Ġwanni Pawlu II fis-Solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-TLUGĦ TAL-MULEJ FIS-SEMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Grotta ta’ Lourdes, 20 ta’Mejju 1982

1. “Il-Mulej ġie mtellà fis-sema u qagħad bilqegħda fil-lemin ta’ Alla” (Mk 16,19).

F’dan il-kliem tal-Vanġelu skont Marku jinġabar fil-qosor il-misteru li qegħdin infakkru llum, festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Sidna Ġesù Kristu. U jiena kuntent li qiegħed niċċelebra magħkom din il-Liturġija, għeżież ħuti, f’għaqda ta’ fidi u ta’ għanijiet, ta’ sapport imġedded lill-Mulej u lill-Knisja.

Is-solennità tallum tistedinna, qabel xejn, biex nimmeditaw dwar il-wisgħa tal-misteru li qegħdin niċċelebraw.

Xi jfisser li Ġesù telà fis-sema? Mhumiex il-kategoriji spazjali li jippermettulna li nifhmu adegwatament din il-ġrajja, li għall-fidi biss tiftaħ is-sens tagħha u l-fertilità tagħha.

“Bilqiegħda fil-lemin ta’ Alla”: Hawn hu s-sinifikat ewlieni tal-Axxensjoni. U wkoll jekk l-espressjoni hija immaġinattiva, ladarba Alla la għandu lemin u linqas xellug, din tiġbor messaġġ important kristoloġiku: Ġesù rxoxt daħal b’mod sħiħ, bl-umanità tiegħu wkoll, biex jagħmel parti mill-glorja divina u, anzi, biex jagħmel parti fl-attività feddejja ta’ Alla nnifsu. Smajna fit-tieni qari: “Qegħdu bilqiegħda fuq il-lemin tiegħu fis-smewwiet, ‘il fuq minn kull prinċipat u awtorità, ta’ kull qawwa u dominazzjoni” (Ef 1,20-21). Issa, in-nisrani m’għandu ebda kap għajr lil Ġesù Kristu.

“Infatti kollox huwa sottomess f’riġlejh” (Ef 1,22). Kristu mhuwiex biss il-kap tagħna, imma wkoll il-“Pantocrator”, dak li jeżerċita s-sinjorija tiegħu fuq il-ħwejjeġ kollha. Dawn l-affermazzjonijiet għandhom firxa tassew konkreta għal ħajjitna. Ħadd minna m’għandu iktar jafda ruħu lil min ma huwiex Kristu, ladarba dak li hu ‘l barra minnu huwa biss inferjuri għalih.

Aħna, għalhekk, mistiedna, biex nikkontemplaw il-kobor u s-sbuħija tal-Uniku Mulej tagħna, u nagħmlu tagħna t-talba tal-ittra lill-Efesin, li smajna tinqara: “Jalla l-Mulej iddawwal għajnejn il-menti tagħna biex iġegħlna nifhmu… liema hu l-kobor straordinarju tal-qawwa tiegħu lejna li nemmnu skont l-effiċjenza tal-qawwa tiegħu, li huwa wera fi Kristu” (Ef 1,18-20).

Wieħed iħoss f’dan il-kliem, l-eżultanza tbaqbaq tan-nisrani li jaf, jew talinqas  iħoss, u jadura l-profondità tal-misteru paskwali u l-għana bla tarf tal-virtwalità feddejja tagħha fir-rigward tagħna. Il-festa tallum, mela, tiggwidana lejn l-istess sisien tal-fidi tagħna.

2. Imma hemm ukoll aspett essenzjali ieħor, propju tas-sollennità tal-Axxensjoni, li jiġi espress kemm fl-ewwel qari kif ukoll fil-Vanġelu. “Tkunuli xhieda…sa l-ibgħad truf tal-art” (At 1,8); “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw l-Vanġelu lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15). Hemm dmir ta’ xhieda, li jitnissel direttament mill-fidi tagħna. Ma nistrgħux niċċelebraw l-eżaltazzjoni ta’ Ġesù Mulej, u mbagħad ngħaddu ħajja ta’ ħajja diżimpenjata, billi ninjoraw il-konsinna suprema tagħha. L-Axxensjoni tfakkarna li t-twarrib ta’ Ġesù lill-esperjenza sensibbli tad-dixxipli tiegħu għandha wkoll l-għan li tħalli l-qasam lil dawn, li issa jkomplu fl-istorja il-missjoni tiegħu u jkomplu ż-żelu pastorali u d-dedikazzjoni missjunarja tiegħu, ukoll jekk dan iseħħ b’ħafna dgħufijiet. Mhux ta’ b’xejn, skont ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli, isegwi ftit wara l-Pentekoste bid-don tal-Ispirtu Santu, li jagħti l-bidu għall-istorja missjunarja tal-Knisja.

Illum, għalhekk, aħna wkoll mistiedna biex inġeddu l-impenji tagħna ta’ apostolat, billi nqegħdu f’idejn il-Mulej il-intenzjonijiet tagħna. Waqt li nagħmlu dan, irridu nżommu ħajja ċ-ċertezza li l-Axxensjoni tiegħu fis-sema ma kinetx tluq, imma biss bidla ta’ preżenza li ma tfallix. Kristu għadu fostna wkoll illum: Huwa hu magħna. “Jiena magħkom il-jiem kollha sa tmiem id-dinja” (Mt 28,20). Minn hawn biss tiġi l-qawwa tagħna, imma wkoll il-perseveranza tagħna u l-ferħ tagħna.

3. Għeżież ħuti, ejjew indawru f’talb dawn ir-riflessjonijiet, waqt li l-Quddiesa tkompli.

Ejjew inġeddu l-fidi nisranija tagħna u l-momentum apostoliku tagħna. U tgħinna l-interċessjoni ta’ Marija, li lilha nagħmlu appell fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Liturġija fil-Grotta tal-Beata Verġni ta’ Lourdes. Hija, li b’kull probabiltà kienet preżenti għall-ġrajja rrakkontata mill-Atti tal-Appostli (cf. At 1,9.14), tispiralna l-ħsibijiet opportuni f’dan il-waqt u t-talbiet li l-iktar jogħġbu lill-Mulej. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: