Il-Ġimgħa, 24 ta’ Ġunju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Santwarju Parrokkjali Fontana.
[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-qalb-ta-gesuil-gimgha-24-ta-gunju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]
Omelija tal-Isqof Anton Teuma
Xi tfisser tiċċelebra l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù? Għax issa l-purċissjoni għamilnieha – mhux hekk! – għalkemm illejla ser tagħmlu oħra. Imma xi jfisser tiċċelebra l-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù? Ifisser li jiena nħoss l-imħabba ta’ Ġesù għalija. Imma din inħossuha tassew? Inkunu sinċieri. Jiena nħossha l-imħabba ta’ Ġesù għalija? Inkun sinċier miegħi nnifsi, kull wieħed u kull waħda minna. Inħoss tassew li Ġesù jħobbni lili? B’sinċerità kbira, kulħadd jirrispondi għalih. Naħseb li hu importanti li nagħmlu din il-mistoqsija, u nsibu risposta vera għaliha.
Jien naħseb, jekk irridu nkunu sinċieri tassew, irridu nammettu li diffiċli li nħossu l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù għalina. Jien naħseb li rridu nkunu sinċieri għalkollox. Jew hawn xi ħadd minna li jħossha din l-imħabba, li tferfru minn filgħodu kmieni, ma tħallihx jorqod billejl? Hawn xi ħadd minna hekk? Ma nafx! Imma jien ħa nagħmel mistoqsija oħra issa: Jekk aħna ma nħossuhiex daqshekk ta’ veru din l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù, jew forsi iktar ma nħossuhiex milli nħossuha, naħseb li nkunu qegħdin ngħidu l-verità. Għaliex? Għax jista’ jkun li Hu jħobbna u aħna m’aħniex inħossuha din l-imħabba. Bħal dik l-omm, b’mod speċjali meta jkollok l-adolexxenti, li int Alla biss jaf x’tagħmel u kif tagħmel biex tħobbu jew tħobbha, u tismagħha: ‘Inti lili ma tħobbnix’. Dik il-kelma twaqqgħek fi kriżi. Jew qatt ma tiġri?
Għaliex aħna mhux dejjem inħossu l-imħabba li Ġesù għandu għalina? Ejjew ħa nippruvaw nifhmu. Ġesù fl-Evanġelju tal-lum (Lq 15:3-7) jispjegalna perfett għaliex, jispjegaha b’mod sempliċi immens. Fil-fatt, fl-Evanġelju smajna l-parabbola li ngħidulha ‘tan-nagħġa l-mitlufa’. Lil min jgħidha, u għal min jgħidha? Jibda l-Evanġelju: jgħidha għall-Fariżej u l-kittieba, li dawn kien mingħalihom li huma perfetti; mingħalihom ma għandhomx ħtija, ma jiżbaljawx. Hawnhekk għandna diġà biċċa risposta għalfejn aħna ma nħossux l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù. Meta jien inħoss li jien perfett, jew naħseb b’mod żbaljat li jien ma niżbaljax, allura lill-Qalb ta’ Ġesù qtajtlu nofs qalbu: ‘Int m’intix għalija!’. Imma meta jien inkun veru miegħi nnifsi, ninduna li jiena dgħajjef – meta kull wieħed u waħda minna nindunaw li niżbaljaw, u meta nindunaw li aħna ingrati lejn Ġesù. Fil-fatt għandna l-ħajja, għandna familja; veru forsi għandna l-problemi u d-diffikultajiet, li aħna x’aktarx fil-ħajja tagħna, aktar ingorru u ngemgmu milli nirringrazzjaw. Meta jiena ninduna li ingrat lejh, u għalkemm jiena ingrat, hu qatt ma jirrabja, hu qatt ma jipprova jpattihieli, hu qatt ma jgħidli: ‘Mela, ħalli nagħmillek xi ħaġa, ħalli tifhem li int ingrat’ – le, qatt ma jagħmilha din, kif forsi nagħmluha ma’ xulxin aħna – meta jiena nifhem li jien dgħajjef u hu jħobbni mingħajr kundizzjoni u kontinwament, imbagħad bil-mod il-mod nibda nħossha din l-imħabba.
