Ġwanni Pawlu II f’quddiesa għall-paċi

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA KONĊELEBRATA
“PRO PACE ET IUSTITIA SERVANDA”
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 22 ta’ Mejju 1982

Meqjuma ħuti, għeżież uliedi.

1. Il-Konċelebrazzjoni Ewkaristika, li llum qiegħda tarana miġbura madwar l-altar ta’ Kristu, għandha bħala għan ewlieni l-invokazzjoni tal-paċi bejn żewġ Pajjiżi li attwalment il-konflitt magħruf tal-Atlantiku t’isfel jifred u jopponi, b’konsegwenzi ta’ niket fil-preżent u wkoll prospettivi iktar gravi għall-futur, jekk soluzzjoni paċifika ma tinstabx mill-iktar fis.

Imħarrġa mill-kelma ispirata tas-Salmista, li skontu “jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, / kollu ta’ xejn li jitħabtu l-bennejja” (Sal 126 [127],1), aħna, waqt li nawguraw li jkunu mġedda l-isforzi biex tinstab permezz tat-trattattiva kompożizzjoni onorevoli tal-argument, ninġabru fit-talb taħt għajnejn Alla, biex nitolbu minn għandu d-don tal-ġid prezzjożissmu tal-paċi, assunzjoni insostitwibbli ta’ kull progress uman awtentiku.

2. Ejjew ma naħbux l-ostakli li, f’dan il-waqt, ifixklu l-kisba ta’ skop tant essenzjali għall-ġid u għall-interssi veri taż-żewġ popli, u bdanakollu b’fiduċja soda insostnu mill-ġdid il-konvinzjoni tagħna:  il-paċi hija doveruża, il-paċi hija possibbli.

Hija doveruża l-paċi, għaliex l-abitanti tal-art, ikun xi jkun il-Pajjiż li minnu kiseb twelidu, jew l-ilsien li bih tgħallem jesprimi ħsibijietu, jew il-“kredu” politiku u reliġjuż li minnu jispira ħajtu, dejjem jappartieni għal dik il-familja unika tal-“ġeneru uman” li diġa l-għaref pagan antik kien iqis bħala   “infinita societas” – soċjetà bla fruntieri  – “quam conciliavit ipsa natura” (cf. M. T. Cicerone, De amic., 5).

Kif jistà ma jkunx konvint minn dan il-kredent, li jagħraf f’kull wieħed simili għalih x-xbiha ta’ Dak “li minn wieħed biss ħalaq in-nazzjonijiet kollha tal-bnedmin, sabiex jabitaw fuq il-wiċċ kollu tal-art” (At 17,26)? U jekk ir-ribelljoni tal-bidu introduċiet fost il-bnedmin d-diviżjonijiet tal-biki u l-ġlied imdemmi, li minnu hija minsuġa l-istorja, il-kredent għadu jaf li l-Iben stess ta’ Alla tqanqal mill-abbissi tal-eternità tiegħu biex “jerġà jibni l-għaqda tal-familja umana imħarrbtha mid-dnub” u biex jifforma poplu ġdid “miġbur fir-rabta tal-imħabba tat-Trinità” (cf. Praef. VIII in Domin. Ord.).

Minħabba dan, meta diġa kien wasal biex jagħti bidu għall-Passjoni tiegħu, il-Mulej Ġesù setà jgħolli lill-Missier t-talba kommoventi: li “Kollha jkunu ħaġa waħda, bħalma jien u int aħna ħaġa waħda” (cf. Ġw 17,21), billi b’dan il-mod issuġġerixxa ċerta similitudni bejn l-għaqda tal-Persuni divini u l-għaqda tal-esseri umani fil-verità u fil-karità. Għal dan, f’tali ċirkustanza huwa jistà wkoll iwiegħed: “Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi. Mhux kif tagħtiha d-dinja, jiena nagħtiha lilkom”.

Il-paċi hija don ta’ Kristu li għalina l-insara ssir impenn.

3. Hija, mela, doveruża l-paċi, il-paċi – hija wkoll possibbli.  Ma tipperswadix jewwilla li nqisuha għalhekk dak ir-rigal partikolari tal-bniedem, li grazzi għalih huwa mqiegħed ‘il fuq mill-ħolqien kollu irrazzjonali billi jimmerita t-titlu ta’ “sultan tal-ħolqien”? Tali rigal huwa ir-raġunevolezza, il-ħila jiġifieri li tiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin; li tagħraf id-drittijiet propji, imma fll-istess ħin, ukoll dawk tal-oħrajn, u allura id-dmirijiet propji fir-rigward ta’ dawn; li torjenta ħajtek lejn id-destinazzjonijiet ġusti, waqt li tikkoreġi għall-eventwalitajiet l-iżbalji li tkun sibt ruħek fihom.

L-appell għar-raġuni jagħmel mill-bniedem esseri ċivili, li mhux ridott biex jistà jsolvi d-differenzi ma’ dawk bħalu bl-użu tas-saħħa biss, imma għandu l-ħila li jfittex, u li jsib is-soluzzjoni permezz tad-djalogu, il-konfront u t-trattativa.

F’din il-linja tal-ħsieb kien mexa l-kbir Wistin meta, waqt li kiteb lill maġistrat Ruman. Kien osserva li kien titolu ta’ glorja ogħla “ipsa bella verbo occidere, quam homines ferro” (S. Wistin, Ep. 229, ad Darium): “oqtol il-gwerra bil-kelma tat-trattativa, minflok ma toqtol il-bnedmin bix-xabla”, dan hu l-impenn li l-bniedem għandu jagħmel propju, b’kuraġġ bla biżà, b’tama tenaċi, b’rieda ġeneruża.

Bla dubju, hawn qegħdin nitkellmu dwar possibiltà mhux dejjem faċli: f’mhux ftit każijiet anzi, bħalma appunto f’dak preżenti, id-diffikultajiet jistgħu jkunu ta’ tali ġeneru li jidhru kważi, prattikament, li ma jistgħux jintgħelbu. Imma ma jistgħux jintgħelbu mhuma qatt, jekk il-Partijiet ikunu, it-tnejn, jafu jagħtu prova ta’ fehim reċiproku tad-drittijit propji u tal-oħrajn u l-interessi vitali, fejn hu nkluż l-unur nazzjonali mifhum b’mod leġittimu; jekk ikunu jafu jagħtu prova, jiġifieri, ta’ viżjoni iktar wiesgħa, li tħaddan ukoll il-ġid ta’ popli oħra u tal-umanità; ta’ viżjoni fil-qies  tal-konsegwenzi tal-operat propju; ta’ rieda tajba ġeneruża, li ma tnaqqas xejn mis-sens doveruż ta’ responsabiltà lejn il-Pajjiż propju u l-Konċittadini propji. Talb esiġenti, imma meħtieġ: għaliex verament “uman” u essenzjali għall-ġid tal-umanità.

Kif, infatti, ma terġgħux lura mwerwra quddiem il-prospettivi tal-qerda tal-mewt, li tirriserva llum kull gwerra, ukoll jekk immexxiha minn armi hekk imsejħa konvenzjonali, li lilhom it-teknoloġija moderna tat possibiltà miċidjali ta’ devastazzjoni u ta’ sterminju? Kull persuna responsabbli għandha tirrifletti b’mod serju dwar tali prospettivi, li quddiemha diġa il-prediċessur tiegħi ta’ tifkira venerabbli Piju XII ħareġ bi twissija tassew imnikkta: “Bil-paċi xejn mhu mitluf, kollox jistà jkun bil-gwerra”.

4. Fuq tali ħsibijiet għandu jirritorna n-nisrani, li fetaħ qalbu għall-messaġġ ta’ Dak li l-Profeta Iżaija kien sellem bħala l-“Prinċep tal-Paċi” ( 9,5). Mhux dan kien forsi jistenna l-Appostlu Pawlu mill-komunità nisranija primittiva? Smajna ftit ilu l-eżortazzjonijiet li huwa ndirizza lill-insara ta’ żmienu u, fihom, lil dawk ta’ kull żmien: “Esponu lil Alla t-talbiet tagħkom, b’talb, suppliki u ringrazzjamenti: u l-paċi ta’ Alla, li tgħaddi lil kull intelliġenza, tħares lil qlubkom u lil ħsibijietkom fi Kristu Ġesù”  (Fil 4,6-7).

Għandna, mill-bqija, preżenti sewwa f’moħħna r-riflessjonjiet tal-istess Appostlu dwar l-opra paċifikatriċi ta’ Kristu, li ġie fid-dinja biex “jagħmel miż-żewġ popli poplu wieħed, billi jwaqqà l-ħajt tal-firda li kien hemm fin-nofs, jiġifieri l-mibegħda”, u b’dan il-mod issir “il-paċi tagħna”, hekk li issa “permezz tiegħu nistgħu nippreżentaw lil xulxin lill-Missier bi Spirtu wieħed” (cf. Ef 2,14.18).

Hekk hu, ħuti u wliedi l-iktar għeżież: qatt daqs waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija aħna nisperimentaw il-verità ta’ dan il-kliem. Fil-misteru ta’ Kristu, li għalina jġedded il-Għid tiegħu tal-mewt u l-Qawmien mill-Imwiet, aħna “nistgħu nipreżentaw lil xulxin lill-Missier fi Spirtu wieħed”.

Għandna artijiet tat-twelid uman differenti, tradizzjonijiet kulturali differenti, mentalitajiet u interessi differenti: madankollu inħossuna membri ta’ familja soprannaturali unika, il-familja ta’ wlied Alla, li d-Demm ta’ Kristu feda u għamel aħwa. U nħossuna li nistgħu nġhixu flimkien serjament bejnietna, mingħajr ma jkollna niċċaħdu mill-partikularitjiet konnessi mal-istorja personali u nazzjonali tagħna, imma jirnexxilhom anzi jikkonfrontaw bejniethom, fit-tentattiv li jibnu sintesi superjuri, li tfisser għana maġġuri ta’ umanità għal kulħadd.

Ta’ din l-esperjenza tipikament nisranija jiena nitlobkom, meqjumin ħuti u wliedi għeżież, li tagħmlu lilkom infuskom xhieda u kelliema. Xandru quddiem kulħadd bil-kelma u bl-eżempju li huwa possibbli, li waqt li nirrispettaw l-esiġenzi ġusti tal-patrijottiżmu, nistgħu nissalvagwardjaw dik l-għaqda superjuri ta’ ħsibijiet, ta’ intenzjonijiet, ta’ twettiq, li għandha għeruqha fin-natura umana komuni u l-koronazzjoni tagħha fil-vokazzjoni għall-istess filjolanza divina.

Nitolbu lil Alla li dan il-messaġġ ta għerf uman u nisrani jilħaq l-imħuħ u l-qlub ta’ kulħadd, fl-Arġentina kif ukoll fil-Gran Brittanja. Jalla r-rieda tajba reċiproka ta’ dawk responsabbli, b’mod tens għar-riċerka tal-veru ġid taż-żewġ popli, tistà twassal għas-superament tat-tensjoni attwali u għas-seħħ tat-tama ispirata: “ġustizzja u paċi jitbewsu” (Sal 84 [85],11).

Aħna għal dan nitolbu biż-żelu tar-ruħ, waqt li nafdaw it-talba tagħna għall-interċessjoni ta’ Dik li għaliha l-bnedmin ta’ kull razza u ta’ kull ilsien m’għandhomx għajr isem wieħed, dak ta’ wlied.

Sultana tal-paċi, itlob għalina.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: