Il-qlub jilħqu lill-Verġni Omm: “il-paċi tiġi minn dirgħajha”.

Print Friendly, PDF & Email

Kien it-13 ta’ Mejju 1917, f’Cova d’Iria, fil-Portugall, tliet rgħajja ċkejknin jaraw lill-Verġni Marija bil-kuruna tar-Rużarju f’idejha. Din kienet l-ewwel minn sitt dehriet tal-Madonna lil Lucia dos Santos, u lill-kuġini tagħha Francisco u Jacinta Marto. L-istorja ta’ Fatima hija marbuta ma’ data oħra: dik tat-13 ta’ Mejju 1981, l-jum li fih kien sar l-attent ta’ qtil fuq il-ħajja tal-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.

Fl-okkażjoni tal-mitt sena tad-dehriet Marjani, l-Papa Franġisku żar is-Santwarju ta’ Fatima. F’dik l-okkażjoni tat-13 ta’ Mejju 2017, il-Qdusija Tiegħu, quddiem aktar minn nofs miljun fidili, ippreseda r-rit tal-kanonizzazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto, tnejn mir-rgħajja ċkejkna li raw il-viżjonijiet Marjani. Fl-omelija tiegħu fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, il-Papa ħeġġeġ biex npoġġu ħarsitna fuq Marija, għajn ta’ tama u paċi.

“Ma stajtx ma niġix hawn biex nivvenera lill-Omm Verġni u nafda lilha lil uliedha. Taħt il-mant tiegħek ma nintilfux, minn dirgħajk toħroġ it-tama u l-paċi li għandna bżonn u li nitolbu għal ħutna kollha fil-Magħmudija u fl-umanità, speċjalment għall-morda u l-persuni bi bżonnijiet speċjali, priġunieri u nies bla xogħol, foqra u abbandunati. Għeżież ħuti, ejjew nitolbu lil Alla bit-tama li l-bnedmin jisimgħuna; u ejjew nduru lejn il-bnedmin biċ-ċertezza li Alla jgħinna”.

Fit-tmiem il-quddiesa, ta’ ħames snin ilu, l-Papa Franġisku indirizza tislima lill-morda kollha, billi rabat ukoll kliemu stess ma’ paġni tal-Evanġelju: “Ġesù jaf xi jfisser l-uġiegħ, jifhimna, ifarraġna u jagħtina s-saħħa, kif għamel lil San Franġisku u lil oħtu Santa Ġjaċinta, lill-Qaddisin ta’ kull żmien u post”. Il-Papa fakkar “fl-appostlu Pietru, marbut fil-ħabs ta’ Ġerusalemm, filwaqt li l-Knisja kollha kienet qed titlob għalih”. “U l-Mulej ikkonsola lil Pietru”. Dan, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, hu “l-misteru tal-Knisja: l-Knisja li titlob lill-Mulej biex jikkonsla lill-imnikkta”.

L-għada, fl-14 ta’ Mejju 2017, fi Pjazza San Pietru, l-Papa Franġisku, waqt it-talba ta’ Regina Coeli, ħeġġiġna biex inpoġġu ħarsitna lejn Marija: “Ejjew inkunu mmexxija mid-daql li ġej minn Fatima. Jalla l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tkun dejjem il-kenn tagħna, l-konsolazzjoni tagħna u t-triq li twassalna lejn Kristu”. L-Papa fakkar fil-pellegrinaġġ għal Fatima, fejn il-“Verġni għażlet il-qalb innoċenti u s-sempliċità taċ-ċkejknin Franġisku, Ġaċinta u Luċija, bħala l-kustodji tal-messaġġ tagħha”. Il-Qdusija Tiegħu qal li “huma ta’ spiss kienu jitolbu t-talba tar-Rużarju, jagħmlu penitenza u joffru s-sagrifiċċju biex tinkiseb it-tmiem tal-gwerra u jintrebħu l-erwieħ l-aktar fil-bżonn tal-ħniena divina”.

“U anke llum hemm tant bżonn ta’ talb u penitenza biex jinqalgħu l-grazzji tal-konverżjoni, biex nitolbu t-tmiem ta’ tant gwerer li hemm kullimkien fid-dinja u li qed jinfirxu dejjem aktar, kif ukoll it-tmiem ta’ konflitti assurdi, kbar u żgħar, li jisfiguraw il-wiċċ tal-umanità”.

Fir-Reġina Coeli ta’ dak l-14 ta’ Mejju 2017, il-Papa Franġisku kien qal kliem li hu marbut ukoll ma’ dawn il-jiem imħawwda fl-Ewropa mad-daqq qerrieda tal-armi: “Jien nafda d-destin tal-popolazzjonijiet milquta mill-gwerer u l-kunflitt f’idejn Marija, Reġina tal-Paċi”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/it/papa/news/2022-05/13-maggio-vergine-maria-fatima.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: