Qari tas-Sibt tat-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

Qari I

Issa sirtu ħbieb ta’ Alla permezz tal-mewt ta’ Ibnu, biex iressaqkom quddiemu qaddisa u safja.

Kol 1, 21-23

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, intom ukoll kontu ’l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu minħabba l-ħażen ta’ ħsibijietkom u għemilkom; imma issa sirtu ħbieb tiegħu permezz tal-mewt ta’ Ibnu mogħti għall-mewt skont il-ġisem, biex dan iressaqkom quddiemu qaddisa, safja u bla għajb, kemm-il darba intom iżżommu sħaħ fil-fidi; sodi bla ma titħarrku mit-tama tal-Evanġelju li intom smajtu, u li tħabbar lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet, u li tiegħu jien, Pawlu, sirt ministru.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 53 (54), 3-4.6 u 8

R/. (6a): Alla hu l-għajnuna tiegħi

B’ismek, o Alla, salvani;

agħmilli ħaqq bil-qawwa tiegħek.

Isma’, o Alla, it-talba tiegħi;

agħti widen għal kliem fommi. R/.

Ara, Alla l-għajnuna tiegħi;

il-Mulej hu dak li jżommni.

Minn qalbi noffrilek is-sagrifiċċju;

irrodd ħajr lil ismek, għax hu tajjeb. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?

Lq 6, 1-5

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ġara li darba s-Sibt Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh. Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”. Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu, u madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss?”. U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: