Il-Papa Franġisku appella għad-djalogu u t-tmiem tal-gwerra. Wara li talab l-Angelus, il-Papa Franġisku għamel dan l-appell fil-Festa tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu. “Kuljum, nġorr f’qalbi l-Ukrajna għażiża u tturmentata, li għadha ssofri minn attakki barbariċi, bħal dak li laqat iċ-ċentru kummerċjali Kremenchuk”.
Nhar it-Tnejn, mill-inqas 18-il persuna nqatlu minn attakk dirett ta’ missili Russi kontra ċ-ċentru tax-xiri okkupat fi Kremenchuk. Il-G7 sejħet l-attakk bħala delitt tal-gwerra Russu, filwaqt li l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky akkuża lir-Russja li qed timmira direttament lejn iċ-ċivili. Minn naħa tagħha, Moska ċaħdet l-akkużi, u qalet li kienet laqtet mira militari leġittima fil-belt, u liċ-ċentru tax-xiri ma kienx qed jintuża.
Il-Qdusija Tiegħu appella biex in-nazzjonijiet jgħinu lill-poplu Ukren “li tant qed ibati”.
“Nitlob biex din il-gwerra tal-ġenn ma ddumx ma tara t-tmiem, u nġedded l-istedina biex nipperseveraw, mingħajr għeja, fit-talb għall-paċi: jalla l-Mulej jiftaħ mogħdijiet ta’ djalogu li l-bnedmin ma jridux jew jistgħux isibu!”
Imbagħad, il-Papa appella wkoll biex jitħares l-ambjent wara li f’dawn l-aħħar jiem, minħabba sħana kbira, nirien serji faqqgħu f’Ruma. Filwaqt li rrimarka li “f’ħafna postijiet, in-nixfa issa hija problema serja, li qed tikkawża ħsara serja lill-attivitajiet ta’ produzzjoni u lill-ambjent,” il-Papa esprima t-tama tiegħu “li jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jiġu ndirizzati dawn l-emerġenzi u biex jipprevjenu emerġenzi futuri”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-at-angelus-lets-imitate-saints-peter-paul-in-faith1.html