Jalla kull familja tibqa’ tkun skola ta’ mħabba

Print Friendly, PDF & Email

Fl-okkażjoni tal-laqgħa importanti l-Papa Franġiksu nieda għall-familji kollha tad-dinja, nixtieq inwassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-familji  Maltin u Għawdxin, il-familji tagħna.

Jalla kull familja, bid-diffikultajiet u l-limiti tagħha, tibqa’ tkun skola ta’ mħabba. Il-familja li hija grupp ta’ persuni diversi u tgħix iċ-ċirkustanzi diversi fl-istorja u n-narrattiva tagħha, għandha din l-isfida. L-imħabba konkreta hija l-imħabba li San Pawl, l-Appostlu Missierna jgħanni fit-13-il kapitlu tal-Ewwel Ittra lill-Korintin.

Il-Papa Franġisku fid-dokument sabiħ dwar il-ferħ tal-imħabba ‘Amoris Laetitia’ jitkellem dwar l-imħabba konkreta fil-ħajja tal-familja, l-imħabba li taf tagħder u tħenn, li tissaporti, li ma taħsibx il-ħażin, ma tagħmilx il-ħażin, l-imħabba li tibqa’ għal dejjem. Jalla l-familji tagħna jgħixu din l-imħabba u jkunu tassew skola ta’ maħfra, skola ta’ paċenzja, skola ta’ tolleranza u tal-akkoljenza reċiproka. Għax wara kollox l-imħabba konkreta din hi: li jiena nitgħallem ma neħux il-persuna l-oħra for granted, allura ngħid ‘jekk jogħġbok’, li jiena nkun mimli gratitudni għad-don tal-persuna l-oħra imqar għal pjaċir ċkejken. Allura nitgħallem ngħid ‘grazzi’ u meta nonqos jew nonqsu ’l xulxin, ma niddejjaqx ngħid ‘aħfirli, sorry’. Dawn huma tliet pariri li jħobb jagħti l-Papa Franġisku. Għalih huma riċetta ta’ kif ngħixu flimkien f’armonija.

Xi ħaġa oħra li jħobb jgħid il-Papa Franġisku hija meta jberraq, tagħmel ix-xita, ir-ragħad u s-sajjetti, ippruvaw għamlu paċi qabel tmorru torqdu biex dak id-diżgwid jew inkella dak ir-rankur ma jibqax javvelena l-qalb tagħna u m’hemmx għalfejn ħafna kliem: tbissima, tgħanniqa, l-għafsa tal-għajnejn u l-qalb u l-idejn.

Jalla l-lingwaġġ tal-imħabba jkompli jsib fil-familji tagħna art ta’ ħniena li tagħti frott ta’ paċi u tama lil pajjiżna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: