Għaliex nagħmlu festa?

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 29 ta’ Ġunju 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl. Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-panigierku-mnarja-l-erbgha-29-ta-gunju-2022?utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Kif tħossukom wara sentejn ma nagħmlux festi? Minn banda ħafna aħjar, mhux hekk, u minn banda għajjenin!

Kemm hi sabiħa li l-komunità tinġabar flimkien! Kemm hi sabiħa li tkun tista’ tarma t-toroq; kemm hi sabiħa li tkun tista’ tiltaqa’ flimkien biex tifraħ, b’daqqa banda, b’marċ; kemm hi sabiħa li l-komunità tiltaqa’ flimkien fil-knisja, mingħajr il-ħafna biża’ li nistgħu nkunu ta’ periklu għal xulxin; kemm hi sabiħa li tkun tista’ ssir purċissjoni biex nifirħu u biex infaħħru lil dawn iż-żewġ Patruni kbar tar-raħal tagħkom, Pietru u Pawlu!

Imma hemm riskju. Illejla nixtieq nirrifletti magħkom fuq is-sabiħ u fuq ir-riskji li jista’ jkun hemm meta aħna niċċelebraw festa. Ir-riskju mhux ser ikun jirrigwarda l-periklu li jista’ jiġri, allaħares qatt, f’xi għalqa tan-nar, jew jekk iweġġa’ xi ħadd bl-armar, intom u ttellgħu u tniżżlu; jew allaħares qatt, jiġri xi kunflitt għal raġuni jew għal oħra waqt dawn il-ġranet. Mhux dak ir-riskju. Dawk huwa riskju wkoll, imma nittamaw li l-Mulej iżomm idejh fuqna, San Pietru u San Pawl jieħdu ħsiebna, u dan kollu ma jiġrix. Imma hemm ir-riskju li nagħmlu ħafna affarijiet għal San Pietru u San Pawl u ninsew dak li hu l-qofol, dak li hu l-iktar importanti għal San Pietru u San Pawl. Żejjinna l-knisja, żejjinna t-toroq, nagħmlu l-marċijiet tal-banda, nisparaw in-nar; imma dawn, ifhmuni, għandhom bżonnhom iktar San Pietru u San Pawl, jew aħna?

Ħa nagħmel mistoqsija mod ieħor: San Pietru u San Pawl, minbarra dan kollu li hu sabiħ, u importanti li jsir, jixtiequ xi ħaġa oħra minna fil-Festa tagħhom jew le? Għax jekk aħna ninqdew bil-Festa biex nixtru libsa ġdida; jekk aħna ninqdew bil-Festa biex inżejnu r-raħal, u biex narmaw is-sena d-dieħla iktar minn din is-sena; u jekk aħna ninqdew bil-Festa biex nisparaw murtali iktar mis-sena l-oħra, u s-sena dieħla iktar minn din is-sena… dan kollu tajjeb, imma nibża’ li nkunu qbadna t-triq li mhux tressaqna lejn dak li hu ċ-ċentru, lejn dak li hu l-iktar importanti ta’ Pietru u Pawlu, imma titfagħna xi mkien ieħor.

Fejn titfagħna? F’ġirja li ma tiqafx, li taqtgħalna nifisna. Xi ħadd qal: “Għejejna”; u s-sena d-dieħla, jekk narmaw iktar minn din is-sena, ser negħjew iktar, għax wisq probabbli n-nies ser jonqsu. Jekk ser nippruvaw nagħmlu festa ikbar minn ta’ din is-sena, ser negħjew iktar. Għax irridu naraw kif ser nagħmlu, niġru ’l hawn u ’l hemm, nittallbu ’l hawn u ’l hemm, biex niġbru iktar flus. Nidħlu f’ġirja tal-kelb li jiġri wara denbu. Fejn twassalna din il-ġirja? Biex naqtgħu nifisna. Allura, filwaqt li dan kollu huwa importanti, u hemm bżonn li nagħmluh, u allaħaresqatt nitilfu xi ħaġa żgħira minnu, imma dan kollu, dan il-kuntest li ħloqna sabiħ – l-armar, it-tiżjin, il-banda, il-mużika sabiħa fil-knisja – dan kollu jrid iwassalna xi mkien ieħor. Jekk ma jwassalniex xi mkien ieħor, aħna nkunu kuntenti u kuntenti ħafna… imma kieku jien nixtieq li għal minuta Pietru u Pawlu jibdew jieħdu n-nifs u nistaqsihom: intom kuntenti jew le? X’taħsbu li tkun ir-risposta? “Iva, kuntenti, imma nistgħu nkunu iktar!”.

X’jixtiequ Pietru u Pawlu minna? X’taħsbu li jixtiequ Pietru u Pawlu min-nies tan-Nadur? Li jħobbu dak li ħabbew huma: dan huwa li jixtiequ Pietru u Pawlu. Li jħobbu lil min ħabbew huma: dan huwa dak li jixtiequ Pietru u Pawlu. Lil min ħabbew huma? Għal min taw ħajjithom huma? Għall-persuna ta’ Ġesù. Għaliex? X’sabu f’Ġesù? Jien kultant nistaqsi: imma dawn x’sabu f’Ġesù li forsi jien għadni ma sibtx? Għax jien irrid nara jekk tiġi persekuzzjoni, inkunx l-ewwel wieħed li naħrab minn hawn! Irrid nara… X’sab Pietru f’Ġesù li jien għadni ma sibtx, li int għadek ma sibtx? X’sab Pawlu f’Ġesù li jasal biex jgħid: ‘Il-liġi? Perfetta. Intelliġenza? Studjajt taħt Gamaljel. Fariżew? L-ewwel wieħed. Appostlu? Iktar minnhom ilkoll’, imma mmbagħad jispiċċa: “Ngħodd kollox bħala telf” (Fil 3:8), bħala knis, bħala żibel. Għalfejn? Għax għalih l-iktar importanti huwa Ġesù Kristu. X’kien Ġesù Kristu għalih? Kif Ġesù Kristu jkun daqshekk qawwi fil-ħajja ta’ Pietru, li jkun lest Pietru li jmut għalih?

Jien naħseb li din trid tqajmilna kurżità, b’mod speċjali f’festa bħal din. Lil qalbna, lil moħħna, trid timlihomlna bil-mistoqsijiet. Imma dawn x’sabu li aħna għadna ma sibniex? Aħna qegħdin hawn proprju għalhekk: għalhekk waqqfu Knisja dawn, biex nippruvaw nirrispondu għal dawn il-mistoqsijiet profondi li għandna. Għax aħna bħal żmienhom: għaddew is-snin, imma l-bniedem ma nbidilx. Għalina x’inhu l-iktar importanti? Kemm għandek, lil min taf, kif tidher, u kemm għandek poter – dawn l-erbgħa jmexxuna fil-ħajja tagħna. Kemm għandek, lil min taf, kif tidher, u kemm għandek saħħa. Ħafna drabi kemm għandek saħħa minn xiex jiddependi? Minn kemm għandek u lil min taf. Imma din il-ġirja, bħal dik li semmejtilkom tal-armar, li s-sena d-dieħla rrid nagħmel iktar minn din is-sena, hi ġirja li taqtgħalna nifisna, dejjem u fuq kull livell.

Kemm għandek. Meta ser ikollok biżżejjed? Tagħmel il-parti kbira tal-ħin b’nifsek maqtugħ, tiġri, tinkwieta u tiġġennen; imbagħad xi kultant tiltaqa’ ma’ xi ħadd u jgħidlek: “Inti qiegħed sew, għax inti għandek”. Dak il-ħin imbagħad timla żaqqek, qalbek u rasek. Imma x’enerġija tagħtik dik il-kelma pożittiva li jista’ jgħidlek xi ħadd biex inti tibqa’ tgħaddi ħajtek! Trid takkwista; il-kelb jiġri wara denbu. Dan li ġralhom Pietru u Pawlu: fehmu li din mhix ħajja. Hemm ħajja oħra li hija wisq aħjar.

Lil min taf. X’jiġrilek jekk int tibbaża fuq lil min taf? Xi darba, lil min taf, ikun jaf lil ħaddieħor iktar milli jkun jaf lilek. X’ser tagħmel dakinhar int? U tiġri… kollha kemm aħna għandna l-esperjenza li niġru. X’ser tagħmel? Għax għal kull għadma dejjem hemm mitt kelb! X’ser tagħmel dakinhar int, jekk tibbaża ħajtek fuq lil min taf, skont lil min taf? Anki hemmhekk, ngħixu b’illużjoni li għandna xi dritt ta’ poter, li nistgħu xi ħaġa. Meta tiġi dahrek mal-ħajt, imbagħad il-waqgħa tkun waħda ħafna kbira, li titkisser. Taf li l-persuna li tkun taf, mhux biss ma tkunx tibqa’ tħobbha, imma lanqas tkun trid li taraha minn seba’ mili ’l bogħod. Imma din ħajja? Le, mhix din il-ħajja.

Kif tidher. U kemm ser iddum tidher? Sa ħamsin, sittin, sebgħin… Jgħidu li mas-sittin terġa’ tibda l-ħajja llum. Kemm ser iddum tidher? Tipprova tidher b’tali mod li ħaddieħor japprovak u jaċċettak. Mhux jasar, mhux skajvitù, mhux ħabs ieħor, bħal dak li kien fih Pietru fl-Ewwel Qari tal-lum (ara Atti 12:1-11)?

Il-poter. Intom bħali tafu diversi nies li jibbażaw ħajjithom fuq is-saħħa, fuq il-poter, fuq kemm kapaċi jikkontrollaw u jikkmandaw. Imma intom tafu x’jiġri, hux hekk? Kappell imejjel lill-ieħor, mhux hekk ngħidu! U ħuta tibla’ lill-oħra! U dejjem hemm ħuta kbira ikbar li ġejja. Immaġina jekk jien nibbaża ħajti fuq il-poter. Ngħix imwerwer, ngħix f’illużjoni. Iva, għandi s-saħħa, għandi l-qawwa; imma ngħix imwerwer, li tiġi ħuta ikbar minni li tiblagħni.

Imma fiċ-ċokon tagħna, kollha kemm aħna, dawn l-erba’ prinċipji jmexxuna fil-ħajja. Mhux biss fuq livell personali, anki fuq livell ta’ komunità, fuq livell ta’ parroċċa, forsi fuq livell ta’ djoċesi, fuq il-livell ta’ belt, fuq livell ta’ pajjiż. Imma din mhix il-ħajja… il-ħajja hija oħra.

Ara taħsbu li Pietru u Pawlu fehmu mill-ewwel lil Ġesù! Pietru għamel ħajtu kollha, tliet snin sħaħ, u narawh fl-Evanġelju jikkumbatti biex jipprova jifhem li mhux l-importanti li tkun tidher; għax Pietru kien iħobb jidher. Mhux l-importanti kemm ikollok poter: “Hawn żewġt isjuf hawnhekk” (Lq 22:38), u Ġesù jgħidlu: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu” (Mt 26:52). Mhux importanti lil min taf. Kemm kienet iebsa din għal Pietru biex jifhimha, u iktar u iktar għal Pawlu, li kien intelliġenti, li studja, li kellu status fis-soċjetà. Wieħed, iva, kien sajjied, jagħmel xogħol komuni, imma l-ieħor kien Rabbi, kien Fariżew, “Lhudi mil-Lhud” (Fil 3:5). Għal Pawlu ma kienx faċli li jbaxxi rasu għal Ġesù ta’ Nazaret, imma fehem dak li forsi jien u int għadna ma fhimniex.

L-Evanġelju tal-lum smajnieh (Mt 16:13-19). Ċesarija ta’ Filippu. Jien nistħajjilha Malta u Għawdex illum. Ċesarija ta’ Filippu llum tissejjaħ Banias. Dan huwa post sabiħ immens, li kelli l-grazzja li mmur fih – in-naħa ta’ fuq nett tal-Art Imqaddsa, taħt il-muntanja Hermon, muntanja li fiha s-silġ is-sena kollha, allura l-ilma dejjem nieżel minnha. Dan il-post qiegħed fuq in-naħa ta’ Iżrael. Il-muntanja Hermon prattikament qiegħda fuq tliet artijiet: il-Libanu, min-naħa s-Sirja, u n-naħa l-oħra l-art ta’ Iżrael. Fuq in-naħa ta’ Iżrael hemm dan il-ġnien, din il-ġenna tal-art, li meta Alessandru l-Kbir fis-sena 323 kien ġej mill-Greċja, u dar id-dawra kollha, it-Turkija, u baqa’ nieżel, meta ra dan il-post qal: “Hawnhekk il-post tal-allat, dan mhux post tal-bnedmin”… tant kemm hu post sabiħ. U verament hu post sabiħ: ilma, ħdura, anki l-istess konfigurazzjoni tal-blat, sabiħa immens. U sejjaħ lil dan il-post Banias – ‘il-post ta’ alla Pan’. Dan alla Pan, alla falz, huwa l-alla tal-allat, hu alla l-kbir. Dan il-post fejn kien hemm ħafna tempji tal-allat foloz, fejn fost l-oħrajn kien hemm tempju lil Awgustu, il-fdalijiet tiegħu għadhom hemm sal-lum, tistgħu tarawhom jekk iżżuru l-post. Kien hemm tempju ieħor lil Ruma, lil alla mara ‘Ruma’; proprju dawn il-kelmiet għadhom miktubin, tistgħu tarawhom.

Erodi l-Kbir kellu tlett itfal: Erodi Antipa, Erodi Filippu, u l-ieħor Erodi Arkelaws. Wieħed minnhom, dan Erodi Filippu, li messitu din il-parti fis-saltna tiegħu, x’għamel proprju f’dan il-post tal-allat foloz? Bena belt… għalhekk Ċesarija ta’ Filippu. Bena belt proprju fuq din l-art Banias. Semmieha Ċesarija, għal Ċesari, għall-Imperatur Ruman. Ma ninsewx li l-Lhud kienu taħt l-Imperu Ruman.

F’dan il-post sinjur, ta’ divertiment, sal-lum għadek tara kemm kien hemm kostruzzjonijiet; huwa post fejn il-bini tarah madwarek il-ħin kollu, kostruzzjoni kull fejn tħares. F’dan il-post in-nies ma kellhomx alla wieħed f’min jemmnu: kellhom diversi ideoloġiji, diversi tipoloġiji, diversi ideat ta’ kif ikun alla, ta’ kif jista’ jkun il-bniedem. L-idea ta’ bniedem li kellhom dawn il-Lhud ta’ Banias kienet proprju tixbah lil tagħna: l-importanti kemm għandek, l-importanti lil min taf, l-importanti kif tidher, l-importanti kemm għandek saħħa. Għalhekk għidtilkom jien li Banias ta’ elfejn sena ilu qisha Malta u Għawdex tagħna llum. U mhux biss Malta u Għawdex tagħna llum, kullimkien fl-istess sitwazzjoni.

Ġesù, proprju f’dan il-post, jagħmel mistoqsija, li aħna kultant lanqas nifhmu sew. It-traduzzjoni preċiża tal-mistoqsija li għamel Ġesù: “In-nies min jgħidu li Jien, Bin il-bniedem?”. Ġesù bażikament qed jagħmel żewġ mistoqsijiet f’waħda. It-traduzzjoni tagħna qiegħda: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13). Traduzzjoni preċiża hija: “In-nies min jgħidu li Jien, Bin il-bniedem?”. Ġesù qed jagħmel żewġ mistoqsijiet f’waħda.

L-ewwel waħda qiegħed jgħidilhom: Intom x’idea ta’ bniedem għandkom? Min hu l-bniedem kuntent għalikom? Kif tkun realizzat bħala bniedem li tgħix fid-dinja, 40, 50, 60 sena? Għax ma kinux jgħixu aktar dakinhar. Kif tkun kuntent bħala bniedem? Din hi l-ewwel mistoqsija. Bir-raġun li jagħmilha din il-mistoqsija Ġesù, f’dak il-post fejn kollox mibni fuq il-poter, kollox mibni fuq il-ġid, fuq il-flus, fuq id-divertiment. Biss biss ngħidilkom li Salome, dik it-tifla ta’ Erodja, li kienet żifnet quddiem Erodi Antipa, u minħabba fiha miet Ġwanni l-Battista, kien poġġut magħha, li kien jiġi z-ziju tagħha, it-tifla ta’ ħuh Filippu. Tbaħrid ikrah, divertiment ikrah. Ġesù bir-raġun idur fuq dawn in-nies u jgħidilhom: Din l-idea ta’ bniedem x’tgħiduli għaliha? L-idea li l-bniedem għandu l-iktar, il-bniedem li jidher l-isbaħ u l-aħjar, il-bniedem li jgħodd daqskemm jaf u lil min jaf, u l-bniedem li għandu s-saħħa. X’tgħidu għal din l-idea? Inkunu sinċieri: jien, Toni, infittixha f’ħajti din? Tmexxini din l-idea ta’ bniedem f’ħajti? Jew forsi hemm aħjar, li forsi ta’ min jirriskja, ta’ min jafda? Ġesù din il-mistoqsija jagħmel hemmhekk.

U jagħmel oħra: Jien, il-bniedem li nippreżenta jien, x’jgħidilkom lilkom? X’taħsbu fuqu? Kif tarawh? Kif narawh il-bniedem li jħobb u li jippreżentalna Ġesù? Kif narawh il-bniedem li jaħfer, li jippreżentalna Ġesù? Kif narawh il-bniedem umli, li jippreżentalna Ġesù? Kif narawh il-bniedem li jagħmel il-paċi, u jipprova jżomm il-paċi ma’ kulħadd, relazzjonijiet tajbin ma’ kulħadd? Kif narawh il-bniedem li ma jpattix, kif inħarsu lejh aħna? Iblah, għadek lura, għadek temmen fil-ħmerijiet… Imbagħad nagħmlu festa lil San Pietru u San Pawl!

X’ġiegħel lil Pietru u lil Pawlu jagħmlu din il-mixja? U nikkonkludi biha, imma nixtieq li tibqa’ f’moħħkom u f’widnejkom, mhux għal din is-sena – għax issa ġej is-sajf – imma minn Settembru u Ottubru li ġej. Pietru u Pawlu għarfu lil Ġesù Kristu, għal liema raġuni? Kif? Għax semgħu l-Kelma tiegħu, għalhekk għarfuh lil Ġesù Kristu. Pietru u Pawlu ma għarfux lil Ġesù għax raw xi grupp ta’ nies jagħmlulu xi festa kbira. Pietru u Pawlu emmnu f’Ġesù Kristu għax semgħu li dan issallab, li dan sallbuh, li dan l-imħabba tiegħu wasslitu biex mhux talli ma jkunx qawwi, b’saħħtu u prepotenti, imma talli jinżel hu, jitbaxxa hu, biex ħaddieħor igawdi. Pietru u Pawlu saru jafu min hu Ġesù mhux biss għax semgħu lil min ikellimhom, imma għax fdaw f’dik il-Kelma, għax irriskjaw fuq dik il-Kelma. Aħna rridu nirriskjaw fuq il-Kelma ta’ Alla, aħna mistednin biex il-Kelma ta’ Alla neħduha ħafna iktar bis-serjetà milli neħduha. Għal qalb Pietru u għal qalb Pawlu l-Kelma ta’ Alla hemm!

X’għandu Pawlu f’idu? Ix-xabla u l-ktieb tal-Kelma ta’ Alla. X’għandu Pietru f’idejh? L-imfietaħ. Ara nimmaġinaw li huma mfietaħ ta’ xi bieb. Huma l-imfietaħ li jgħinuna jiftħu t-tifsir tal-Kelma ta’ Alla. Hija tradizzjoni li ġejja mir-Rabbini: kienu jagħtuhom l-imfietaħ. Meta Rabbi jkollu student li studja taħtu, u jikkwalifika u jkun sar Rabbi, kien jagħtih iċ-ċwievet: ‘Inti sirt kapaċi tispjega t-Torah; tista’ tiftaħ it-Torah’. Dawn huma ċ-ċwievet tat-Torah u mhux iċ-ċwievet tal-poter. Għax Pietru issa jista’ jiftaħ u jispjega l-Iskrittura. Jekk fuq kollox fiċ-ċentru tagħhom għandhom l-Iskrittura, kif l-Iskrittura ma tkunx fiċ-ċentru ta’ qalbna, jekk aħna nħobbu tassew lil Pietru u lil Pawlu? Kif nista’ ngħid li nħobb lil marti u lil żewġi, jekk dak li jħobb hu jew hi, jien ma nagħtix kasu? Kif nista’ ngħid li nħobbha? Kif nista’ ngħid li nħobbu? Kif nista’ ngħid li nħobb lit-tfajla tiegħi, meta jekk issemmili xi ħaġa għal qalbha, ngħidilha: ‘Issemmilix, ma rridx naf’. Kif nistgħu nħobbu lil Pietru u lil Pawlu jekk aħna ma naslux għand Ġesù permezz tal-Kelma?

Dan mhux qed ngħidu jien biss. Dan qalhulna l-Papa ftit tal-ġimgħat ilu, meta ġie hawnhekk. F’Ta’ Pinu l-Papa rripeta għal seba’ darbiet… imma aħna ma smajniex x’qal. Aħna għexna l-esperjenza sabiħa, rajna l-Papa, imma x’qal, dak mhux importanti! L-aqwa li għexna festa flimkien. Iva, dik tajba wkoll, imma l-essenzjal ma nitilfuhx. Il-Papa rripeta seba’ darbiet sentenza: “Il-ferħ tal-Knisja hu l-evanġelizzazzjoni”. Il-ferħ tal-Knisja hu li tħabbar il-Kelma ta’ Alla! Seba’ darbiet dan il-kliem qalu. Il-ferħ tan-Nisrani x’inhu? Minn qalbi nistedinkom: ippruvaw isimgħu l-Kelma. U verament il-ferħ tan-Nisrani jkun li jisma’ l-Kelma. Verament li l-festa, in-nar, il-briju, l-armar, it-tiżjin tal-knisja, il-mużika jieħdu ħafna iktar sens jekk aħna nitilqu mill-esperjenza tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Il-festa, in-nar, il-marċ, ma jservux biex inessuna l-problemi, le; imma niġu aħna diġà kuntenti u salvati permezz ta’ din il-Kelma, u niġu hawnhekk biex nifirħu; għax għandna għaliex nifirħu, għax aħna salvati.

L-aħħar kelma: Pietru u Pawlu kellhom problema, u problema kbira, u hija l-problema tiegħi. Dawn kien mingħalihom li ser isalvawh huma lil Ġesù Kristu. X’jiġifieri ssalva lil Ġesù Kristu? Li tibni Knisja għal Ġesù Kristu; tarma l-knisja għal Ġesù Kristu; tmur il-quddiesa għal Ġesù Kristu; titlob għal Ġesù Kristu; tagħmel il-penitenza għal Ġesù Kristu… dak kollu ma jgħodd xejn. Din kienet il-konverżjoni li kellhom jagħmlu Pietru u Pawlu meta semgħu l-Kelma ta’ Alla. Mhux jien ser insalva lil Ġesù Kristu, imma hu ser isalva lili. Tiftakruha ta’ Pietru, meta qala’ s-sejf u beda jxejru. Ġesù qalu: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu” (Mt 26:52)… ‘Titbellahx, tikkummidjax. Kieku rrid jien, pjazza pulita nagħmel, f’kemm trodd salib; imma jien ma ġejtx għalhekk. Jien ġejt biex insalva lilek, u mhux int ġej biex issalvani’. Pietru dam ma fehemha din. Il-ħin kollu pprova jsalvah, sakemm kien hemm tfajla ta’ xi 14-il sena, u b’sempliċità sħiħa qaltlu: “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?” (Ġw 18:17). Pietru l-arja kollha marritlu, u nduna li mhux hu se jsalvah lil Ġesù. Meta niġi dahri mal-ħajt, mhux jien ser insalvah lil Ġesù. Hemmhekk induna li Ġesù kellu jsalva lil Pietru.

Ħafna drabi aħna dħalna fil-mentalità ta’ fidi u reliġjon li rridu nagħmlu aħna xi ħaġa għal Alla. Din hija l-problema tal-Fariżej, l-istess waħda li kellu Pawlu. Insum, nagħmel karità, ngħodd il-liġijiet kollha, 613-il preċett; Fariżew fuq il-Fariżej kollha. Noqtol lill-Insara, biex proprju nagħmel xi ħaġa għalih. Dik il-kriżi li kellu fi triqtu lejn Damasku. Ħa nsalvah jien lil Alla? Le. Alla jsalvak hu… imma trid tħallih. Bl-inizjattiva tagħna, aħna nagħmlu, nagħmlu għalih, ma nħalluhx isalvana.

Ejjew inkomplu din l-Ewkaristija u niftakru li Ġesù ser jgħidilna: “Ħu, dan hu Ġismi”. Dan ifisser li jien ma ġejtx għal Ġesù hawn; ma ġejtx biex nagħmel pjaċir lil Ġesù, lil San Pietru u San Pawl, imma ġejt biex Ġesù jagħmel pjaċir lili, ġejt biex nirċievi dan id-don hekk kbir li kien daqshekk għażiż għal qalbhom it-tnejn, li għalih mietu dawn. Xħin ikollna lil Ġesù fit-Tqarbin illum, ejjew nitolbuhielu din il-grazzja: Mulej Ġesù, għinni nagħraf, ninduna mqar ftit, imqar persentaġġ żgħir, x’kont tfisser għal dawk it-tnejn. Għinni, għidli x’għandi nagħmel, biex jien ukoll niggustak, biex għalija wkoll issir importanti, bħalma kont importanti għal dawk it-tnejn. Għalhekk nagħmlu Festa għal San Pietru u San Pawl!

Leave a Reply

%d bloggers like this: