Isqfijiet fin-Nikaragwa ‘qrib’ tal-Isqof Alvarez li qiegħed taħt arrest f’daru.

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif qed jibqa’ miżmum taħt arrest fid-dar tiegħu, l-Konferenza tal-Isqfijiet tan-Nikaragwa esprimew il-qrubija “fraterna” tagħhom, “ħbiberija u komunjoni episkopali” mal-Isqof Rolando José Alvarez ta’ Matagalpa.

L-Isqof li jitkellem b’mod ċar, ilu ma jħalli d-dar tiegħu mill-4 ta’ Awwissu, meta l-pulizija waqqfuh milli jmur il-Katidral biex jiċċelebra l-Quddiesa wara li hu esprima l-kritika tiegħu, meta l-gvern għeluq ħames stazzjonijiet tar-radju Kattoliċi aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet.

Il-Pulizija qed takkuża lill-Isqof Alvarez li allegatament kien qed juża l-midja u netwerks soċjali biex jinċita atti ta’ vjolenza u jiddestabilizza l-pajjiż fil-kuntest ta’ tensjonijiet akbar bejn il-Gvern Sandinista tal-President Daniel Ortega u l-Knisja lokali. Min-naħa tiegħu, l-kap tad-djoċesi ta’ Matagalpa qed jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu dan it-turment, u jitlob li tiġi rispettata l-libertà reliġjuża.

Nhar il-Ħadd, fi stqarrija maħruġa mill-Isqfijiet tan-Nikaragwa, qalu li qalbhom hi magħfusa mill-qagħda li qiegħed fiha l-Isqof Alvarez, filwaqt li rrimarkaw li l-Knisja “tħabbar l-Evanġelju tal-paċi”, u f’dan id-dawl, hija dejjem miftuħa għall-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali. Hekk kif il-Knisja tan-Nikaragwa qed tiċċelebra l-Kungress Nazzjonali Marjan, li se jsir mis-7 sal 15 ta’ Awwissu, l-Isqfijiet stiednu lill-fidili biex jitolbu u jirreċitaw it-talba tar-Rużarju, billi jinvokaw lill-Madonna tal-Immakulata Kunċizzjoni, patruna tan-Nikaragwa.

L-Arċidjoċesi ta’ Managua bagħtet ukoll messaġġ ta’ “qrubija” lill-Isqof Alvarez u lill-Knisja ta’ Matagalpa “fil-konfront taċ-ċirkostanzi diffiċli li qed jesperjenzaw” bħala riżultat tal-azzjoni tal-pulizija, esprimiet it-tama li “komunikazzjoni sinċiera u ta’ rispett” tiftaħ “mogħdijiet ta’ fehim reċiproku”.

Fil-jiem li għaddew, diversi Isqfijiet tal-Amerika Latina esprimew is-solidarjetà tagħhom mal-Knisja fin-Nikaragwa, flimkien mal-Kunsill Episkopali tal-Amerika Latina, li nhar il-Ġimgħa sejħet lill-fidili fl-Amerika Latina u fil-Karibew biex jingħaqdu fit-talb għall-Knisja fin-Nikaragwa u l-awtoritajiet tagħha.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2022-08/bishops-in-nicaragua-close-to-bishop-alvarez-under-house-arrest.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading