Arċidjoċesi ta’ Kaduna, Eċċ. Mons. Matther Man-Oso Ndagoso estenda l-kondoljanzi lill-familja u lill-komunità Kattolika ta’ San Ġwann, Kudenda. L-insara huma mistiedna wkoll jitolbu għar-ruħ Fr Bako, biex il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem u għall-konsolazzjoni tal-insara fl-Arċidjoċesi ta’ Kaduna.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-05/nigeria-kaduna-father-joseph-aketeh-bako-kidnap-priest.html