Imma dik kienet il-problema ta’ dawn il-kittieba u l-Fariżej: li kienu jħossuhom ‘ok’, perfetti. L-iżball dejjem ta’ ħaddieħor. Dejjem ħaddieħor għandu x’jirranġa, jien qatt ma għandi x’nirranġa. Jekk jien hekk, l-imħabba ta’ Ġesù qatt ma jien ser inħossha. Din diffiċli, tafux: biex jien nammetti li jien dgħajjef, irid ikolli saħħa kbira ġo fija. U rrid veru li nkun ċert, li lil Ġesù ngħidlu: ‘Isma’, jien niżbalja, jien dgħajjef’. Irrid inkun ċert li hu ser jaċċettani kif jien; għax inkella ma nasalx biex ngħidlu li jien dgħajjef, anzi!
Intom qatt taraw fuq Facebook lil xi ħadd jikteb il-lista ta’ difetti u dgħufijiet tiegħu? Jew inkella jgħid: ‘Jien għandi dik id-diffikultà, għandi dawn id-difetti, il-ħin kollu niġġieled man-nies u rrid noqgħod attent’. Le, imma kulħadd irid juri l-affarijiet pożittivi fuq Facebook; kulħadd juri s-sabiħ tiegħu. Għax qegħdin ngħixu f’dinja, kważi kważi, ma taċċettax li l-bniedem jista’ jkollu xi dgħufija, xi difett. Din problema. Aħna ngħidu li naqas is-sens ta’ dnub. Mhux veru. Mhux is-sens ta’ dnub naqas, imma s-sens tal-verità naqas: m’għadniex veri magħna nfusna. Jekk jien għandi difett, ma ngħidx għandi difett, imma nwaħħal fik. Jekk jien nirrabja u taqbiżli, ma ngħidx li jien nirrabja u taqbiżli, imma ngħid li int tqabbiżhieli, inti tirrabjani. Le, ħi, id-difett qiegħed għandi. Inti tista’ tgħid li trid, imma jien nista’ nikkontrolla jew ma nikkontrollax lili nnifsi, kif inġib ruħi. Il-kriżi li għandna mhix tad-dnub, imma tal-verità. Aħna nafu kemm għandna kriżi tal-verità, tant li llum għandna kelma li qabel ma kinitx teżisti. Qabel l-aħbarijiet kienu jgħidu dak li jiġri. Issa llum żidnielhom biċċa: fake news. Għax mhux dejjem l-aħbarijiet ikunu aħbarijiet li jgħidulna dak li jiġri. Għandna kriżi kbira tal-verità.
L-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar ragħaj li kellu mitt nagħġa, u Ġesù jagħmel mistoqsija, u jien ser nagħmilha lilkom: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?” (Lq 15:4). Ħa neħduha għal żmienna: int għalliem, u jkollok klassi tfal, 30 student, u tkun il-Belt Valletta, u wieħed jew waħda minnhom jintiliflek. Dawn adolexxenti, li jekk tgħidilhom abjad jagħmlu iswed, u jekk tgħidilhom iswed se jagħmlu abjad! Kieku jintiliflek xi ħadd, inti x’tagħmel? Jirnexxilek tħalli 29 weħidhom hemm, Alla biss jaf x’se jagħmlu dawn weħidhom, u tmur u taqbad u tfittex lil dik il-waħda jew wieħed, jew inkella toqgħod hemm tistenna, jew forsi tqabbad tnejn u tibgħathom, jew tivvinta xi ħaġa jew tirrapporta lill-pulizija jew lil xi ħadd, biex jekk jista’ jkun lil dawk li għandek, id-29 waħda, għax huma iktar minn waħda, iżżommhom taħt għajnejk? Kif tagħmel int kieku? Jien naħseb li jekk inti tħaddem moħħok sew, tgħid: ‘Aħjar inżomm għajnejja fuq id-29, milli mmur infittex lil dik il-waħda u nsibha, biċ-ċans li meta niġi lura nitlef xi sitta jew xi tmienja’.
Imma l-Evanġelju ma jirraġunax hekk. Tafu fejn ħalliehom id-99? Dawn ma ħallihomx ġo xi maqjel, jew f’xi għar. L-Evanġelju jgħidilna: ħalla “disgħa u disgħin fid-deżert” (v. 4). Għal liema raġuni? Biex isib u jfittex lil dik il-waħda. Tgħiduli: daqshekk kien jinteressah mid-99? Ibqgħu ċerti li kieku kellha tintilef oħra, kien jagħmel l-istess ħaġa; kien iħalli lill-oħrajn kollha għal dik il-waħda, għax dik il-waħda hi importanti.
Tafu x’kienu jagħmlu r-ragħajja Lhud meta kienet tintilef nagħġa, meta kien ikollhom xi nagħġa mqarba li ma ssegwix il-bqija tal-merħla, imma spiss tagħmel ta’ rasha, taqbad triq għal rasha? Dejjem issib xi nagħġa ta’ dan it-tip. Tafu x’kienu jagħmlulha r-ragħajja Lhud? Tinħasdux: kienu jiksrulha sieq, waħda mis-saqajn ta’ wara. Dik x’kien ikollha tagħmel? Tkaxkar saqajha, timxi mingħajr ma trid bil-mod il-mod mal-bqija tal-merħla. Imma r-Ragħaj it-Tajjeb mhux jiksrilna s-sieq; ir-Ragħaj it-Tajjeb iħalli d-99 u jmur ifittex lil dik in-nagħġa li ntilfitlu. U x’jagħmel? L-Evanġelju jgħidilna: “jifraħ biha” (v. 5). Kemm hi sabiħa! Hemm kelma qawwija fl-oriġinal. U jkompli: “jerfagħha fuq spallejh” (v. 5) din in-nagħġa l-mitlufa. X’jagħmel? Għax mhux kuntent li “jifraħ biha, u jerfagħha fuq spallejh” (v. 5); imma “jmur id-dar, isejjaħ għandu l-ħbieb u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’” (v. 6). U jagħmel festa: “għax sibt in-nagħġa li ntilfitli” (v. 6).
Imma dawk id-99 kwieti, jew mingħalina kwieti, mingħalina bravi u tajbin, dawk għamlu l-esperjenza ta’ dik in-nagħġa l-imqarba? Għamlu l-esperjenza li r-ragħaj jifraħ biha, jerfagħha fuq spallejh, u jagħmlilha festa? Dawn din l-esperjenza ma għamluhiex. Allura tgħiduli: X’jiġifieri? Aħna rridu nagħmlu d-dnub? Ma hemmx għalfejn nagħmluh, għax diġà għamilnieh! Irridu nindunaw li aħna midinbin. Għax din hi l-problema l-kbira tagħna, li bdejna biha. Għax jekk jien ma nagħrafx li jien midneb, jekk jien ma nagħrafx il-verità tiegħi, jekk jien nimla rasi li jiena naf xi ħaġa, ma nistax niggusta, ingawdi l-imħabba b’xejn, il-ħniena kbira li Alla għandu għalija.
Il-Qalb ta’ Ġesù, u r-realtà tiegħi ta’ midneb, iridu jmorru flimkien. Jekk tonqos waħda jew l-oħra… Mela, jekk jien ninsa l-Qalb ta’ Ġesù, u jien konxju li jiena midneb, u konxju mid-dgħufijiet tiegħi, x’se jiġrili? Ser naqa’ fid-disperezzjoni, ser naqa’ fi kriżi kbira – low self esteem enormi – jekk jien konxju mid-dnub tiegħi u ninsa l-Qalb ta’ Ġesù. Imma jekk jien ninsa d-dgħufija tiegħi u nipprova niffoka fuq il-Qalb ta’ Ġesù, l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù ma nħosshiex sew, ta’ veru. Inkun qiegħed inġebbed fil-Qalb ta’ Ġesù. Ngħid iva lill-Qalb ta’ Ġesù li tħobbni, imma hija tiġbida, artifiċjali. Imma biex nagħmel esperjenza ta’ veru tal-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, irrid nagħmel kważi festa żgħira lid-dgħufija tiegħi, lil-limiti tiegħi, lid-dnubiet tiegħi. Għax hemm, sewwasew fejn hemm id-dgħajjef, proprju hemmhekk toktor il-grazzja u l-imħabba ta’ Alla. Dak li jgħid San Pawl: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20).