Qari tas-Sibt tar-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

Qari I

Alla tas-sliem, li qajjem mill-imwiet lir-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, iwettaqkom b’kull ħaġa tajba.

Lhud 13, 15-17.20-21

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, b’Ġesù, mela, ejjew noffru f’kull ħin lil Alla sagrifiċċju ta’ tifħir, jiġifieri l-kelma ta’ xufftejna li tistqarr ismu. Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla. Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-dmir bil-ferħ, u mhux bi swied il-qalb; għax dan ma jkun jiswielkom ta’ ebda ġid.

U Alla tas-sliem, li bis-saħħa tad-demm tal-patt ta’ dejjem qajjem mill-imwiet lil Sidna Ġesù, li hu r-Ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, iwettaqkom b’kull ħaġa tajba, biex tagħmlu r-rieda tiegħu; ħalli jagħmel hu fina dak li jogħġob lilu b’Ġesù Kristu, li lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem! Amen.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.

Mk 6, 30-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: