Qari tal-Ħames Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek.
Iż 58:7-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Mhux dan is-sawm li jiena rrid,
li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ,
u ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf?
Mhux li tlibbes lil min tara għarwien,
u n-nies ta’ darek ma tinsihomx?

Imbagħad ifeġġ bħaż-żerniq id-dawl tiegħek,
u malajr tagħlaqlek il-ġerħa tiegħek.
Quddiemek timxi l-ġustizzja tiegħek,
u l-glorja tal-Mulej timxi warajk.

Jekk biss issejjaħlu, iwieġeb il-Mulej;
jekk tgħajjatlu, jgħidlek: ‘Hawn jien!’.
Jekk tneħħi minn nofsok il-moħqrija,
ma tmiddx subgħek u ma tagħmilx deni bi lsienek,
jekk int qalbek toħroġ għall-imġewwaħ,
u xxabba’ qalb l-imnikket,
imbagħad id-dawl tiegħek ifiġġ fid-dlam,
u s-swied tiegħek ikun bħan-nofsinhar”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 111(112):4-5,6-7,8a,9

R/. (4a): Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa. R/.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;
għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.
Xejn ma jibża’ minn aħbar ħażina;
qalbu qawwija bit-tama tal-Mulej. R/.

Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.
Iqassam u jagħti lill-foqra;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;
rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

QARI II
Ħabbartilkom ix-xhieda ta’ Kristu msallab.
1 Kor 2:1-5

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom il-Misteru ta’ Alla bi kliem kbir jew għaref. Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab. Jiena ġejt għandkom dgħajjef, imbażża’ u mriegħed. Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8:12

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Intom id-dawl tad-dinja.
Mt 5:13-16

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

%d bloggers like this: