F’Settembru, l-Papa Franġisku se jżur il-Każakistan

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn, fi stqarrija, Matteo Bruni, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħabbar, li l-Papa Franġisku aċċetta l-istedina li saritlu mill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjali u se jżur il-Każakistan. It-38 Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku se jkun “mit-13 sal 15 ta’ Settembru, u se jżur il-belt ta’ Nur-Sultan, fl-okkażjoni tas-VII Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet Dinjija u Tradizzjonali”. Il-Kungress se jsir fil-kapitali tal-Każakistan.

It-tema tal-avveniment ta’ din is-sena se tkun “Ir-Rwol tal-Mexxjja tal-Fidijiet Diniji u Tradizzjonali fl-Iżvilupp Soċjo-Spiritwali tal-Umanità wara l-Pandemija”. Kull tliet snin, mexxejja reliġjużi minn madwar id-dinja jinġabru fil-Kungress tal-Mexxejja tar-Reliġjonijiet Dinjija u Tradizzjonali, f’Nur-Sultan.

Fl-2003, l-eks President tal-Każakistan Nursultan Nazarbaev, sejjaħ għall-ewwel Kungress bħal dan. Huwa ġie nspirat mill-jum ta’ Talba għall-Paċi tal-1986, li l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien laqa’ fil-belt ta’ Assisi, u li hemmhekk kien ġabar flimkien diversi reliġjonijiet u mexxejja biex jippromwovu d-djalogu interreliġjuż, il-paċi u l-armonija. L-laqgħat tal-‘Ispirtu ta’ Assisi’ saru tradizzjonali li jsiru kull sena f’belt differenti fl-Ewropa.

Fil-bidu ta’ April, il-Papa tkellem dwar dan il-vjaġġ waqt konverżazzjoni diretta bil-vidjo li kellu mal-President tal-Każakistan Kassym-Jomart Tokayev. Fit-titjir lura miż-Żjara Appostolika tiegħu fil-Kanada, il-Papa tenna t-tama tiegħu li jmur. “Għalissa, nixtieq immur il-Każakistan. Dan ma jkunx vjaġġ wisq rigoruż” huwa kien qal. Huwa afferma mill-ġdid l-interess tiegħu li jkun preżenti fil-kungress tar-reliġjonijiet, u osserva li x’aktarx mhux se jkun eżiġenti fiżikament iżejjed.

F’Settembru 2001, San Ġwann Pawlu II, kien l-ewwel Papa li żar il-Każakistan, bil-motto ta’ “Ħobbu lil xulxin”.

Skont iċ-Ċentru ta’ Riċerka Pew, il-pajjiż għandu mill-inqas 70% li huma Musulmani, u madwar 25% Kristjani, li minnhom 1% biss huma Kattoliċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-08/pope-to-visit-kazakhstan-in-september.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading