Il-COMECE ttenni t-talba li t-tfal fil-ġuf għandhom dritt għall-ħajja

Print Friendly, PDF & Email

Nhar l-Erbgħa, l-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea qalu li l-ebda stat tal-Unjoni Ewropea m’għandu jkun obbligat jillegalizza, jiffaċilita jew ikun strumentali biex isiru l-aborti, peress li m’hemm l-ebda dritt rikonoxxut għall-abort fil-liġi Ewropea jew internazzjonali minn perspettiva legali.

L-insistenza tal-Isqfijiet waslet hekk kif il-Parlament Ewropew qed jiddiskuti l-impatt ta’ abbozz ta’ opinjoni li ħareġ mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti dwar l-abort li l-COMECE tgħid li huwa “interferenza inaċċettabbli fid-deċiżjonijiet ta’ ġurisdizzjoni demokratika ta’ stat sovran,” li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

L-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea wissew li “l-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew li tapprova dan l-indħil se tiskredita biss lill-istituzzjoni” u l-attentat biex jiddaħħal suppost dritt għall-abort fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun liġi “mingħajr l-pedament etiku u ddestinat li tkun kawża ta’ kunflitt perpetwu fost iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea”.

L-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-COMECE, Fr. Manuel Barrios Prieto, tenna sejħiet għar-rispett tal-kompetenzi leġiżlattivi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u għall-prinċipju tal-għoti, li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri.

Wara d-dibattitu plenarju li sar nhar l-Erbgħa, l-Membri tal-Parlament Ewropew, l-Ħamis adottaw riżoluzzjoni li affermat mill-ġdid il-protezzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Uniti għad-drittijiet tal-abort.

Waqt li kiene qed jitkellem f’intervista ma’ Vatican News, Fr. Prieto esprima t-tħassib li r-riżoluzzjoni turi “ċerta tendenza fil-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej li mhix favorevoli għall-ħajja.”

Għalkemm mhix ħaġa li torbot, imma r-riżoluzzjoni tagħmel referenza għall-Qorti Suprema tal-Istati Uniti u sentenza possibbli li għadha ma saretx pubblika, hija nkwetanti, peress li turi l-idea li biex tiddefendi s-saħħa tal-mara, wieħed irid jiggarantixxi d-dritt għall-abort. Dan, jgħid, “huwa totalment kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Knisja,” kif ukoll għal kull min “jara fl-embrijun ħajja ġdida differenti mill-ħajja tal-omm, li trid tiġi mħarsa”.

Fr. Prieto jisħaq fuq l-importanza ta’ dibattitu li “jevita l-isterjotipi” u li jkun miftuħ għad-difiża tal-ħajja u s-saħħa tan-nisa u tat-tfal fil-ġuf tagħhom. “Aħna ma npoġġux lill-mara f’kuntrast mat-tarbija”. S-Segretarju Ġenerali tal-COMECE jappella wkoll għall-protezzjoni tan-nisa minn kriżijiet soċjali, familjari, professjonali u ekonomiċi; filwaqt li jinnota li mara li għandha possibilitajiet oħra tkun inqas probabbli li tikkunsidra abort.

Fl-istqarrija tal-Erbgħa, l-COMECE rrikonoxxiet it-“traġedja u l-kumlessità tas-sitrazzjonijiet li fihom isibu ruħhom ommijiet li jikkunsidraw l-abort” filwaqt li nnotat li l-ħarsien ta’ nisa li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli jew ta’ kunflitt minħabba t-tqala tagħhom “huwa parti ċentrali tal-ministeru djakonali tal-Knisja u għandu jkun ukoll dmir eżerċitat mis-soċjetajiet tagħna”.

“In-nisa f’diffikultà m’għandhomx jitħallaw waħedhom, u lanqas ma jista’ jiġi njorat id-dritt għall-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. It-tnejn iridu jirċievu l-għajnuna u l-assistenza kollha meħtieġa”, qalu l-Isqfijiet.

Madankollu, l-Isqfijiet innutaw bi tħassib “għaċ-ċaħda tad-dritt fundamentali għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza, li hija t-tnissil tal-libertà tal-kuxjenza” bħala d-drittijiet tal-istituzzjonijiet tas-saħħa li jirrifjutaw li jipprovdu ċerti servizzi, inkluż l-abort, ġew imdgħajfa, jew saħansitra miċħuda.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-06/comece-abortion-life-mother-unborn-child-eu-resolution.html

%d bloggers like this: