Eluf ta’ żgħażagħ huma miġburi f’Medjugorje, l-Bosnja-Herzegovina, għall-Festival Internazzjonali taż-Żgħażagħ li jsir kull sena; u li din is-sena qed isir mill-1 sas-6 ta’ Awwissu. Il-Programm jinkludi liturġija, vġili ta’ talb, purċissjonijiet, adorazzjoni, testimonjanzi, kif ukoll kunċert u żfin, bħala żmien biex tiġġedded u tiġi animata l-ħajja spiritwali taż-żgħażagħ.
Il-Papa Franġisku bagħat messaġġ liż-żgħażagħ, li nqara mill-Arċisqof Aldo Cavalli, il-Viżitatur Appostoliku għall-Parroċċa ta’ Medjugorje. Waqt li fakkar fit-tema għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena, “Tgħallmu minni u ssibu l-paċi” (Mt 11,28-30), il-Papa qal li Ġesù jindirizza dan il-kliem lin-nies kollha li huma mħabbtin u mtaqqlin, hekk kif jifhem kemm il-ħajja tista’ tkun iebsa, bil-ġrieħi, piżijiet, inġustizzji u l-inkwiet li nġorru f’qalbna. Il-messaġġ ta’ Ġesù għalina lkoll huwa li nafdaw u niddependu fih, qal il-Papa, xi ħaġa li ħafna drabi mhix faċli, peress li għandna t-tendenza li ningħalqu fina nfusna fi żminijiet mudlama, filwaqt li t-triq ta’ ħruġ hi niftħu qalbna għal Ġesù, “Dak li tassew iħobbna”.
Il-Qdusija Tiegħu kompla jikkwota l-kliem ta’ Ġesù: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11,29). Għalhekk ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex isiru dixxipli ta’ Ġesù u werrieta tal-wegħda tiegħu ta’ paċi. Billi jagħmlu hekk, jiskopru r-rieda ta’ Alla għalihom, u l-“madmad” li Ġesù jitkellem dwar huwa l-liġi tal-imħabba, l-Papa spejga. L-Kmandament li ħalla lid-dixxipli tiegħu: “ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15,12) huwa il-veru rimedju għall-feriti tal-umanità, u l-mod ta’ ħajja bbażata fuq l-imħabba għal xulxin li għandu l-għeruq tiegħu fl-imħabba ta’ Alla.
Il-Papa nnota li billi nimxu flimkien ma’ Ġesù u nimxu fuq l-eżempju tiegħu, nistgħu nitgħallmu mingħandu. U Ġesù huma Mgħallem li ma jimponiex piżijiet fuq ħaddieħor li ma jġorrx hu, hekk kif Hu kien jersaq lejn l-umli u l-fqar, hekk kif Hu stess sar fqir u umli. Dan ifisser li aħna wkoll irridu nkunu umli u nagħrfu l-injoranza u l-kburija tagħna stess li nemmnu li nistgħu nagħmlu kollox bis-saħħa stess tagħna, rrimarka l-Papa, filwaqt li qal, li jeħtieġ kuraġġ biex nagħmlu mod ieħor. Niftħu qalbna, għajnejna u widnejna biex insegwu u nimitaw lill-Mulej.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika appella liż-żgħażagħ biex ma jibżgħux iġorru dak kollu li jġorru f’qalbhom lil Ġesù, li jista’ joffrilhom il-mistrieħ u l-paċi vera. Il-Qdusija Tiegħu sejħilhom biex jimxu fuq l-eżempju tal-Omm Imqaddsa li twassalhom lejn Ġesù u tgħinhom jikbru fil-mogħdrija ta’ xulxin hekk kif insiru aktar konxji bis-sħiħ li aħna msejħin biex inkunu wlied Alla, u aħwa ma’ xulxin.
Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku fdahom f’idejn il-kura maħbuba tal-Verġni Mqaddsa Marija, Ommna tas-Sema, “biex bl-interċessjoni tagħha u bl-eżempju tagħha, tieħdu fuqkom il-madmad ġentili u ħafif li timxu wara Kristu. Jalla l-ħarsa ta’ Alla l-Missier, li jħobbkom personalment, jakkumpanjakom kuljum, biex, fir-relazzjonijiet tagħkom mal-oħrajn, tkunu xhieda tal-paċi li tirċievu bħala don”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: