Il-Papa fil-Quddiesa tat-tmiem il-Laqgħa Dinjija tal-Familja: “Alla jbierek u jżomm il-familji kollha tad-dinja”.

Print Friendly, PDF & Email

F’dinja vvelenata bit-tossini tal-egoiżmu, l-individwalizmu, minn kultura ta’ indifferenza u ħela, l-Papa Franġisku faħħar is-sbuħija tal-familja u qal “illum aktar minn qatt qabel”, aħna nħossuna mġiegħla niddefenduha. L-Papa kien qed jitkellem waqt l-omelija f’Quddiesa ta’ radd il-ħajr fi tmiem l-10 Laqgħa Dinjija tal-Familji li din is-sena kienet fuq it-tema “Imħabba għall-Familja: “Vokazzjoni u Mogħdija għall-Qdusija”.

Ara wkoll … https://www.laikos.org/papa_frangisku_diskors_familja_22062022.htm

Il-Qdusija Tiegħu ddeskriva l-mumenti ta’ riflessjoni u qsim, bil-verjetá rikka ta’ esperjenzi, pjanijiet u ħolm, tħassib u inċertezzi, li seħħew waqt il-Laqgħa Dinjija tal-Familji, u ddeskriviha bħala “tip ta’ kostellazzjoni vasta”. Huwa qal lil dawk preżenti: “Missirijiet, ommijiet u wlied, nanniet, zijiet, adulti u tfal, żgħar u kbar”, kull wieħed iġib esperjenza differenti ta’ familja, iżda b’tama u b’talba waħda.

“J’Alla jbierek u jżomm lill-familji tagħkom u lill-familji kollha tad-dinja”.

Il-Papa Franġisku mbagħad irrifletta fuq il-qari liturġiku tal-ġurnata li jiddu fuq aspetti differenti tal-imħabba taż-żwieġ u tal-familja. L-Papa qal li fl-Ittra lill-Galatin, l-Appostlu Pawlu jgħidilna li l-ħelsien li Alla jagħtina hija kompletament diretta lejn l-imħabba, “aqdu lil xulxin fil-imħabba” (Gal 5,13). Filwaqt li dawwar ħarstu fuq il-familji, huwa faħħar id-deċiżjoni kuraġġuża tagħhom li jibnu familja, u “użaw il-libertá tagħkom mhux għalikom infuskom, imma biex tħobbu lill-persuni li Alla poġġa ħdejkom.” Il-Papa spjega li l-libertá fil-familja tiġi eżerċitata, mhux kull wieħed jgħix għal rasu. Il-familja hija l-post ta’ laqgħa, ta’ qsim, ta’ kif noħorġu minn nfusna biex nilqgħu lill-oħrajn u nkunu magħhom.

“Il-familja hija l-ewwel post fejn nitgħallmu nħobbu”.

Anke hekk kif aħna nikkonfermaw dan b’konvinzjoni profonda, qal, nafu sew “li mhux dejjem ikun il-każ, għal numru ta’ raġunijiet u varjetá ta’ sitwazzjonijiet”. “U għalhekk, meta nfaħħru s-sbuħija tal-familja, aħna wkoll inħossuna mġiegħla, llum aktar minn qatt qabel, niddefendu l-familja. Ejjew ma nħallux li l-familja tiġi vvelenata mit-tossini tal-egoiżmu, l-individwaliżmu, mill-kultura tal-lum tal-indifferenza u ħela, u b’riżultat ta’ dan nitilfu d-DNA tagħha stess, li huwa l-ispirtu ta’ aċċettazzjoni u servizz.”

It-Tieni Ktieb tas-Slaten jirrakkonta r-relazzjoni bejn il-profeti Elija u Eliżew. Ifakkarna, qal il-Papa, fir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet, “it-trasmissjoni tax-xhied” mill-ġenituri għat-tfal. Huwa qal li f’dinja li fiha kollox jidher koatiku u prekarju, xi ġenituri jibżgħu “li t-tfal ma jkunux jistgħu jsibu triqthom fost il-kumplessitá u l-konfużjoni tas-soċjetajiet tagħna.” Din il-biża’, żied jgħid, tagħmel lil xi ġenituri anzjużi u oħrajn iktar protettivi.

Iżda filwaqt li rrifletta fuq ir-relazzjoni bejn Elija u Eliżew, li fiha Alla jurina li għandu fiduċja fil-ġenerazzjoni l-ġdida, l-Papa Franġisku qal: “Kemm huwa mportanti li l-ġenituri jirriflettu fuq il-mod ta’ kif jaġixxi Alla!”

“Alla jħobb liż-żgħażagħ, imma dan ma jfissirx li Hu jippreservahom minn kull riskju, minn kull sfida u minn kull tbatija.”

“Alla mhux anzjuż jew jipproteġi żżejjed; għall-kuntrarju, Hu jafda liż-żgħażagħ u jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minnhom biex ikabbar l-għoli tal-ħajja u tal-missjoni”. U ħeġġeġ lill-ġenituri biex ma jipproteġux lil uliedhom “mill-iċken tbatija, imma jippruvaw jikkomunikawlhom passjoni għall-ħajja, iqanqlu fihom ix-xewqa li jiskopru l-vokazzjoni tagħhom u jħaddnu l-missjoni kbira li Alla għandu f’moħħu għall-ħajja tagħhom”.

“Għeżież ġenituri”, qal, “jekk tgħinu lil uliedkom jiskopru u jaċċettaw il-vokazzjoni tagħhom, taraw li huma wkoll ‘jinqabdu’ minn din il-missjoni; u jsibu s-saħħa li għandhom bżonn biex jikkonfrontaw u jegħlbu d-diffikultajiet tal-ħajja”.

Fl-aħħarnett, l-Evanġelju ta’ Luqa jgħidilna li “Li nimxu wara Ġesù jfisser li nibdew miegħu ‘vjaġġ’ li ma jispiċċa qatt permezz tal-ġrajjiet tal-ħajja”. L-Papa qal li l-vokazzjoni nisranija tagħna ssejjaħna biex nesperjenzaw “iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja bħala missjoni, li nuru fedeltá u paċenzja minkejja d-diffikultajiet, mumenti ta’ dwejjaq u żminijiet ta’ prova”. Innevitabbilmet, se jkun hemm mumenti ta’ “reżistenza, oppożizzjoni, ċaħda u nuqqas ta’ ftehim imwielda mill-qlub tal-bnedmin,” imma bil-grazzja ta’ Kristu, aħna msejħin biex “nbiddluhom f’aċċettazzjoni tal-oħrajn u mħabba gratwita”.

Billi aċċettaw is-sejħa għaż-żwieġ u l-familja, l-koppji bdew vjaġġ, “mingħajr ma jkunu jafu minn qabel fejn eżattatament se jwassal, u x’sitwazzjonijiet ġodda, avvenimenti mhux mistennija u sorpriżi eventwalment ikunu maħżuna”, qal il-Papa Franġisku.

“Dan hu dak li jfisser li tivvjaġġa mal-Mulej. Huwa vjaġġ ta’ skoperta ħaj, imprevedibbli u meraviljuż”.

Il-Papa Franġisku temm billi stieden lill-familji biex ikomplu jħarsu ‘l quddiem “kif Ġesù dejjem mexa qabilna fit-triq fl-imħabba u s-servizz. Hu ħeġġiġna biex naqsmu l-ferħ tal-imħabba tal-familja li trid tkun dejjem miftuħa, immexxija ‘l barra, kapaċi ‘tmiss’ lid-dgħajfa u l-midrubin, lil min hu dgħajjef fil-ġisem u lil min hu fraġli fl-ispirtu, u lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom fit-triq”; u billi nassigurawhom li l-Knisja hi magħhom u fihom!

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-homily-mass-world-meeting-families.html

%d bloggers like this: