L-isfidi li l-Papa poġġa quddiemna huma kbar, imma daqstsant ieħor hi t-tama
Id-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali Reliġjon u Ħajja għadha kif ippubblikat fi ktieb id-diskorsi li l-Papa Franġisku għamel f’Malta u f’Għawdex matul il-vjaġġ appostoliku tiegħu tat-2 u t-3 ta’ April li għadda. Il-ktieb Bi ħlewwa liema bħalha hu maqsum fi tliet taqsimiet. L-ewwel taqsima tiġbor fiha d-diskorsi, it-tieni t-talbiet li għamel il-Papa fostna u t-tielet taqsima tiġbor fiha l-messaġġi ta’ ringrazzjament li għamel lill-Arċisqof Charles J. Scicluna u lill-Isqof Anton Teuma.

Fid-daħla tiegħu qabel dawn it-taqsimiet, Daniel Borg jgħid li l-miġja tal-Papa wriet komunità magħquda, entużjasta u għaxtana għal figura bħal tal-Papa Franġisku li dejjem għex dak li pprietka u li wassal messaġġ pożittiv u ta’ ħniena.
Hu jgħid li l-Papa fostna tkellem fuq ħafna livelli: il-livell nazzjonali b’sejħiet lill-klassi politika; il-livell komunitarju b’sejħiet lill-poplu ta’ Alla u l-livell internazzjonali bis-sejħa biex Malta tkun port ta’ kenn għall-migranti fil-Mediterran. Dawn it-tliet livelli jidħlu f’xulxin f’nisġa intensa fid-diversi interventi li għamel fiż-żjara tiegħu ta’ jumejn.
Il-Papa Franġisku dejjem offra ġesti qawwija li jmissu l-qlub ta’ ħafna, jgħid Daniel Borg, u għalhekk wieħed mill-iktar diskorsi qawwija tiegħu kien dak fil-Palazz tal-Gran Mastru li fis-simboloġija tal-poplu hu dejjem assoċjat mas-sede tal-poter. Fi żmien diffiċli li konna u għadna għaddejjin minnu, is-sejħa tal-Papa kienet qawwija: “imma bħala garanzija ta’ konvivenza soċjali tajba mhux biżżejjed li jissaħħaħ is-sens tal-appartenenza. Jeħtieġ jissaħħaħ is-sens tal-għajxien komuni li jieqaf fuq id-dritt u l-legalità. L-onestà, il-ġustizzja, is-sens tad-dmir u t-trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li meta jonfoħ mit-tramuntana jnaddaf il-kosta tal-pajjiż.
F’appell imqanqal il-Papa għamel riferenza għal waħda mill-problemi ewlenin li qed niffaċċjaw bħala pajjiż: il-ħarsien tal-ambjent u jgħaqqad dan mal-politika. Hawnhekk il-Papa jitfa’ responsabbiltà kbira fuq il-politiċi hekk kif il-ħtieġa ta’ politika tajba li tinkludi l-ħarsien tal-ambjent għandha twassal biex aktar żgħażagħ jidħlu fil-politika.
Daniel Borg jissokta li t-tema tal-akkoljenza kienet waħda prinċipali, imma iktar minn hekk fl-ewwel diskors tiegħu l-Papa ta tifsira tal-għala ta’ din il-pjaga migratorja. Din mhix xi ħaġa tal-lum, imma li ilha ġejja minħabba diversi problemi kkważati mill-kunflitti, l-inġustizzji, it-tibdil fil-klima u l-isfruttament. Hawnhekk hu jsejjaħ għal responsabbiltà iktar wiesgħa fost il-pajjiżi u jerġa’ isejjaħ għar-rwol importanti tal-Mediterran fl-irjieħ kiesħa tal-gwerra. Għalhekk isejjaħ għad-djalogu u għal entużjażmu ġdid favur il-paċi.
Imbagħad, tema ewlenija fid-diskors tal-Papa f’Ta’ Pinu kienet bidu ġdid, tama ġdida, evanġelizzazzjoni ġdida. Hu jgħid li fejn kollox jidher mitluf hemm il-bidu ta’ ħajja ġdida. Daniel Borg isejjaħ interessati kif il-Papa rabat din it-tema mal-istorja tal-kappella Ta’ Pinu, kappella mwarrba li kienet se titwaqqa’, imma li minnnha Alla għamel ħwejjeġ kbar.
Il-Papa għamel appell qawwi lill-Knisja f’Malta u, filwaqt li apprezza l-istorja tal-imgħoddi, qal li ma tistax tkun biżżejjed għalina l-fidi magħmula minn drawwiet mgħoddija lilna, minn ċelebrazzjonijiet solenni, okkażjonijiet sbieħ popolari u minn mumenti qawwija u emozzjonanti. Għandna bżonn ta’ fidi li tibena u tiġġeddeed fil-laqgħa personali ma’ Kristu, fis-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma tiegħu, fis-sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja u fir-ruħ tal-pjetà popolari. Jenfasizza ħafna fuq il-ferħ li wieħed jevanġelizza, fuq id-dinamiżmu u l-qawwa li għandha timbuttana biex inxandru l-Vanġelu. Hu ħeġġiġna nkunu Knisja li għandha għal qalbha l-ħbiberija ma’ Ġesù u x-xandir tal-Vanġelu, li għandha fil-qalba tagħha x-xhieda u mhux xi drawwa reliġjuża u Knisja li toħroġ tiltaqa’ ma’ kulħadd.
Jgħid ukoll li għall-Papa l-komunità Nisranija ta’ kull żmien m’għandha qatt twarrab l-akkoljenza u jpoġġi sfida qawwija fil-kuntest tal-isfidi tal-migrazzjoni li jaffaċċjaw dawn il-gżejjer. Ma nistgħux nilqgħu biss lil xulxin meta hemm barra hemm tant minn ħutna li qed ibatu u li huma msallba mit-tbaitja, mill-miżerja, mill-faqar u mill-vjolenza.
Dwar l-intervent tal-Papa fuq il-Fosos tal-Furjana Daniel Borg qal li hawnhekk l-Papa qalilna li ħajja li timxi verament fuq il-Vanġelu trid tfittex il-verità tal-qalb li hi dik li mhux tikkundanna, imma taħfer b’mod kontinwu. Il-Papa reġa’ qalilna biex inkunu kuraġġużi u ma nfittxux dawk li huma preżenti imma lil dawk li huma assenti. Ħarsitna trid dejjem tkun waħda ta’ ħniena u awgura li Malta tkun dejjem port sigur għal dawk li jaħarbu minn persekuzzjonijiet, minn faqar u li jipperikolaw ħajjithom fil-Mediterran għat-tfittxija ta’ futur aħjar. Ma nistgħux inħarsu lejn dawn bħala numri imma bħala wċuħ, stejjer u aħwa. Dawn il-persuni jkunu diġà ġarrbu ġrieħi kbar meta nqatgħu mill-familja tagħhom u din it-tiċrita tista’ biss titfejjaq meta dawn in-nies jiltaqgħu mal-ħnena ta’ min jilqagħhom.
Daniel Borg itemm li l-isfidi li l-Papa poġġielna quddiemna huma kbar, imma daqstsant ieħor hi t-tama. Jalla l-Vanġelu jkun il-punt tat-tluq tagħna, l-għajnejn tal-ħniena u l-kuraġġ li noħorġu minn qoxritna biex niltaqgħu verament ma’ ħutna fl-bżonn.
Interessanti li wara kull diskors hemm numru ta’ mistoqsijiet ippreparati minn Dun Kevin Schembri għal riflessjoni personali jew għal diskussjoni fi gruppi. Fi tmiem il-ktieb hemm werrej tematiku li sar minn Joe Farrugia.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet Emmaus f’Birkirkara u f’Victoria Għawdex jew online fuq www.ruhmalta.com għall-prezz ta’ €6.
Kitba ta’ Michael Caruana.