QARI I
Jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta.
Dewt 30:15-20
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Ara, jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. Issa jekk tisma’ mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu, int tgħix u titkattar, u l-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-art li int sejjer fiha biex teħodha f’idejk.
Imma jekk qalbek iddur u ma tismax, tintgħewa u tqim allat oħra u taqdihom, jien ngħidilkom illum li tinqerdu żgur; ma ddumux żmien twil fuq l-art, li int se taqsam il-Ġordan biex tidħol fiha u teħodha f’idejk.
Insejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tisma’ l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul ta’ jiemek li tgħammar fl-art li Alla ħalef li jagħtiha lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 1:1-2,3,4,6
R/. (Salm 39(40):5a): Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.
Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.
Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.
Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:17
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej,
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.
Lq 9:22-25
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.
Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.